L-Isqof Mario Grech f’Ħadd il-Palm


Il-Ħadd, 5 ta’ April 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex fit-Tifkira Solenni ta’ Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej, fil-Katidral ta’ Għawdex.

Ħajr: Radju Katidral

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech

BIL-FRIEGĦI TAŻ-ŻEBBUĠ F’IDEJNA

Meta Ġesù daħal Ġerusalemm, in-nies laqgħuh bil-friegħi taż-żebbuġ u tal-palm f’idejhom. X’tifsira jista’ jkollu dan il-ġest?

Huwa fatt li miż-żebbuġ nagħmlu ż-żejt li jintuża mhux biss għall-ikel, imma wkoll biex jixegħlu d-dawl, għall-fejqan u għall-fwieħa. Fil-Bibbja nsibu li ż-żejt kien jintuża għall-konsagrazzjoni tar-rejiet (1 Sam 10:1), tas-saċerdoti (Lev 8:20) u tal-profeti (Iż 61:1). Anki llum il-Knisja għadha tagħmel id-dilka biż-żejt bħala sinjal tal-konsagrazzjoni tal-bniedem: dan jiġri fil-Magħmudija, waqt il-Griżma tal-Isqof, kif ukoll fl-Ordinazzjoni tas-saċerdoti u tal-isqfijiet. Għalhekk nistgħu ngħidu li meta dakinhar il-Lhud laqgħu lil Kristu bil-friegħi taż-żebbuġ, huma bħal donnhom riedu jfakkruh li hu kien il-“midluk” (Kristu), l-ikkonsagrat tal-Mulej; riedu jfakkruh f’dak li darba kien qal fis-sinagoga ta’ Nazaret: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani biex… inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” (Lq 4:16). F’dan il-mument tad-dħul tiegħu f’Ġerusalemm, meta kien ser jibda t-triq għall-Kalvarju, Ġesù kellu bżonn jisma’ din il-kelma ta’ kuraġġ. Bħalek u bħali Ġesù kellu l-beżgħat u l-inċertezzi tiegħu u għalhekk japprezza li l-poplu jfakkru li kien ikkonsagrat biż-żejt (bl-Ispirtu s-Santu). Tqal kemm huma tqal l-isfidi li kellu quddiemu, Ġesù ma kienx ser ikun waħdu, għax l-Ispirtu s-Santu kien miegħu.

Inħoss li fiċ-ċirkustanzi gravi li qegħdin ngħixu f’dan iż-żmien tal-imxija, f’dan Ħadd il-Palm, meta fl-immaġinazzjoni tagħna aħna wkoll għandna l-friegħi taż-żebbuġ f’idejna, aħna qegħdin infakkru lil xulxin li aħna ma aħniex waħidna. Iż-żebbuġ ifakkarna fiż-żejt tal-konsagrazzjoni tal-Magħmudija u tal-Konfirmazzjoni tagħna u li dakinhar aħna rċivejna l-Ispirtu s-Santu, li hu l-qawwa ta’ Alla! Kif imqawwi b’din il-verità Kristu jersaq b’wiċċu minn quddiem lejn il-ġrajja tal-passjoni u l-mewt tiegħu, hekk ukoll aħna ma għandniex għax nitwerwru jew naqtgħu qalbna fiċ-ċirkustanzi ta’ madwarna.

Meta l-Lhud taw merħba lil Kristu biż-żebbuġ f’idejhom huma bħal riedu jgħidulu li fi ftit ġranet oħra hu kien ser ikun għad-dell tas-siġar taż-żebbuġ fil-ġnien ta’ Ġetsemani. Bil-lingwa tagħna, il-kelma ‘Ġetsemani’ tfisser magħsar jew mehrież fejn wieħed jisħaq u jgħaffeġ iż-żebbuġ biex minnu jiġbor iż-żejt ġdid. Jekk iż-żebbuġa ma tintaħanx, ma titkissirx u ssir trietaq, ma tagħtix dak iż-żejt ifuħ. Kristu fil-Ġetsemani jiġrilu l-istess kif jiġri liż-żebbuġ fil-magħsar jew il-mehrież: taħt il-pressjoni enormi tal-ħażen, taħt il-piż qawwi tar-rieda tal-Missier u tas-solitudni, fil-Ġnien taż-Żebbuġ Ġesù tant iħossu misħuq, mitħun, imkisser f’taqbida interjuri u esterna, illi jagħraq l-għaraq tad-demm. Imma minn dik il-passjoni mbagħad joħroġ il-frott kollu fwieħa: il-fidwa tal-univers. Minn dik it-tbatija Ġesù jduq u jdewwaq l-imħabba bla qies tal-Missier.

Anki hawnhekk nara lilna li minħabba l-Covid-19 qed inħossuna taħt pressjoni qawwija li aktar ma jgħaddu l-ġranet aktar qed tagħfas fuqna. Il-fergħa taż-żebbuġ f’idejna qed tgħidilna li f’dawn iċ-ċirkustanzi aħna ser ngħaddu mill-‘Ġetsemani’ li għalina wkoll huwa magħsar jew mehrież. Taħt il-pressjoni li qed tinġema’ fuqna, speċjalment minħabba l-kwarantina kif ukoll minħabba l-istess theddida tal-infezzjoni, ħafna ser iħossuhom mgħaffġa u misħuqa. Imma minn din il-pressjoni u minn din it-tbatija jaf joħroġ it-tajjeb. Huwa fatt li f’dawn il-ftit ġimgħat li ilna magħluqin fi djarna minħabba l-imxija, diġà bdejna naraw ħwejjeġ pożittivi. Fil-fatt, li wieħed jiġi konxju mil-limitazzjonijiet tiegħu u nintebħu li aħna ma aħniex allat, għalija diġà huwa akkwist kbir! Ħafna qed jerġgħu jiskopru l-ġmiel tal-ħajja tal-familja – fejn qabel konna tellieqa mal-ħin u ma għandna ħin għal ħadd, issa l-familja qed issib il-gost li tkun flimkien! Is-sens ta’ solidarjetà li hawn bejnietna wkoll huwa frott bnin! Jien irrid ngħid grazzi li jumejn biss wara li nhar il-Ġimgħa li għaddiet għamilt l-appell biex noffru ventilator lid-Dipartiment tas-Saħħa (nagħmilha ċara li ma ħadniex din l-inizjattiva għax għandna xi dubju li l-Istat ma għandux il-mezzi meħtieġa jew ser iħallina nieqsa mill-meħtieġ għas-saħħa!), rajt ġenerożità kbira, u fiduċjuż li din il-ġenerożità ser tkompli tikber. Għalhekk, kif il-pressjoni toħroġ iż-żejt miż-żebbuġ, kif bil-passjoni tiegħu Kristu kiseb il-fidwa, anki l-passjoni tagħna llum toħroġ minna dak li huwa sabiħ!

Il-friegħi taż-żebbuġ f’idejn il-Lhud fit-toroq ta’ Ġerusalemm ma jistgħux ma jfakkrunix fil-ħamiema li b’werqa taż-żebbuġ f’munqarha marret tħabbar lil Noè li d-dilluvju kien għadda! Huwa minnu li madwar l-arka kien hemm sinjali ta’ qerda u mewt, imma l-ħamiema biż-żebbuġa ħabbritlu li kien ser jibda żmien ġdid – żmien ta’ riġenerazzjoni, ta’ ħolqien ġdid. Bit-tixjir taż-żebbuġ il-Lhud kienu qed jgħidu lil Ġesù li għalkemm quddiemu kellu l-passjoni u l-mewt, mewtu kienet ser twelled ħajja ġdida – mal-mewt tiegħu kienet ser isseħħ riġenerazzjoni ta’ kollox. Hekk ġara tassew nhar l-Għid il-Kbir.

Imma dan ngħidu wkoll lilna llum: bil-friegħi taż-żebbuġ qisna dik il-ħamiema li ħabbret il-ħajja lil Noè wara li kien intemm id-dilluvju. L-għargħar kien ikrah għax ġab ħerba; imma għadda u mar. Hekk ukoll ser jiġri lilna u madwarna: din il-pandemija tgħaddi, u jkollna riġenerazzjoni ta’ dak kollu li huwa tajjeb. Ma naqtgħux qalbna.

Wieħed mill-kotba apokrifi tat-Testment il-Qadim jismu L-Apokalissi ta’ Mosè, fejn hemm ir-rakkont tal-mewt ta’ Adam. Fil-fatt, meta Adam kien qed imut, huwa bagħat lil ibnu Set ifittex mingħand l-angli ż-żerriegħa ta’ siġra li tgħin lill-bniedem jagħraf is-sewwa mill-ħażin. Wara li ġera d-dinja, Set ġie lura bi tliet tipi ta’ żrieragħ: waħda minnhom kienet iż-żerriegħa tas-siġra taż-żebbuġ, għax din is-siġra li tgħin lill-bniedem jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin u tagħtih id-don tal-għerf.

Nawgura li ż-żerriegħa taż-żebbuġ li bih qed nilqgħu fostna lil Kristu, il-midluk tal-Mulej, tnibbet fina dik is-siġra li tgħinna naqilgħu d-don tal-għerf li bih inkunu nistgħu naraw ’l hinn mix-xefaq!