Madonna ta’ Pompei

Print Friendly, PDF & Email

Tagħrif: Waħda mill-isbaħ devozzjonijiet li għandna f’pajjiżna u li tiġbed ħafna nies fil-festa tagħha hija l-Festa tal-Madonna ta’ Pompei nhar it-8 ta’ Mejju. Wieħed jistaqsi: “Minn fejn beda kollox?”

Ara wkoll preżentazzjonijiet powerpoint …

a. Il-Kurunella tal-Madonna ta’ Pompei …
b. Is-Supplika lill-Madonna ta’ Pompei …

Pompei kien raħal li kellu memorji sbieħ tal-passat għax fl-ewwel snin tal-Insara, Pompei kienet belt kbira u importanti minħabba l-port tagħha. Iżda l-ġmiel u l-kobor tal-belt ta’ Pompei inqered għal kollox meta żbroffa l-Vulkan Vesuvju fit-28 t’Awwissu 79 A.D.

Il-Madonna riedet tagħti ħajja ġdida lil din il-belt billi tagħmilha ċentru ta’ talb Marjan. Il-Madonna kellha tinqeda b’avukat marradi, Bartolo Longo, li fiż-żgħożija tiegħu kien bniedem anti-klerikali. Bil-għerf tiegħu, hu ried iġib fix-xejn u jeqred lill-Knisja. Longo kien saċerdot ta’ setta satanika. Iżda l-providenza Divina laqqgħetu ma’ Vinċenzo Pepe li fid-29 ta’ Mejju, 1865 wassal lil Longo jmur iqerr għand Patri Alberto Radente. Dan il-patri kellu mħabba kbira lejn il-Madonna u kien ifittex li jxandar ir-rużarju. Hu għin lil Bartolo Longo biex jiċħad lis-setta u jikkonverti.

Fit-23 ta’ Ġunju, 1865, festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, Bartolo Longo rċieva l-ewwel Ewkaristija wara l-konverżjoni tiegħu. Nhar is-7 t’Ottubru, 1871 sar Terzjarju Dumnikan taħt l-isem ta’ Fra Rosario. Fl-istess waqt beda jattendi l-laqgħat ta’ formazzjoni organizzati minn Katerina Volpicelli, illum qaddisa.

Fl-1872, taħt il-gwida ta’ Santa Katerina Volpicelli, Longo mar f’Pompei jamministra l-propjetà tal-Kontessa Marianna Farnararo de Fusco. Hemm sab jistennieh faqar kbir u nuqqas ta’ tagħlim. Is-sħarijiet kienu kkunsidrati bħala l-uniċi mezzi ta’ fejqan tal-ġisem u tar-ruħ. Kien hemm telqa kbira u baħħ. Longo twerwer! Darba minnhom, fil-ħin tad-daqq tal-qniepen ta’ nofsinhar, Longo sema’ sejħa mingħand il-Verġni Mbierka: “Jekk inti qed tfittex is-salvazzjoni, xerred ir-Rużarju!” Longo kien pront u wieġeb: “Verġni Mbierka, int wegħedt lil San Duminku li min ixerred ir-Rużarju se jsalva. Jien mhux ħa nitlaq minn Pompei qabel ma nkun xerridt ir-Rużarju tiegħek!” Minnufih Longo beda bil-ħidma. F’għaxart ijiem, bl-għajnuna ta’ xi raħħala, irranġa l-kappella tas-Salvatur li kien hemm mitluqa u ċċelebra l-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Qassam ħafna kuruni tar-Rużarju u beda jxerred id-devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka skont il-wegħda li kien għamel. Longo beda wkoll jgħallem u jipprietka lir-raħħala ta’ Pompei.

Longo xtaq li jkollu pittura tal-Verġni Mbierka. Mar Napli u xtara xbieha tal-Madonna. Ta x-xbieha lill-bidwi Angelo Tortora dan ġarrielu lejn Pompei fuq karrettun taż-żibel. Longo qal: “Dan huwa sinjal li l-Madonna tħobb l-umiltà!” Ix-xbieha tal-Madonna waslet f’Pompei nhar it-13 ta’ Novembru, 1875.

Fuq parir tal-Isqof Giuseppe Formisano, Longo beda jibni knisja ġdida ddedikata lill-Verġni Mbierka tar-Rużarju Mqaddes. L-ewwel ġebla ġiet imqiegħda nhar it-8 ta’ Mejju, 1876. Dakinhar l-Isqof Formisano tenna li “Marija hi tassew l-awtur tat-tempju li jrid jitla’ fuq dan il-post!”

Marianna Farnararo de Fusco imbagħad marret għand Bartolo Longo ġewwa Pompei u bdiet tgħinu finanzjarjament fil-bini tal-knisja ġdida. Il-Madonna ta’ Pompei – kif issa kienet qed tiġi msejħa – bdiet ixxerred l-ewwel grazzji tagħha. Fost dawn kien hemm il-fejqan mill-epilessija tat-tifla Clorinda Lucarelli u l-fejqan ta’ omm Bartolo Longo. B’ringrazzjament għal dawn il-grazzji, diversi persuni taw għotjiet ġenerużi għall-bini tal-knisja.

Fl-1877, Bartolo Longo kiteb u xerred id-devozzjoni tal-ħmistax-il Sibt f’ġieħ il-Madonna ta’ Pompei. Fl-1879, Longo marad sew u ħaseb li kien se jmut. Għalhekk kiteb novena f’ġieħ il-Madonna ta’ Pompei u b’mod mirakoluż, meta temm jikteb din in-novena, Longo fieq.

Longo kiteb ukoll supplika lill-Madonna ta’ Pompei biex isaħħaħ it-tagħlim tal-Papa Ljun XIII fl-enċiklika Supremi Apostolatus Officio. Din l-enċiklika kienet titkellem dwar id-devozzjoni tar-Rużarju Mqaddes. Nhar l-14 t’Ottubru, 1883 imbagħad, madwar 20,000 pellegrini nġabru f’Pompei għar-reċita tal-ewwel Supplika. Dik is-sena wkoll, tbierku l-ewwel żewġ qniepen tal-knisja l-ġdida li ġew imsemmija Maria Rosaria u Caterina da Siena.

Fis-7 ta’ Marzu, 1884, Longo ppubblika l-ewwel fuljett Il Rosario e la Nuova Pompei bl-approvazzjoni tal-istess Papa Ljun XIII. Sadattant Longo kompla x-xogħol soċjali tiegħu u fetaħ skejjel għat-tfal żgħar u anke djar għall-ħaddiema li kienu qed jibnu s-Santwarju. Pompei beda jieħu forma ġdida bil-bini ta’ toroq u pjazez ġodda. Twasslu is-servizzi tal-elettriku, il-posta u stazzjon tal-ferrovija.

Ix-xogħol fuq is-Santwarju l-ġdid kompla u fis-7 ta’ Mejju, 1887 il-Kardinal Monaco la Valletta kkonsagra l-artal maestuż tas-Santwarju. L-għada, jiġifieri fit-8 ta’ Mejju, 1887, ix-xbieha tal-Madonna kienet inkurunata b’dijademi tad-djamanti u ż-żaffiri li kienu mbierka mill-Papa stess. Fis-sena 1891, Bartolo Longo fetaħ dar għat-tfal tal-priġunieri.

Fl-1893, kienet is-Sena tal-Ġublew għall-Papa Ljun XIII, u l-Papa rċieva diversi rigali. Min-naħa tiegħu, Bartolo Longo u Marianna de Fusco offrew il-propjetà kollha ta’ Pompei lill-Papa u dan aċċetta bil-ferħ, bil-kundizzjoni li Longo u Marianna jkomplu bl-inkarigu tal-amministrazzjoni.

Minħabba li x-xogħol fl-orfanatrofji kiber, Longo talab l-għajnuna u għalhekk ġew jgħinuh xi sorijiet Dumnikani. Eventwalment, Longo waqqaf il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Dumnikani tar-Rużarju ta’ Pompei nhar il-25 t’Awwissu, 1897. Dawn is-Sorijiet mill-ewwel middew idejhom għax-xogħol, min jgħallem, min jgħin fil-karità u min jieħu ħsieb l-artal u l-armar tiegħu.

Nhar il-5 ta’ Mejju, 1901, il-faċċata tas-Santwarju kienet inawgurata wara seba’ snin ta’ xogħol. Din il-faċċata nbniet mid-donazzjonijiet li ġew minn madwar id-dinja kollha u hija ddedikata lill-Paċi Universali.

Aktar tard maż-żmien, Longo irrinunzja x-xogħol kollu ta’ Pompei lill-Papa Piju X bħala “sinjal ta’ ubbidjenza li hi t-triq li ssalva lir-ruħ tal-bniedem.” Intant, fl-1907 waslu f’Pompei l-Aħwa Kristjani ta’ San Ġwann Battista de la Salle li ħadu l-inkarigu tal-iskejjel u l-formazzjoni tat-tfal subien li jkollhom diffikultà fil-ħajja tagħhom.

Fi Frar tal-1924 mietet Marianna de Fusco. Bartolo Longo beka imma rringrazzjaha għax kienet hi li ħeġġitu sabiex jiffjorixxi dan ix-xogħol kollu ġewwa Pompei. Fl-24 ta’ Mejju, 1925 tas-sena ta’ wara, tlesta l-bini tal-kampnar il-kbir tas-Santwarju. B’kollox il-kampnar dam jinbena tnax-il sena.

Saħħet Longo bdiet sejra lura u t-tabib Moscati ma tantx kien kuntent. Longo qal lit-tabib li l-mewt ma kinitx ta’ biża’ għalih, anzi, hu kien qed jistenna li jasal il-jum biex jara lil din l-Omm! Bartolo Longo miet nhar il-5 t’Ottubru, 1926. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu meqjuma fil-kappella ta’ taħt is-Santwarju. Hu kien dikjarat Beatu mill-Papa Ġwanni Pawlu II fis-26 t’Ottubru, 1980.

Ix-xogħolijiet ta’ Bartolo Longo baqgħu anke wara mewtu. Saħansitra fl-1948 infetaħ ukoll seminarju ġewwa Pompei. Kemm il-Papa Ġwanni Pawlu II u anke l-Papa Benedittu XVI żaru dan is-Santwarju għażiż, u quddiem ix-xbieha tal-Verġni Marija ta’ Pompei, talbu u nkoraġġew it-talba tar-Rużarju fost l-Insara.

Ħsieb: Ix-xogħol u d-devozzjoni li beda Bartolo Longo waslu ukoll fi gżiritna. Il-Markiża Apap Testaferrata, wara li salvat minn għarqa, riedet tirringrazzja lill-Madonna ta’ Pompei u għenet biex inbniet knisja ddedikata lill-Madonna ta’ Pompei f’Marsaxlokk. Ix-Xlukkajri ferħu għal din l-aħbar u għenu huma wkoll kif setgħu sabiex inbniet din il-knisja. Din il-knisja kellha tiġi mkabbra matul iż-żminijiet u ssawret fil-knisja li naraw illum, li kienet ikkonsagrata nhar is-17 ta’ Settembru, 1966.

Marsaxlokk sar Parroċċa ddedikata lill-Madonna ta’ Pompei nhar il-11 ta’ Jannar, 1897 b’digriet tal-Isqof Pietru Pace. Il-pellegrinaġġ li jsir ta’ kull sena nbena fi żmien il-kappillan Dun Lawrenz Mifsud fl-1963. Dakinhar kienu attendew folol kbar għal dan il-pellegrinaġġ. Jalla nkunu aħna li nkomplu nxerrdu din id-devozzjoni għall-glorja ta’ Alla u Ommu Marija.

Nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju, 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa pellegrinaġġ u ċċelebra Quddiesa fir-raħal ta’ Marsaxlokk, fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna ta’ Pompei. Dawn huma siltiet mill-omelija tiegħu ta’ dakinhar:

“Meta lil Ġesù darba qalulu: ‘Hawn ommok’, poġġa din il-mistoqsija: ‘imma min hi ommi? Min huma ħuti? Ħuti u ommi huma dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha’ (ara Mattew 12:47-50). Ma qalx ħuti biss, qal anke ommi, għax aħna l-Insara rridu nwelldu l-preżenza ta’ Ġesù kulfejn inkunu. Mela fina, bid-don tal-magħmudija li biha nsiru wlied Alla u aħwa ta’ Ġesù, hemm ukoll dan id-don tal-maternità biex inwelldu lil Ġesù kulfejn inkunu.

Jiena u nħares lejn l-istatwa tant grazzjuża tal-Madonna ta’ Pompei li qed iżżejjen il-bieb tal-Knisja, nitlobha biex bil-ħarsa ħelwa tagħha tikkonvinċina kemm hu ħelu li nkunu qrib Binha. Kemm hu ħelu li aħna nkunu taħt il-ħarsien tagħha. Kemm hu ta’ ġid għalina li aħna niggranfaw ma’ dik il-katina ta’ mħabba li hija l-kuruna tar-Rużarju. Kultant aħna nisimgħu l-aħbarijiet u dak li qed jiġri madwarna jinkwetana. Ejjew nirritornaw għad-devozzjoni u l-prattika qaddisa tar-Rużarju li ħelsitna fl-imgħoddi u tibqa’ teħlisna anke llum. Min iġorr fuqu l-kuruna tar-Rużarju għandu xi jfakkru fil-ħniena ta’ Alla, u li Alla huwa dejjem miegħu.

Ejjew nitolbu biex iż-żgħażagħ tal-lum ma jittraskurawx, ma jistħux, speċjalment iż-żgħażagħ Xlukkajri, tistħux tgħidu r-Rużarju. Anke meta tiltaqgħu ma’ xi tfajla gustuża għidulha: ‘aħna x-Xlukkajri devoti tar-Rużarju’. Min jaf kemm sajjieda jgħidu r-Rużarju. Ejjew aħna lkoll nagħtu spazju għal din il-katina ħelwa, li mhix katina ta’ skajvitù imma li tgħaqqadna ma’ Sidtna Marija.”

Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjows kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Agħfas hawn biex tniżżel id-dokument bis-Supplika lill-Madonna ta’ Pompei

Talba: O Sultana Kbira tal-Paċi,
O Verġni Mbierka Sultana tas-Sema u tal-art,
għall-isem tiegħek jifirħu l-anġli u l-qaddisin
u jitriegħed l-ispirtu tal-ħażen;
O Sultana Mbierka tar-Rużarju Mqaddes,
inti għażiltna fost uliedek biex tinxtered id-devozzjoni lejk minn Pompei;
aħna ninxteħtu quddiemek f’dan il-jum ta’ festa.
F’dan il-jum bdew ir-rebħiet tiegħek fuq l-istess art
li qabel kienet mimlija b’tempji pagani;
bid-dmugħ f’għajnejna nistqarrulek li nħobbuk:
aħna foqra nafdaw fik.
O Marija, dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena,
lejn il-familji tagħna, lejn pajjiżna u lejn id-dinja kollha;
ħares lejn il-Knisja; ikollok ħniena minna fid-dwejjaq tagħna
u fin-niket ta’ ħajjitna.
Ommna Marija, itlob għalina quddiem Ibnek,
u irbaħ lejk bil-ħniena l-qlub tal-midinbin.
Huma ħutna għeżież, huma wliedek;
għalihom ukoll Ġesù xerred demmu;
qegħdin inikktulek il-qalb tiegħek bla tebgħa.
Urina li inti s-sultana tal-paċi u l-omm tal-ħniena. Ammen

Din il-kitba hija meħuda mis-sit: Tagħrif dwar il-Qaddisin  … klikkja

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d