Is-Sibt, 2 ta’ Mejju 2020: Illum nitolbu għall-governanti li għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb il-popli tagħhom f’daż-żmien ta’ kriżi – kapijiet ta’ stati, presidenti ta’ gvernijiet, leġiżlaturi, sindki – sabiex il-Mulej jgħinhom u jtihom il-forza għax xogħolhom mhux ħafif. U meta jkun hemm id-differenzi bejniethom jifhmu, fil-mumenti ta’ kriżi, li jeħtiġilhom ikunu magħqudin sfiq għall-ġid tal-poplu għax l-għaqda tisboq il-kunflitt.
Illum, is-Sibt 2 ta’ Mejju, hawn magħqudin magħna fit-talb 300 grupp ta’ talb li bl-Ispanjol jissejħu madrugadores, jiġifieri ‘li jqumu kmieni’: ibakkru biex jitolbu, iqumu kmieni ħafna proprju biex jitolbu. Bħalissa dawn magħqudin magħna.
Omelija – Nitgħallmu ngħixu l-waqtiet ta’ kriżi
L-ewwel qari jibda: ‘Il-Knisja kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha; kienet dejjem tikber u timxi ’l quddiem fil-biża’ tal-Mulej, u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu’ (Atti 9, 31). Żmien il-paċi. U l-Knisja tikber. Il-Knisja hi kalma, għandha l-faraġ tal-Ispirtu s-Santu, ikkunslata. Iż-żminijiet sbieħ… hemm il-fejqan ta’ Enea, imbagħad Pietru jqajjem lil Tabità mill-mewt… ħwejjeġ li jsiru meta ssaltan il-paċi.
Imma hemm żminijiet li mhumiex ta’ paċi fil-Knisja tal-bidu: żminijiet ta’ persekuzzjoni, żminijiet diffiċli, żminijiet li lil min jemmen idaħħluh fi kriżi. Żminijiet ta’ kriżi. L-Evanġelju ta’ Ġwanni jirrakkuntalna żmien ta’ kriżi (cfr. 6, 60-69. Dal-pass tal-Evanġelju hu t-tmiem ta’ storja li bdiet bit-tkattir tal-ħobż, meta lil Ġesù riedu jagħmluh sultan u Ġesù mar jitlob. L-għada huma marru jfittxuh u ma sabuhx. Marru jfittxuh u Ġesù jċanfarhom illi qed ifittxuh biex jitmagħhom, mhux minħabba l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem… U dik l-istorja kollha tintemm hawnhekk. Huma jgħidu: ‘Agħtina minn dal-ħobż,’ u Ġesù jispjega li l-ħobż li se jagħti hu ġismu u demmu.
‘Dak iż-żmien, ħafna mid-dixxipli ta’ Ġesù, wara li semgħuh qalu: ‘Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?’’ (v. 60) Ġesù kien qal li min ma jikolx ġismu u demmu ma kienx se jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Ġesù kien qal: ‘Jekk tieklu ġismi u tixorbu demmi, terġgħu tqumu fl-aħħar jum’ (cfr. v. 54). Dan kien jgħid Ġesù. ‘Dal-kliem iebes!’ (v. 60), jaħsbu d-dixxipli. Iebes wisq. Hawn xi ħaġa li mhix taħdem. Dar-raġel qabeż il-limitu! U dan hu waqt ta’ kriżi. Kien hemm waqtiet ta’ paċi u waqtiet ta’ kriżi. Ġesù kien jaf li d-dixxipli qed igemgmu. Hawnhekk naraw għażla bejn id-dixxipli u l-appostli: id-dixxipli kienu 72 jew aktar, l-appostli kienu tnax. ‘Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih.’ U quddiem dil-kriżi jfakkarhom: ‘Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi’ (v. 65). Jerġa’ jitkellem dwar li huwa l-Missier li jiġbidna lejn Ġesù. U hekk il-kriżi ssib soluzzjoni.
‘Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh’ (v. 66). Żammew id-distanza. ‘Dal-bniedem hu xi ftit perikoluż… xi ftit… Imma dawn id-duttrini … Iva, raġel tajjeb, jipprietka, ifejjaq, imma meta jasal jgħid dawn l-affarijiet strambi… Ejjew nitilqu’ (cfr. v. 66). L-istess kienu għamlu d-dixxipli ta’ Għemmaws, dakinhar tal-qawmien: ‘Ħaġa stramba din li n-nisa jgħidu li l-qabar… Din tinten, ejja nfittxu nitilqu għax jiġu s-suldati u jsallbu lilna.’ L-istess għamlu s-suldati li kienu għassa mal-qabar: raw il-verità, imma mbagħad għażlu li jbiegħu s-sigriet li kellhom: ‘Aħjar inkunu ċerti, ma nindaħlux f’dawn l-istejjer, għax perikolużi’ (cfr. Mt. 28, 11-15).
Mument ta’ kriżi hu mument ta’ għażla, mument li jqegħidna wiċċ imb wiċċ mad-deċiżjonijiet li jkollna nieħdu. Ilkoll tul il-ħajja kellna u għad ikollna waqtiet ta’ kriżi: kriżijiet familjari, kriżijiet fiż-żwieġ, kriżijiet soċjali, kriżijiet fuq ix-xogħol, tant kriżijiet. Dil-pandemija wkoll hi waqt ta’ kriżi soċjali.
Kif għandna nirreaġixxu fil-waqt tal-kriżi? ‘Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh’ (v. 66). Ġesù jieħu d-deċiżjoni li jistaqsi lill-appostli: ‘Tridux titilqu intom ukoll?’ (v. 67) Ħudu deċiżjoni. U Pietru jagħmel it-tieni stqarrija tiegħu: ‘Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla’ (vv. 68-69). F’isem it-tnax, Pietru jistqarr li Ġesù hu l-Qaddis t’Alla. L-ewwel stqarrija – ‘Int Kristu, Iben Alla l-ħaj’ – u minnufih, meta Ġesù beda jispjega dwar il-passjoni li kellu jgħaddi minnha, Pietru jwaqqfu: ‘Le, Mulej, dan le!’ u Ġesù jċanfru (cfr. Mt. 16, 16-23). Imma Pietru issa mmatura ftit u hawn ma jaqlax ċanfir. Ma jifhimx dak li qed jgħid Ġesù: ‘tieklu l-ġisem u tixorbu d-demm’; ma jifhimx, imma jafda lill-Imgħallem. Jafda fih. U jagħmel it-tieni stqarrija: ‘Għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem’ (v. 68).
Dan jgħin lilna lkoll biex nagħrfu ngħixu l-mumenti ta’ kriżi. F’pajjiżi hemm qawl li jgħid: ‘meta tkun fuq iż-żiemel u jkollok taqsam ix-xmara, tibdilx iż-żiemel f’nofs ix-xmara.’ Fil-mumenti ta’ kriżi għandna nkunu sodi fil-konvinzjoni tal-fidi tagħna. Dawn telqu, ‘bidlu ż-żiemel’, fittxew mgħallem ġdid li ma jkunx daqstant iebes, kif kienu qed jgħidu dwar Ġesù. Fil-waqtiet ta’ kriżi jeħtieġ ikollna l-perseveranza, is-silenzju: nibqgħu fejn inkunu, weqfin. Ma jkunx il-ħin li nibdlu. Huwa l-waqt tal-fedeltà, tal-fedeltà lejn Alla, tal-fedeltà lejn id-deċiżjonijiet li nkunu ħadna qabel. Ikun ukoll il-waqt tal-konverżjoni, għaliex, iva, dil-fedeltà tnebbaħna biex nibdlu xi ħaġa għall-aħjar, mhux biex nitbiegħdu mis-sewwa.
Waqtiet ta’ paċi u waqtiet ta’ kriżi. Aħna l-Insara għandna nagħrfu niffaċċjawhom it-tnejn. Xi direttur spiritwali jgħid li fil-mument tal-kriżi nkunu qisna għaddejjin min-nar biex nissaħħu. Jalla l-Mulej jibagħtilna l-Ispirtu s-Santu biex nagħrfu nirreżistu t-tentazzjonijiet fil-mumenti ta’ kriżi, biex nagħrfu nkunu fidili għall-ewwel kelma li nkunu tajna bit-tama li wara ngħixu waqtiet ta’ paċi. Naħsbu ftit fil-kriżijiet tagħna, fil-familja, fl-inħawi fejn noqogħdu, kriżijiet soċjali fid-dinja, f’pajjiżna… tant u tant kriżijiet.
Jalla l-Mulej itina l-qawwa – fil-waqtiet ta’ kriżi – li ma nbigħux il-fidi.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.