Is-Sibt, 25 ta April 2020: Illum nitolbu flimkien għall-persuni li jagħtu servizz fil-funerali. Dak li jagħmlu hu ta’ niket u wġigħ kbir u huma jmissu b’idejhom is-sofferenza ta’ dil-pandemija. Nitolbu għalihom.
Omelija – Il-fidi tingħata, tkun offruta l-aktar, bix-xhieda
Illum il-Knisja tiċċelebra lil San Mark, wieħed mill-erba’ evanġelisti, li kien qrib ħafna tal-appostlu Pietru. L-Evanġelju ta’ San Mark kien l-ewwel wieħed li nkiteb. Huwa sempliċi, bi stil sempliċi, mexxej. Jekk illum issibu ftit ħin, aqbduh f’idejkom u aqrawh. Mhux twil, imma tieħu gost taqra s-sempliċità li biha Mark jirrakkonta l-ħajja tal-Mulej.
U fl-Evanġelju – li hu t-tmiem tal-Evanġelju ta’ Mark, dak li għadna kif qrajna issa – il-Mulej jibgħat. Il-Mulej wera ruħu bħala s-Salvatur, bħala l-Iben waħdieni ta’ Alla; wera ruħu lil Iżrael kollu u lill-poplu, speċjalment b’aktar dettalji lill-appostli, lid-dixxipli. Dan hu t-tluq tal-Mulej: il-Mulej imur, telaq u ‘kien imtella’ s-sema u qagħad fuq il-lemin tal-Missier’ (Mk. 16, 19). Imma qabel ma telaq, meta deher lill-ħdax, qalilhom: ‘Morru fid-dinja kollha xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu’ (Mk. 16-15). Hemm il-missjoni tal-fidi. Il-fidi jew hi missjunarja inkella mhix fidi. Il-fidi mhix ħaġa għalija biss, biex jien nikber fil-fidi: din hi ‘ereżija njostika’. Il-fidi dejjem iġġagħlek toħroġ minnek innifsek. Toħroġ. It-trasmissjoni tal-fidi. Il-fidi trid tingħata, tkun offruta, fuq kollox bix-xhieda: ‘Morru biex in-nies jaraw kif qed tgħixu.’
Xi ħadd – saċerdot ewropew, minn belt ewropea – kien qed jgħidli: ‘Hawn tant nuqqas ta’ twemmin, tant anjostiċiżmu fl-ibliet tagħna, għax l-Insara m’għandhomx fidi. Kieku kellhom żgur kienu jgħadduha lil ħaddieħor.’ Hemm nuqqas ta’ missjonarjetà. Għax l-għeruq neqsin mill-konvinzjoni: ‘Iva, jien nisrani, jien kattoliku…’ Qisu dan kien xi atteġġjament soċjali. Fil-karta tal-identità ismek hu dan: u l-istess, ‘Jiena nisrani.’ Hu wieħed mid-dettalji tal-karta tal-identità. Din mhix fidi. Din hi ħaġa kulturali. Il-fidi ġġagħlek toħroġ, ittiha: għax essenzjalment il-fidi trid tingħata. M’għandhiex sabar. ‘Allura, padre, inti trid tgħid li għandna nkunu lkoll missjunarji u mmorru f’pajjiżi mbiegħda?’ Le, din hi biss biċċa mill-missjoni. Ifisser li jekk inti għandek il-fidi verament ma tistax ma toħroġx minnek innifsek, toħroġ u l-fidi tiegħek turiha soċjalment. Il-fidi hi soċjali, hi għal kulħadd: ‘Morru fid-dinja kollha xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu’ (v. 15). Dan ma jfissirx li nagħmlu l-prożelitiżmu, qisna xi tim tal-futbol li jrid jattira s-supporters, inkella qisni xi għaqda tal-karità. Le, il-fidi ma tridx prożelitiżmu. Il-fidi tfisser li turi r-rivelazzjoni, sabiex l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jaħdem fin-nies permezz tax-xhieda, bħala xhud, bil-qadi. Il-qadi hu stil ta’ għajxien: jekk jien ngħid li jien Nisrani u ngħix ta’ pagan, l-affarijiet mhumiex sew! Dan ma jikkonvinċi lil ħadd. Jekk jien ngħid li jien Nisrani u ngħix ta’ Nisrani, dan jiġbed, huwa x-xhieda.
Darba waħda, fil-Polonja, student universitarju kien saqsieni: ‘Fl-università għandi ħafna ħbieb atei. X’nista’ ngħidilhom biex nikkonvinċihom?’ – ‘Xejn, għażiż, xejn! L-aħħar ħaġa li għandek tagħmel hi li tgħid xi ħaġa. Ibda għix u meta huma jaraw ix-xhieda tiegħek jibdew isaqsuk: ‘Imma għaliex tgħix hekk?’ Il-fidi rridu nittrasmettuha: mhux bil-forza imma billi noffru teżor.’ Hemm hi, qed taraw? U din hi wkoll l-umiltà li tkellem dwarha San Pietru fl-ewwel qari: ‘Għeżież: Tħażżmu, ilkoll kemm intom, bl-umiltà lejn xulxin, għax Alla jiqfilhom lill-kburin, imma jagħti l-grazzja tiegħu lill-umli’ (1 Pt. 5, 5). Kemm drabi fil-Knisja, fl-istorja, nibtu movimenti, għaqdiet, ta’ rġiel u nisa li ppruvaw jikkonvertu lejn il-fidi bil-forza… Dawn huma l-veri ‘prożelitisti’. U kif spiċċaw? Korrotti.
Dal-pass tal-Evanġelju hu tant teneru. Imma fejn hi ċ-ċertezza? Kif nista’ nkun żgur li jekk noħroġ minni nnifsi nkun għammiel fit-trasmissjoni tal-fidi? ‘Xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu’ (Mk. 16, 15), tagħmlu l-għeġubijiet (cfr. vv. 17-18). U l-Mulej ikun magħna sal-aħħar taż-żmien, jakkumpanjana. Fit-trasmissjoni tal-fidi l-Mulej dejjem ikun magħna. Fit-trasmissjoni ta’ xi ideoloġija jkun hemm l-imgħallmin, imma meta jkolli atteġġjament ta’ fidi li rrid nittrasmettiha, hemm il-Mulej jakkumpanjani. Fit-trasmissjoni tal-fidi qatt ma jien waħdi. Hu l-Mulej li jkun miegħi, li jkun jaħdem. Wegħedhulna: ‘U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien’ (cfr. Mt. 28, 20).
Nitolbu lill-Mulej jgħinna ngħixu l-fidi tagħna b’dal-mod: il-fidi tal-bibien miftuħa, fidi trasparenti, mhux ‘prożelitista’, imma fidi li tidher. U b’dil-kurżità sana li nqanqlu, aħna ngħinu lin-nies jirċievu dal-messaġġ li jsalvahom.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.