Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għal dawk li joffru servizz lill-persuni b’diżabbilta’

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 18 ta’ April 2020: Ilbieraħ irċevejt ittra mingħand soru li kienet taħdem bħala traduttriċi bil-lingwa tas-sinjal għat-torox u l-muti.  Irrakkuntatli dwar id-diffikultajiet kbar li  qed iħħabtu wiċċhom magħhom l-operaturi tas-saħħa, l-infermieri, it-tobba, biex jikkuraw lill-morda li huma diżabbli u li għandhom il-Covid-19.  Nitolbu għal dawk li dejjem joffru servizz lil dal-persuni b’diżabbiltajiet diversi u li m’għandhomx il-ħiliet li għandna aħna.

Omelija

“Id-don tal-Ispirtu s-Santu: l-onestà, il-kuraġġ,  “il-parresìa” (espressjoni ħielsa)”

Meta l-kapijiet, ix-xjuħ, l-iskribi raw lil dawn l-irġiel u s-sinċerità ta’ kliemhom, u kien jafu li huma nies bla tagħlim, forsi lanqas kienu jafu jiktbu, baqgħu miblugħin.  Ma setgħux jifhmu: “Din ħaġa li ma nistgħux nifhmuha, kif dan-nies għandhom daqstant kuraġġ,  huma daqstant sinċieri” (cfr Atti 4,13).  Din hi kelma importanti ħafna li saret l-istil propju tal-predukaturi nsara, narawh fl-Ktieb tal-Atti tal-Apposlti wkoll: sinċerità, kuraġġ.  Ifissru kollox.  Kliem ċar.  Kelma mnissla minn għerq Grieg li jfisser: tgħid kollox.  Aħna wkoll nużawha bosta drabi dil-kelma, propju l-kelma Griega, biex infissru dan: parresìa, sinċerità, kuraġġ.  Huma raw dis-sinċerità, dal-kuraġġ, dil-parresìa, din l-espressjoni ħielsa li l-mexxejja ma setgħux jifhmuha.

Sinċerità.  Il-kuraġġ u s-sinċerità li bihom kienu jipprietkaw l-ewwel appostli…  Per eżempju, il-Ktieb tal-Atti tal-Atti hu mimli b’dawn l-eżempji: jgħid li Pawlu u Barnaba kienu qed jippruvaw jispjegaw bis-sinċerità kollha lil-Lhud, il-misteru ta’ Ġesù u kienu jipprietkaw l-Evanġelju bil-kuraġġ (cfr Atti 13,46).

Imma hemm sentenza fl-Ittra lil-Lhud li lili togħġbni ħafna, meta l-awtur jintebaħ li hemm xi ħaġa fil-komunità li qed tnin, li qed tintilef xi ħaġa, li hemm ċertu bruda, li dawk l-insara qed jibirdu.  U jgħid hekk -ma niftakarx il-kliem eżatt… – jgħid: “Ftakru f’dawk l-ewwel jiem, meta ġarrabtu bis-sabar taqbida ħarxa: tarmux mela il-fiduċja tagħkom (Lhud 10,32-36).

Erġa’ qum fuq tiegħek, erġa’ lura għas-sinċerità, għall-kuraġġ li timxi ‘l quddiem.  Ma tistax tkun nisrani mingħajr din is-sinċerità: jekk m’għandekx, ma tistax tkun nisrani tajjeb.  Jekk nieqes mill-kuraġġ, jekk biex tispjega l-pożizzjoni tiegħek inti tiżżerżaq lejn l-ideoloġiji jew tuża l-każisitka, inti nieqes mis-sinċerità, nieqes mill-istil nisrani, mill-libertà li titkellem, li tgħid kollox.  Il-kuraġġ.

Imbagħad naraw li l-kapijiet, ix-xjuħ, l-iskribi, huma vittmi, huma vittmi ta’ dis-sinċerità, għax tpoġġihom daharhom mal-ħajt: ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu.  Peress li kienu jafu “li kienu bnedmin sempliċi u bla tagħlim “meta raw il-kuraġġ li bih kienu tkellmu, baqgħu mistagħġba bihom, għax kienu jafu kemm dawn kienu nies sempliċi u bla tagħlim, u fehmu sewwa li kienu nies ta’ madwar Ġesù; imma meta raw ir-raġel li kien imfejjaq, wieqaf hemm ħdejhom, ma kellhom ħila jwieġbu xejn (Atti 4,13-14).

Minflok aċċettaw il-verità kif kienet tidher ċar, kellhom qalbhom tant maħluqa li fittxew joħorġu mis-sitwazzjoni bid-diplomazija, it-triq tal-kompromess: “Ejjew nhedduhom biex ma jsemmu dan l-isem ma’ ħadd iżjed” (cfr Atti 4,16-17).  Verament jinsabu daharhom mal-ħajt minħabba s-sinċerità: ma kinux jafu kif se joħorġu mis-sitwazzjoni.  Imma ma waqgħalhomx f’moħħhom jgħidu: “Imma dan jista’ jkun veru?”  Qalbhom kienet diġà magħluqa, kienet iebsa: qalbhom kienet korrotta.  Dan hu wieħed mid-drammi: il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li tidher f’dis-sinċerità tal-predikazzjoni, f’dil-bluha tal-predikazzjoni, ma tistax tinfed il-qlub korrotti.  Irridu noqgħodu attenti għal dan: midinbin, iva, korrotti, qatt.  U ma naslux naqgħu f’dil-korruzzjoni li tidher taħt ħafna għamliet.

Imma kienu daharhom mal-ħajt u ma kinux jafu x’se jgħidu.  U fl-aħħar sabu kompromess: “Nhedduhom ftit, inbeżżgħuhom ftit”, u jagħmlulhom stedina, isejħulhom lura u jordnawlhom, jitolbuhom biex f’ebda ħin ma jitkellmu jew jgħallmu fl-isem ta’ Ġesù.  “Ejjew nagħmlu paċi; intom morru fil-paċi imma titkellmux f’isem Ġesù, tgħallmux f’ismu (cfr Atti 4,18).  Nafu li Pietru ma kienx bniedem ta’ kuraġġ.  Kien beżżigħ, ċaħad lil Ġesù.  Imma issa x’ġara?  Iwieġbu: “Għidulna intom jekk hux sewwa quddiem Alla li aħna nisimgħu aktar minnkom milli minn Alla; għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna” (Atti 4,19-20).  Imma dal-kuraġġ ta’ dal-bniedem li ċaħad lil Ġesù, mnejn ġej?  X’ġara fil-qalb ta’ dal-bniedem?  Id-don tal-Ispirtu s-Santu: is-sinċerità, il-parresìa, hija don, grazzja mogħtija mill-Ispirtu s-Santu fil-jum tal-Pentekoste.  Propju wara li rċevew l-Ispirtu s-Santu marru jipprietkaw: bil-kuraġġ, ħaġa ġdida għalihom.  Din hi koerenza, is-sinjal tan-nisrani, tan-nisrani veru: huwa kuraġġuż, jgħid il-verità kollha għax hu koerenti.

U meta l-Mulej jibgħat, isejjaħ għal dil-koerenza; wara dis-sintesi li jagħmel Marku fl-Evanġelju: il-qawmien filgħodu – sintesi tal-qawmien mill-mewt – “ċanfarhom talli kienu nieqsa fil-fidi u l-ebusija tal-qalb, għax ma kinux emmnu lil dawk li kienu rawh irxuxtat” (Mk 4,14).  Imma bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu – hi t-tislima ta’ Ġesù: “Irċievu l-Ispirtu s-Santu” – qalilhom: “Morru fid-dinja kollha xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 4,15), morru bil-kuraġġ, morru bis-sinċerità, tibżgħux.  “Tarmux – kif tgħid l-Ittra lil-Lhud – il-fiduċja tagħkom, tarmux dan id-don tal-Ispirtu s-Santu (cfr Lhud 10,35).  Propju minn hawn titwieled il-missjoni, minn dan id-don li jagħmilna kuraġġużi, ħielsa fit-tħabbir tal-kelma.

Jalla l-Mulej jgħinna dejjem inkunu hekk: kuraġġużi.  Dan ma jfissrix li nkunu imprudenti: le u le.  Kuraġġużi.  Il-kuraġġ nisrani hu dejjem prudenti, imma hu kuraġġ.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading