Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għal kull min jaħdem fil-qasam tal-meżżi tal-komunikazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 6 ta’ Mejju 2020: Illum nitolbu għal kull min jaħdem fil-qasam tal-mezzi tal-komunikazzjoni.  F’daż-żmien ta’ pandemija dawn jgħixu f’riskju kbir, filwaqt li x-xogħol huwa kbir.  Jalla l-Mulej jgħinhom fil-ħidma tagħhom biex dejjem iwasslu l-verità.

OmelijaIkollna l-kuraġġ naraw id-dlam li hemm ġo fina biex floku jidħol id-dawl tal-Mulej li jsalvana

Dal-pass mill-Evanġelju ta’ Ġwanni (cfr. 12, 44-50) jurina l-intimità li hemm bejn Ġesù u l-Missier.  Ġesù kien jagħmel dak  kollu li kien bagħtu jagħmel il-Missier.  Għalhekk jgħidilna: ‘Min jemmen fija, mhux fija jemmen imma f’dak li bagħatni’ (v. 44).  Imbagħad jiċċara l-missjoni tiegħu: ‘Jien ġejt fid-dinja bħala dawl sabiex kull min jemmen fija ma jibqax fid-dlam’ (v. 46).  Jippreżenta ruħu bħala dawl.  Il-missjoni ta’ Ġesù hi li jdawwal: id-dawl.  Hu stess qal: ‘Jiena d-dawl tad-dinja’ (Ġw. 8, 12).  Il-Profeta Iżaija kien ħabbar dan: ‘Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir’ (Mt. 4, 16; Iż. 9, 1).  Il-wegħda tad-dawl li jdawwal lill-poplu.  U wkoll, il-missjoni tal-appostli li jwasslu dan id-dawl.  Pawlu qal dan lir-re Agrippa: ‘Jien kont maħtur biex indawwal, biex inwassal dan id-dawl’ – li mhux tiegħi, hu ta’ ħaddieħor – imma: ‘biex inwassal id-dawl’ (Atti 26, 18).  Hija l-missjoni ta’ Ġesù: li jġib id-dawl.  Il-missjoni tal-appostli hi li jwasslu dan id-dawl ta’ Ġesù.  Idawlu.  Għax id-dinja kienet fid-dlam.

Imma d-dramm tad-dawl ta’ Ġesù hu li kien miċħud.  Sa mill-bidu tal-Evanġelju Ġwanni jgħid dan bla tlaqliq: ‘Hu ġie imma niesu ma laqgħuhx.  Ħabbew id-dlam aktar mid-dawl’ (Ġw. 1, 9-11).  Draw id-dlam, draw jgħixu fid-dlam: m’għandhomx ħila jaċċettaw id-dawl, ma jistgħux; huma lsiera tad-dlam.  U din kellha tkun it-taqbida ma taqta’ xejn ta’ Ġesù: li jdawwal, li jwassal id-dawl biex l-affarijiet jidhru kif inhuma; juri l-libertà, juri  l-verità, juri t-triq li għandna ngħaddu minnha, bid-dawl ta’ Ġesù.

Pawlu kellu din l-esperjenza tal-mogħdija mid-dlam għad-dawl meta l-Mulej iltaqa’ miegħu fit-triq ta’ Damasku.  U baqa’ agħma.  Id-dawl tal-Mulej għamieh.  Imbagħad, wara li għaddew ftit jiem, bil-magħmudija reġa’ kiseb id-dawl (Atti 9, 1-19).  Hu għadda minn din l-esperjenza tal-mogħdija mid-dlam li kien jinsab fih, għad-dawl.  Din hi triqtna wkoll, aħna li rċevejna s-Sagrament tal-Magħmudija: kien għalhekk li fl-ewwel sekli l-Magħmudija kienu jsejħulha ‘Illuminazzjoni’ (cfr. San Ġustinu, Apoloġiji 1, 61, 12), għax kienet ittik id-dawl, kienet ‘iddaħħlek sehem’.  Huwa għalhekk li fiċ-ċerimonja tal-magħmudija nagħtu xemgħa mixgħula lill-missier u lill-omm, għax it-tarbija tiddawwal.  Ġesù jwassal id-dawl.

Iżda l-poplu, in-nies, il-poplu tiegħu, ċaħdu.  Tant huwa mdorri fid-dlam li d-dawl jgħammxu, ma jafx jimxi fih (cfr. Ġw. 1, 10-11).  Dan hu d-dramm tad-dnub tagħna: id-dnub jagħmina u ma nkunux nistgħu nissaportu d-dawl.  Għajnejna jkunu morda.  Ġesù jistqarr dan ċar u tond fl-Evanġelju ta’ Mattew: ‘Jekk għajnek hi marida, ġismek kollu hu marid.  Jekk għajnek tara biss id-dlam, kemm dlamijiet jinsabu fik?’ (cfr. Mt. 6, 22-23).  Id-dlamijiet… Il-konverżjoni hi li ngħaddu mid-dlam għad-dawl.  Liema huma l-affarijiet li jmarrdu l-għajn, l-għajn tal-fidi?  Għajnejna morda: liema ħwejjeġ ‘jgħoddsuhom ’l isfel’, jagħmuhom?  Il-vizzjijiet, l-ispirtu tad-dinja, is-suppervja.

Il-vizzjijiet li jgħoddsuk ‘l isfel u dawn it-tliet affarijiet l-oħra wkoll – il-vizzjijiet, is-suppervja, l-ispirtu tad-dinja – imexxuk biex toħloq komunità ma’ oħrajn biex tibqgħu tħossukom ‘protetti’ fid-dlam.  Aħna nitkellmu spiss dwar il-mafji.  Imma jeżistu wkoll ‘il-mafji spiritwali’, jeżistu wkoll ‘il-mafji domestiċi’, dejjem infittxu ninħbew wara xi ħadd biex nibqgħu fid-dlam.  Mhux ħafif tgħix fid-dawl.  Id-dawl jikxfilna tant ħwejjeġ koroh ġewwa fina, ħwejjeġ li aħna ma rridux narawhom: il-vizzjijiet, id-dnubiet… Naħsbu ftit fil-vizzjijiet tagħna, naħsbu ftit dwar is-suppervja tagħna, naħsbu ftit dwar l-ispirtu mondan tagħna: dawn il-ħwejjeġ jagħmuna, ibegħduna mid-dawl ta’ Ġesù.  Imma kieku aħna nibdew naħsbu dwar dawn l-affarijiet, ma nsibux ħajt quddiemna, le. Insibu mnejn noħorġu għax Ġesù nnifsu qal li Hu d-dawl: ‘Ma ġejtx fid-dinja biex nagħmel ħaqq mid-dinja, iżda biex insalva d-dinja’ (Ġw. 12, 46-47).

Ġesù stess, li hu d-dawl, jgħid: ‘Qawwi qalbek: iddawwal, idher kif int, skont kif int minn ġewwa, għax jien immexxik, jien insalvak; jien ma nikkundannakx, jien insalvak.’  Il-Mulej jeħlisna mid-dlam li hemm ġo fina, mid-dlamijiet tal-ħajja ta’ kuljum, tal-ħajja soċjali, tal-ħajja politika, tal-ħajja nazzjonali, tal-ħajja internazzjonali… Kemm hawn dlamijiet, dlamijiet ġo fina!  U l-Mulej isalvana.  Imma jitlobna biex l-ewwel aħna nagħrfuhom: ikollna l-kuraġġ li naraw id-dlamijiet tagħna biex id-dawl tal-Mulej joħdilhom posthom u jsalvana.

Ma nibżgħux mill-Mulej: hu twajjeb ħafna, manswet, jinsab qribna.  Ġie biex isalvana.  Ma nibżgħux mid-dawl ta’ Ġesù.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan Joe Huber.

Leave a Reply

%d bloggers like this: