Nimxu lejn Għemmaws – 4

Luqa 24: 32-35: ID-DIXXIPLU – HU ‘AĦBAR TAJBA’ F’DINJA INSIGURA

“U wieħed lill-ieħor bdew igħidu: “Ma kinetx imħeġġa qalbna gewwa fina waqt li kien qiegħed ikellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalem. Hemm sabu l-ħdax u ‘l sħabhom miġburin flimkien u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun.” U huma wkoll tarrfulhom x’kien ħgralhom fit-triq u kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż.”

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu
lura Ġerusalem.

Il-laqgħa tagħna mal-Mulej, li jittrasforma l-ħajja tagħna ta’ kuljum, twelled ix-xewqa li naqsmu r-rigal li qlajna. Dan hu l-impenn li bih wieħed jagħti xhieda lill-Mulej li qam mill-mewt u li qiegħed f’nofs il-komunita’. Il-ħidma tagħna fis-Soċjeta’ tgħinna nintebħu kemm hu isbaħ li nagħtu milli nirċievu. Fil-waqt li bħad-dixxipli nxandru lill-Mulej, inferħu lill-oħrajn bl-aħbar it-tajba, nagħtu xhieda li l-Mulej hu ġo fina u li qed nieħduh magħna kull fejn nersqu. Għax aħna kuntenti bil-preżenza tiegħu fina.

Imxi magħna fit-toroq tal-ħajja. Inti għandek il-kliem tal-ħajja. Inti l-ħobż tal-ħajja. Kull laqgħa miegħek iġġib bidla, min-niket għall-ferħ, mill-bizgħa għall-kuragg, mill-ħarba għax-xhieda. Irridu nħabbru lill-oħrajn il-messaġġ tal-Vanġelu. Għax aħna nemmnu li inti tassew il-Mulej.

Mulej għallimna li nbiddlu kull għemil f’rigal ta’ mħabba, u mexxina fit-triq ta’ għotja u ta’ servizz ġeneruż.

Inti, Mulej bħal Missier tajjeb taħseb fina, tafna b’isimna tħobbna bħal uledek u trid li nitgħallmu minnek biex nagħtu lilna nfusna lill oħrajn.

Għinna Mulej biex nieħdu fuqna t-toqol ta’ ħutna, biex inkunu għalihom nixxiegħa ta’ sigurezza u ta’ paċi.

Mulej għamilna attenti u sensibbli għall-esigenzi ta’ kuljum ta’ dawk li huma madwarna, u agħtina l-qawwa biex inwieġbuk minnufih fil-kura li nagħtuhom.

Inti s-Samaritan it-tajjeb, li ma tgħaddix minn ħdejn min ibati mingħajr ma tieqaf tara x’jeħtieħ. Agħtina l-kuraġġ biex inkunu bħal dak li pprefera l-imħabba milli l-appuntmenti tiegħu.

Mulej, inti l-ħobż li jinqasam u l-inbid li jixtered; sinjali ta’ l-imħabba kbira tiegħek lejna, agħtina li l-Ewkaristija tkun nixxiegħa ta’ impenn biex inwasslu fid-dinja aktar ġustizzja u paċi.

Ibqa’ magħna Mulejja, għal dejjem.

Ibqa’ magħna Mulej.

Mulej għallimna nitolbu, fik aħna nemmnu, kabbrilna il-fidi. Ibqa’ magħna…

Inti l-Kelma magħmula Bniedem, min jemmen fik, jitwieled minn Alla. Ibqa’ magħna…

Inti d-dawl li jdawwal id-dinja, min jimxi wrajk ma jimxix fid-dlam. Ibqa’ magħna…

Inti s-Sewwa li tagħmilna ħielsa, jibqa’ fik dak li lilek jisma’. Ibqa’ magħna…

Minn Joe Galea

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading