Il-Ħadd, 10 ta’ Mejju 2020: Fil-jumejn li għaddew kellna żewġ kommemorazzjonijiet: is-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Robert Schumann li tat bidu għall-Unjoni Ewropea u t-tmiem tat-tieni gwerra dinjija. Nitolbu lill-Mulej illum sabiex l-Ewropa tikber fl-għaqda, fl-għaqda tal-fratellanza li ssaħħaħ lill-popli kollha fl-għaqda bid-diversità.
Omelija – Nitolbu u mmorru ma’ Ġesù għand il-Missier li jtina kollox
F’dal-pass tal-Evanġelju (cfr. Ġw. 14, 1-14), fid-diskors tal-aħħar ta’ Ġesù, Hu jgħid li sejjer għand il-Missier. Jgħid ukoll li se jkun mal-Missier u jżid li min jemmen fih, ‘hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier. U kulma titolbu f’ismi jsir, sabiex il-Missier ikun igglorifikat f’Ibnu. Jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jien nagħmilha.’ Nistgħu ngħidu li dal-pass tal-Evanġelju ta’ Ġwanni hu dikjarazzjoni tad-dħul fil-Missier. Il-Missier minn dejjem kien preżenti fil-ħajja ta’ Ġesù, u Ġesù dan kien jistqarru. Ġesù kien jitlob lill-Missier. Ħafna drabi kien jitkellem dwar il-Missier bħala dak li jieħu ħsiebna, bħalma jieħu ħsieb l-għasafar, il-ġilji fl-għelieqi… Il-Missier. U meta d-dixxipli jitolbuh jgħallimhom kif jitolbu, Ġesù għallimhom jitolbu lill-Missier: ‘Il-Missierna’. Dejjem imur għand il-Missier. Imma f’dal-pass hu qawwi ħafna u qisu qed jiftaħ il-bibien tal-omnipotenza tat-talb. ‘Għax jiena fil-Missier: intom titolbu u jiena nagħmel kollox. Imma għax ikun il-Missier li jwettqu permezz tiegħi.’ Dil-fiduċja fil-Missier li jista’ jagħmel kollox. Dal-kuraġġ fit-talb. Għax biex titlob irid ikollok il-kuraġġ; irid ikollok l-istess kuraġġ, l-istess ħelsien li għandu jkollok biex tipprietka: l-istess. Niftakru f’missierna Abram, meta kien qed ‘jinnegozja’ ma’ Alla biex isalva lil Sodoma (Ġen. 18, 20-33): ‘U jekk ikunu anqas? U anqas? U anqas?’ Verament kien jaf ‘jinnegozja’. Imma dejjem b’dal-kuraġġ: ‘Skużani Mulej, imma naqqasli ftit: ftit anqas, ftit anqas…’. Dejjem bil-kuraġġ tat-taqbid fit-talb: għax it-talb hu taqbida, taqbida ma’ Alla.
Imbagħad Mosè: id-darbtejn li l-Mulej ried jeqred lill-poplu u lilu jagħmlu mexxej ta’ ġens ieħor, Mosè qal: ‘le!’ Qal ‘le’ lill-Missier! Bil-kuraġġ! Imma jekk int tmur titlob imgerrex, dan ikun nuqqas ta’ rispett! It-talb hu li tmur ma’ Ġesù għand il-Missier li jagħti kollox. Kuraġġ fit-talb, ħelsien fit-talb. L-istess li għandu jkollna biex nippritkaw.
Smajna fl-ewwel qari dwar il-kunflitt fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, għax l-Insara Griegi kienu qed igergru… Kienu jgergru – kien isir dan dak iż-żmien: jidher li hi drawwa fil-Knisja…! Kienu jgergru għax ir-romol u l-orfni tagħhom ma kellhomx l-istess attenzjoni mogħtija lill-oħrajn. L-appostli ma kellhomx ħin jagħmlu kollox. U Pietru, flimkien mal-appostli, imdawwal mill-Ispirtu s-Santu, ‘ivvinta’, biex ngħidu hekk, id-djakni. ‘Nagħmlu ħaġa: insibu seba’ rġiel twajba biex huma jieħdu ħsieb il-qadi’ – id-djaknu hu dak li joffri s-servizz fil-Knisja. U b’hekk, dawk in-nies, li kellhom raġun jilmentaw, kienu moqdijin tajjeb fil-ħtiġijiet tagħhom, ‘u aħna’ – jgħid Pietru, kif smajna – ‘aħna niddedikaw ruħna għat-talb u t-tħabbir tal-Kelma’ (v, 5). B’dil-qawwa li smajna biha fl-Evanġelju: l-isqof hu l-ewwel wieħed li jmur għand il-Missier, bil-fiduċja mogħtija minn Ġesù, bil-kuraġġ, bis-sinċerità, u jitqabad għall-poplu tiegħu. L-ewwel dmir tal-isqof hu t-talb. Qal Pietru: ‘U għalina t-talb u t-tħabbir tal-Kelma.’
Kont naf saċerdot twajjeb, bravu, li meta kien jiltaqa’ ma isqof kien isellimlu u jagħmillu l-istess mistoqsija: ‘Imma, Eċċellenza, inti kemm-il siegħa titlob kuljum?’ u kien dejjem jgħid li l-ewwel dmir hu t-talb għax huwa t-talb tal-mexxej tal-komunità għall-komunità, bl-interċessjoni tal-Missier, li jħares lill-poplu.
It-talb tal-isqof… l-ewwel dmir tal-isqof huwa t-talb. U meta l-poplu jara lill-isqof jitlob, jitgħallem jitlob hu wkoll. Għax l-Ispirtu s-Santu jgħallimna li huwa Alla ‘li jwettaq’. Aħna nagħmlu xi ħaġa żgħira, imma jkun Hu li ‘jagħmel l-affarijiet’ fil-Knisja. It-talb imexxi l-Knisja ’l quddiem. U għalhekk, il-kapijiet tal-Knisja, biex ngħidulhom hekk, l-isqfijiet, għandhom jgħixu bit-talb.
Dik il-kelma ta’ Pietru hi profetika: ‘Ħalli d-djakni jagħmlu dan kollu, b’hekk in-nies ikunu moqdija u nsolvu l-problema u anke l-ħtiġijiet tagħhom. Imma għalina l-isqfijiet, it-talb u t-tħabbir tal-Kelma.’
Titnikket tara isqfijiet, isqfijiet tajbin, tal-affari tagħhom, imma impenjati żżejjed fl-ekonomija, f’dik, fl-oħra… Fl-ewwel post, it-talb, imbagħad l-affarijiet l-oħra. Imma meta l-affarijiet l-oħra jieħdu l-post tat-talb hemm xi ħaġa li mhix taħdem. It-talb hu qawwi minħabba dak li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju: ‘Jien sejjer għand il-Missier. U kulma titolbu lill-Missier f’ismi jien nagħmlu sabiex il-Missier ikun igglorifikat.’ B’hekk timxi l-Knisja, bit-talb, bil-kuraġġ fit-talb, għax il-Knisja taf li mingħajr dan id-dħul fil-Missier ma tistax tgħix.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan Joe Huber.