Illum il-Knisja tfakkar lil San Ġużepp Ħaddiem


Fl-1 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil San Ġużepp Ħaddiem.

Ir-relazzjoni speċjali ta’ San Ġużepp mal-ħaddiema mhix xi ħaġa ġdida. Kienet ilha tinstama’ fid-dokumenti uffiċjali tal-Knisja. Ix-xogħol tal-bniedem, il-Knisja mhux biss tbierku imma wkoll tinteressa ruħha ħafna fih. Kien hemm żmien meta l-ewwel ta’ Mejju, Jum ix-Xogħol, kien okkażjoni għal xi gruppi biex jiżirgħu mibegħda u vjolenza taħt il-pretest biex jinkisbu jew ifakkru d-drittijiet tal-ħaddiema.

Fl-1899, il-Papa Ljun XIII, kien talab lill-ħaddiema jżommu ’l San Ġużepp bħala Protettur u l-Mudell tagħhom. Hu xtaqhom ifittxu li jtejbu mhux biss l-affarijiet materjali iżda wkoll dawk spiritwali.

Fl-1891, l-istess Papa kiteb il-famuża Enċiklika “Rerum Novarum”, li fiha ddefenda bil-qawwa d-dinjità, in-nobbiltà u d-drittijiet tal-ħaddiem. Fi żmienu, is-soċjetà kienet maqsuma bl-ikrah fi tnejn: il-klassi tal-għonja li għalkemm żgħira fin-numru kienet kbira fil-privileġġi u qawwija fis-setgħa; u l-klassi tal-ħaddiema, li kienet tassew kbira fil-għadd, iżda bla qawwa, magħkusa u maħqura. Il-Papa wera kif il-ħaddiema seta’ jkollhom id-drittijiet tagħhom, bla mal-oħrajn jitilfu drittijithom.

Il-Papa Benedittu XV, kien poġġa quddiem il-ħaddiema ‘l San Ġużepp biex ikun għalihom ta’ gwida, ta’ eżempju, u biex jonorawh bħala l-Patrun tagħhom fis-sema.

Il-Papa Piju XI, fil-“Quadragesimo Anno”, fisser kif il-problemi soċjali m’għandhomx jiġu maħlula b’ideoloġija li tbiegħed minn Alla, iżda b’mod ibbażat fuq il-prinċipji nsara. L-ordni ekonomika u l-ordni soċjali m’għandhomx jiġu mifruda mill-ordni morali, u għalhekk il-Knisja għandha mhux biss id-dritt imma wkoll id-dmir li titkellem. Niftakru li fi żmien dan il-Papa, il-Komuniżmu Ateu kien daħal sew fl-Ewropa. Għalhekk il-Papa għażel lill-Ħaddiem ta’ Nazaret, il-Mastrudaxxa Ġużeppi, bħala l-Patrun tal-ħaddiema.

Imbagħad, il-Papa Piju XII, fl-ewwel ta’ Mejju 1955, f’udjenza pubblika fil-pjazza tal-Vatikan, li kienet fgata bil-ħaddiema, fosthom tal-Assoċjazzjoni Kattolika tal-Ħaddiema Taljani, iddikjara l-1 ta’ Mejju bħala l-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, biex isaħħaħ ir-relazzjoni li kienet teżisti bejn San Ġużepp u l-ħaddiema, u biex juri wkoll l-interess kbir li l-Knisja tieħu fil-ħaddiema tad-dinja kollha, u li fiha għandhom isibu Ragħaj, Difensur u Missier. Il-ħaddiema laqgħu dan b’ferħ, b’entużjażmu u b’ċapċip kbir.

San Ġużepp ġie magħżul biex ikun il-Patrun tal-Ħaddiema, mhux biss għax kien jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum bix-xogħol ta’ idejh u bl-għaraq ta’ xbinu, iżda wkoll għax fl-istess waqt kellu jieħu ħsieb, u jmantni lil Ġesù u l-Madonna. Il-ħaddiem għandu jimita lil San Ġużepp, mhux biss li jaħdem bl-onestà, iżda wkoll li jrabbi l-familja tiegħu skont il-qalb t’Alla, u jieħu x-xogħol bħala mezz ta’ salvazzjoni.

Il-Martiroloġju Ruman jiddeskrivi n-natura tal-festa tal-lum b’dawn il-kelmiet: “Illum issir it-tifkira ta’ San Ġużepp Ħaddiem li, bħala mastrudaxxa f’Nazaret, ipprovda għall-ħtiġijiet ta’ Ġesù u ta’ Marija bix-xogħol tiegħu u anke kien strumentali biex l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem jidħol fil-ħajja tax-xogħol tal-bniedem. Għalhekk il-ġurnata li fiha Jum ix-Xogħol huwa mfakkar f’ħafna pajjiżi, il-ħaddiema nsara jqimu lil dan il-qaddis bħala eżempju u bħala protettur tagħhom.”

Il-Papa Piju XI fl-Enċiklika “Divini Redemptoris” tat-18 ta’ Marzu, 1937, li fiha għażel lill-Ħaddiem ta’ Nazaret bħala patrun fil-ġlieda kontra l-komuniżmu ta’ bla Alla, kiteb “San Ġużepp kien jappartieni l-klassi tal-ħaddiema, u hu refa’ t-toqol tal-faqar, għalih u għall-Familja Mqaddsa … F’ħajja ta’ qadi fidila tad-dmirijiet ta’ kuljum, hu ħalla eżempju għal dawk kollha li jaqalgħu ħobżhom bit-tħabrik ta’ jdejhom.”

Il-festa prinċipali ta’ San Ġużepp hi fid-19 ta’ Marzu (ara San Ġużepp), u din diġà nsibuha f’martiroloġji tas-seklu 9.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com