Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Gianna Beretta Molla

Print Friendly, PDF & Email

Fit-28 ta’ April l-Knisja tfakkar lil Santa Gianna Beretta Molla, Omm li għexet bejn is-snin 1922 sa 1962.

Twieldet Bergamo, qrib Milan, u kienet l-10 wild fost 13. Studjat fl-Università ta’ Milan u ta’ Pavia, u fl-1949 iggradwat fil-mediċina u l-kirurġija. Fl-1952, speċjalizzat fil-pedjatrija u ħadmet bħala speċjalista tat-tfal f’diversi sptarijiet. Kienet membru attiv tal-Azzjoni Kattolika.

Iżżewġet lill-Inġinier Pietru Molla. Kellha 3 ulied. Meta kien ser ikollha tarbija oħra, mill-ewwel dehru sinjali li kien se jkun hemm periklu gravi f’saħħitha. Minħabba t-tqala, irrifjutat li tieħu trattament għall-kankru.

Lesta għal kull sagrifiċċju, issottomettiet ruħha għall-intervent kirurġiku, deċiża u titlob li jsalvaw lit-tarbija. Kienet tirrepeti: “lesta għal kollox biex it-tarbija tgħix.”

Fil-21 ta’ April tas-sena 1962 twieldet ir-raba’ tarbija, u ġimgħa wara (fit-28 tax-xahar) mietet l-omm erojka, konvinta li “hu dnub toqtol tarbija fil-ġuf.”

Il-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-24 ta’ April tas-sena 1994, iddikjaraha Beata fil-preżenza ta’ żewġha u l-erba’ wliedha.

Huma kienu wkoll preżenti meta fis-16 ta’ Mejju 2004, l-istess Papa, lil Gianna Beretta Molla ddikjaraha bħala qaddisa, l-ewwel waħda taż-żminijiet tagħna.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: