Illum il-Knisja tfakkar lil Beata Marija tal-Inkarnazzjoni


Fit-18 ta’ April l-Knisja tfakkar lil Beata Marija tal-Inkarnazzjoni, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1566 sa 1618.

Twieldet f’Pariġi fl-1 ta’ Frar 1566, minn familja Nisranija ħafna. Kienet bint Nicholas Avrillot li kien Ministru tal-Finanzi u wara laħaq il-Kanċillier tar-Reġina Margarita ta’ Valois, li aktar tard iżżewġet lill-futur Re Neriku IV. Isimha kien Barbe.

Barbe rċeviet l-edukazzjoni tagħha għand is-sorijiet Franġiskani ta’ Long Champs, fejn zijitha kienet is-superjura. Barbe kienet iddeterminata li tkompli tgħix il-ħajja reliġjuża, imma ommha daqstant ieħor kienet iddeterminata li Barbe tiżżewweġ skont il-moda tal-klassi għolja ta’ dak iż-żmien.

Kellha 11-il sena meta għamlet l-Ewwel Tqarbina u minn dakinhar bdiet tħoss il-ġibda għall-ħajja reliġjuża. Ta’ 14-il sena ħaditha ma’ ommha u ma riditx taf bi żwieġ. Ommha ġagħlitha tgħix f’kamra għal sentejn, kamra li ma kinitx imsaħħna, biex forsi Barbe ċċedi.

Ta’ 16-il sena Barbe aċċettat li tiżżewweġ lil Pierre Acarie, Viskonti ta’ Villemore, żagħżugħ intelliġenti, avukat sinjurun u kattoliku ferventi. Ma setgħetx ikollha raġel aħjar. Pierre kien jgħin lir-rifuġjati Kattoliċi Ingliżi mill-persekuzzjoni tar-Reġina Eliżabetta.

Barbe fl-aħħar ċediet li tibda tilbes ħwejjeġ tal-moda skont il-pożizzjoni tagħha. Tant kienet tidher sabiħa li qalgħuhielha “La Belle Acarie.” Il-koppja kellha sitt itfal. Barbe kienet tgħaddi wisq ħin fuq kif ser tgħix skont il-klassi ta’ dak iż-żmien. Pierre nduna b’dan, li kienet qiegħda tgħaddi ħafna ħin taqra r-rumanzi. Din il-ħajja ta’ tgawdija u xalar ma damitx sejra, u bidlilha l-kotba ma’ dawk aktar spiritwali.

Bil-mod il-mod Pierre ntebaħ li Barbe kienet bdiet tgħix ħajja spiritwali intima, li xi drabi wassluha għal estasi. Kien patri kapuċċin Ingliż, Fr Benet Canfield li assiguraha li l-esperjenzi li kienet tgħaddi minnhom kienu ġejjin minn Alla.

Nerik IV attakka lil Pariġi, Pierre ġie eżiljat u peress li kien nefaq somom kbar biex jiddefendi lill-Kattoliċi, Barbe sabet ruħha f’sitwazzjoni kerha ferm. It-tfal bagħatithom għand is-sorijiet. Marret tgħix mal-kuġin tagħha, ħadet f’idejha d-difiża tar-raġel. Kienet tmur tarah regolarment, Soissons, fejn kien 60 km ’il bogħod. Waqgħet darbtejn minn fuq iż-żiemel u kisret saqajha. Ħadulha kull ma kellha u ġiet umiljata sal-aħħar.

Fl-1593, ir-Re Neriku IV reġa’ sar Nisrani u Pierre ġie meħlus u sab ruħu bla flus, bla xogħol u sab li d-dar tbiddlet f’post ta’ spiritwalità. Barbe rsistiet biex tagħmel xogħol ta’ ħajja Nisranija għal Franza u waqqfet il-“Karmelitani ta’ Franza”. Għenet biex twaqqaf is-Soċjetà tal-Oratorjani.

Fl-1613, Pierre miet wara li daret bih sal-aħħar. Wara l-mewt tiegħu, iddisponiet mill-propjetà u l-ġid kollu tagħha u daħlet mas-Sorijiet Karmelitani ta’ Amiens.

(Nota: Fl-1792, 16-il soru minn dan il-monasteru mietu martri fir-Rivoluzzjoni Franċiża – Il-Beati Karmelitani).

Tawha l-isem ta’ Marija tal-Inkarnazzjoni. Kienet tagħmel il-faċendi, tgħin fil-kċina u l-aħħar erba’ snin ta’ ħajjitha għaddiethom mingħajr ma ħadd jagħti kas tagħha, sħabha jikkonfrontawha, jgħajjruha u ma jikkalkulawhiex.

Minħabba l-marda kerha li kellha, ħaduha f’kunvent ieħor f’Pontoise. Mietet fit-18 ta’ April 1618, kien l-Għid, kellha 52 sena. Il-Papa Piju VI bbeatifikaha fl-1791.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.