It-Tlieta, 7 ta’ April 2020: F’dawn il-jiem tar-Randan rajna kif kien ippersegwitat Ġesù u kif id-dutturi tal-Liġi ħraxu kontrieh: kien proċess dominat mill-fanatiżmu, b’akkaniżmu, minkejja li kien innoċenti. Illum nixtieq nitlob għal dawk il-persuni li qed isofru minħabba xi sentenza inġusta tort tal-akkaniment.
Omelija
Il-profezija ta’ Iżaija li smajna hi profezija dwar il-Messija, dwar ir-Redentur, imma hi wkoll profezija dwar il-poplu ta’ Iżrael, dwar il-poplu t’Alla: nistgħu ngħidu li tista’ tkun ukoll profezija dwar kull wieħed u waħda minna. Fis-sustanza l-profezija tisħaq li l-Mulej mill-ġuf sejjaħ lill-qaddej tiegħu, mill-ġewwieni t’ommu: itenniha darbtejn (cf. Iż. 49, 1). Il-qaddej tiegħu kien imsejjaħ sa mit-twelid jew minn qabel it-twelid. Il-poplu t’Alla kien imsejjaħ sa minn qabel it-twelid u kull wieħed u waħda minna wkoll. Ħadd minna ma waqa’ fid-dinja b’kumbinazzjoni. Kull wieħed u waħda minna għandna destin, destin ħieles, id-destin tas-sejħa t’Alla. Jien nitwieled bid-destin li nkun iben Alla, li nkun qaddej t’Alla, bid-dmir li nservi, li noħloq, li nibni. Dan sa minn ġuf l-omm.
Il-Qaddej ta’ Jahweh, Ġesù, baqa’ jservi sal-mewt. Kienet tidher telfa, imma kien il-mod li bih serva. U dan hu l-istil tal-qadi li aħna għandna nadottaw fil-ħajja tagħna: inservu u ningħataw lill-oħrajn.
Is-servizz ma jfissirx li nippretendu xi gwadann ieħor lil hinn mis-servizz fih innifsu. Il-qadi huwa l-glorja. Il-glorja ta’ Kristu hi li jkun serv sa ma xxejjen, sal-mewt, sal-mewt tas-Salib (cf. Fil. 2, 8). Ġesù hu l-qaddej ta’ Iżrael. Il-poplu t’Alla hu qaddej u meta dan jitbiegħed minn dan l-atteġġjament ta’ qadi jsir poplu apostata: jitbiegħed mill-imħabba t’Alla. U ħajtu jibniha fuq imħabbiet oħra, il-biċċa l-kbira idolatri.
Il-Mulej sejħilna sa minn ġuf ommna. Fil-ħajja hemm il-waqgħat: kollha kemm aħna midinbin u nistgħu naqgħu, u waqajna. Il-Madonna u Ġesù biss (huma bla dnub); mill-bqija lkoll kemm aħna waqajna, aħna midinbin. Imma jiswa biss l-atteġġjament quddiem Alla li sejjaħli, li tani d-dilka ta’ qaddej; huwa l-atteġġjament tal-midneb bil-ħila li jitlob maħfra, bħal Pietru li jaħlef, ‘Le, le, jien qatt ma jien se niċħdek, qatt u qatt!’ Imbagħad meta jidden is-serduk, jibki. Jisgħobbih (cf. Mt. 26, 75). Din hi t-triq tal-qaddej: meta jiżloq, meta jaqa’, jitlob maħfra.
Iżda meta l-qaddej m’għandux ħila jifhem li waqa’, meta jinħakem mill-passjoni b’tali mod li twasslu għall-idolatrija, jiftaħ qalbu għal satana, jidħol fid-dalma tal-lejl: hekk ġralu Ġuda (cf. Mt. 27, 3-10).
Niftakru llum f’Ġesù l-qaddej, fidil fis-servizz. Il-vokazzjoni tiegħu hi l-qadi sal-mewt, u l-mewt fuq Salib (cf. Fil 2, 5-11). Naħsbu ftit fina nfusna, li niffurmaw parti mill-poplu t’Alla: aħna qaddejja, imma l-vokazzjoni tagħna hi li l-qadi ma nużawhx biex napprofittaw ruħna mill-pożizzjoni tagħna fil-Knisja. Naqdu, dejjem f’servizz.
Nitolbu l-grazzja li nipperseveraw fil-qadi. Kultant b’xi żelqa, waqgħa. Imma tal-anqas bil-grazzja li nibku bħalma beka Pietru.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.