Illum il-Knisja tfakkar lil San Atanasju

Print Friendly, PDF & Email

Fit-2 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil San Atanasju, Isqof u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 295 sa 373.

 

San Atanasju twieled f’Lixandra, l-Eġittu, minn familja Nisranija, fis-sena 295. Il-qaddis irċieva edukazzjoni nisranija soda fl-iskola ta’ Alessandria u l-istudju tal-Bibbja kien għal qalbu ħafna. Sa minn żgħożitu huwa kien midħla tal-eremiti tad-deżert u dan kellu jkun providenzjali fl-eżilji li ġarrab għaliex ħafna minnhom ipproteġewh. Għal xi żmien kien dixxiplu ta’ San Anton Abbati, li wara kiteb il-ħajja tiegħu.

L-Isqof San Alessandru, Patrijarka ta’ Lixandra ordnah Djaknu fis-sena 318, u għażlu biex ikun segretarju tiegħu.

Fis-sena 323, Arju, qassis Lixandrin, beda jgħallem li Ġesù ma kienx Alla u li għalhekk il-Madonna mhix Omm Alla għax Ġesù kien biss raġel tajjeb mogħni b’bosta qawwiet.

Fis-sena 325, Atanasju flimkien mal-Isqof tiegħu, attenda l-Konċilju ta’ Niċea, f’Bitinja (illum fit-Turkija), fejn l-ereżija ta’ Arju ġiet ikkundannata, u ġie addottat il-Kredu Niċean bħala l-istqarrija tal-Fidi tal-Kattoliċi kollha.

Meta l-Isqof Alessandru miet, fis-7 ta’ April 328, Atanasju ġie maħtur floku, meta kellu biss 33 sena, fis-7 ta’ Ġunju, 328.

L-Imperatur Kostantino, li l-qorti tiegħu kienet influwenzata sew mill-Arjani, sejjaħ Konċilju fil-belt ta’ Tir, u għalkemm ta’ raġun lil Atanasju, eżiljah fil-belt ta’ Treviri, fil-Gallja (Franza ta’ Fuq), fis-sena 336. Atanasju baqa’ hemm sal-mewt ta’ Kostantino, fis-sena 337.

San Atanasju kien eżiljat ħames darbiet li b’kollox laħqu sbatax-il sena, (336-337), (339-346), (356-362), (362-363), (365). L-aħħar eżilju kien mill-Imperatur Valent, li għall-ewwel wera ruħu favur l-Arjani. Imma wara erba’ xhur sejjaħlu lura f’Lixandra, fejn San Atanasju baqa’ sakemm miet, ta’ 72 sena, fit-2 ta’ Mejju 373, wara li kien ilu Patrijarka ta’ Lixandra għal 46 sena.

Għall-kitba u t-tagħlim tiegħu kontra l-Arjani u fuq it-Trinità Qaddisa huwa magħruf bħala wieħed mid-Dutturi kbar tal-Knisja.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: