10. It-Twelid tal-Knisja nhar Pentekoste


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 02/10/1991.

1. Aċċennajna diversi drabi, fil-katekeżi preċedenti, għall-intervent tal-Ispirtu Santu fl-oriġni tal-Knisja. Issa huwa sewwa li niddedikaw katekeżi speċjali dwar din it-tema hekk sabiħa u mportanti.

Huwa Ġesù stess li qabel ma telà fis-sema jgħid lill-Appostli: “Se nibgħat fuqkom lil dak li Missieri wiegħed: imma intom ibqgħu fil-belt, sakemm ma tkunux imlibbsa b’qawwa minn fuq” (Lq 24, 49). Ġesù ried iħejji b’mod dirett lill-Appostli għat-twettiq tal-“wegħda tal-Missier”. L-evanġelista Luqa jtenni l-istess rakkomandazzjoni aħħarija tal-Imgħallem ukoll fl-ewwel vrus tal-Atti tal-Appostli: “Waqt li kien mal-mejda magħhom, ordnalhom biex ma jitbegħdux minn Ġerusalem, imma biex jistennew li titwettaq il-wegħda tal-Missier” (At 1, 4).

Matul l-attività messjanika kollha tiegħu, Ġesù, waqt li pprietka dwar is-Saltna ta’ Alla, kien iħejji “iż-żmien tal-Knisja”, li kellu jibda wara t-tluq tiegħu. Meta dan kien issa fil-qrib, huwa ħabbar li l-jum koen qorob li fih dan iż-żmien kellu jibda (cf. At 1, 5), jiġifieri i-jum tal-inżul tal-Ispirtu Santu. U waqt li firex ħarstu fuq il-ġejjieni, huwa żied: “Ikollkom il-qawwa tal-Ispirtu Santu li se jinżel fuqkom u tkunuli xhieda f’Ġerusalem, fil-Ġudea kollha u fis-Samarija sa truf l-art” (At 1, 8).

2. Meta wasal jum il-Pentekoste, l-Appostli, li flimkien ma’ Omm il-Mulej kienu miġburin fit-talb, kellhom il-wirja li Ġesù Kristu aġixxa skont dak li hu kien wiegħed: jiġifieri li kienet qiegħda titwettaq “il-wegħda tal-Missier”. Dan ħabbru l-ewwel fost l-Appostli, Xmun Pietru, waqt li kellem lill-miġemgħa. Pietru tkellem waqt li l-ewwel fakkar il-mewt fuq is-salib, u mbagħad għadda għax-xhieda tal-qawmien mill-imwiet u għat-tiswib tal-Ispirtu Santu: “Dan Ġesù Alla qajmu mill-imwiet u aħna lkoll xhud ta’ dan. Konsegwentement imtellà fuq il-lemin ta’ Alla u wara li rċieva mingħand il-Missier l-Ispirtu Santu li huwa kien wegħdu, huwa sawbu” (At 2, 32-33).

Pietru jsostni sa minn l-ewwel jum li l-“wegħda tal-Missier” titwettaq bħala frott tal-fidwa, għaliex huwa bis-saħħa tas-salib tiegħu u tal-qawmien mill-imwiet tiegħu li Kristu, l-Iben imgħolli “għal-lemin ta’ Alla”, jibgħat l-Ispirtu, bħal ma kien ħabbar minn qabel il-passjoni tiegħu fil-waqt tat-tluq fiċ-Ċenaklu.

3. L-Ispirtu Santu b’dan il-mod beda l-missjoni tal-Knisja imwaqqfa għall-bnedmin kollha. Imma ma nistgħux ninsew li l-Ispirtu Santu kien jopera bħala l-“Alla mhux magħruf” (cf. At 17, 23) ukoll qabel il-Pentekoste. Kien jopera b’mod partikolari fil-Patt il-qadim, waqt li kien idawwal u jmexxi l-poplu magħżul fit-triq li kienet tieħu l-istorja antika lejn il-Messija. Kien jopera fil-messaġġi tal-profeti u fil-kitbiet tal-awturi mdawla kollha. Ħadem fuq kollox fl-Inkarnazzjoni tal-Iben, bħal ma jixhdu l-Vanġelu tal-annunzjazzjoni u l-istorja tal-ġrajjiet suċċessivi marbutin mal-miġja fid-dinja tal-Verb etern li kien libes in-natura umana. L-Ispirtu Santu opera fil-Messija u madwar il-Messija mill-waqt li fih Ġesù ta’ bidu għall-missjoni messjanika tiegħu f’Iżrael, kif jirriżulta mit-testi evanġeliċi dwar it-tejofanija sal-waqt tal-magħmudija fil-Ġordan u d-dikjarazzjonijiet tiegħu fis-sinagoga ta’ Nażżaret. Imma minn dak l-istess waqt u tul il-ħajja ta’ Ġesù kienet aċċentwat ruħha l-istennija u kienu ġġeddu l-wegħdiet ta’ miġja futura definittiva tal-Ispirtu Santu. Ġwanni l-Battista kien rabat il-missjoni tal-Messija ma’ magħmudija ġdida “fl-Ispirtu Santu”. Ġesù kien iwiegħed lil dawk li jemmnu fih “xmajjar ta’ ilma ħaj”: wegħda rrapportata mill-Vanġelu ta’ Ġwanni, li jispjegaha b’dan il-mod: “Dan huwa qalu waqt li rrefera għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih; infatti ma kienx għad hemm l-Ispirtu, għaliex Ġesù ma kienx għadu ġie gglorifikat” (Ġw 7, 39). Fil-jum ta’ Pentekoste Kristu, billi issa kien ġie igglorifikat wara t-twettiq finali tal-missjoni tiegħu, huwa ħalla jbaqbqu minn ħdanu x-“xmajjar ta’ ilma ħaj” u sawwab l-Ispirtu Santu biex jimla b’ħajja divina lill-Appostli u lil dawk kollha li jemmnu. Hekik dawn setgħu ikunu “mgħammdin” fi Spirtu wieħed” (cf. 1 Kor 12, 13). U dan kien il-bidu tat-tkabbir tal-Knisja.

4. Bħal ma jikteb il-Konċilju Vatikan II, “Kristu bagħat min-naħa tal-Missier l-Ispirtu Santu, sabiex iwettaq minn ġewwa l-opra tiegħu tal-fidwa u jistimula l-Knisja biex tiżviluppa lilha nfisha. Bla ebda dubju ta’ xejn l-Ispirtu Santu kien jopera fid-dinja minn ferm qabel li Kristu kien igglorifikat. Imma kien f’jum il-Pentekoste li hu ssawwab fuq id-dixxipli, biex jibqà magħhom għal dejjem, u l-Knisja dehret b’mod uffiċċjali quddiem il-Kotra u kellha bidu permezz tal-predikazzjoni, it-tixrid tal-Vanġelu f’nofs il-pagani, u finalment kienet proposta l-għaqda tal-popli  fl-universalità tal-fidi permezz tal-Knisja tal-Patt il-ġdid, li bil-lingwi kollha tesprimi ruħha u tifhem u tinkludi l-lingwi kollha fl-imħabba, waqt li hekk tegħleb it-tifrix babeliku” (Ad gentes, 4).

It-test konċiljari jenfasizza fhiex tikkonsisti l-azzjoni tal-Ispirtu Santu fil-Knisja, billi jibda mill-jum tal-Pentekoste. Din hija azzjoni feddejja, interna, li fl-istess ħin tesprimi ruħha minn barra fil-qawmien tal-komunità u tal-istituzzjoni tal-fidwa. Tali komunità – il-komunità tal-ewwel dixxipli – hija kollha kemm hi spirata mill-imħabba, li tegħleb id-differenzi u d-diviżjonijiet kollha ta’ ordni terren. Sinjal ta’ dan hija l-ġrajja pentekostali ta’ espressjoni ta’ fidi f’Alla li jifhimha kulħadd, minkejja d-differenza tal-lingwi. Dan jixhduhulna l-Atti tal-Appostli li n-nies miġburin madwar l-Appostli, f’dik l-ewwel manifestazzjoni pubblika tal-Knisja, kienu jgħidu mgħaġġbin: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex jewwilla kollha Ġalilej? U kif inhi din li qegħdin nisimgħuhom ilkoll jitkellmu l-lingwa nativa tagħna” (At 2, 7-8).

5. Il-Knisja hekk kif twieldet b’dak il-mod f’jum il-Pentekoste, bl-opra tal-Ispirtu Santu, turi ruħha immedjatament lid-dinja. Mhijiex komunità magħluqa, imma miftuħa – ikollna ngħidu miftuħa beraħ – lejn in-nazzjonijiet kollha sa tmiem il-fruntieri tal-art” (At 1, 8). Dawk li jidħlu f’din il-komunità, permezz tal-Magħmudija, isiru bis-saħħa tal-Ispirtu Santu xhieda tal-verità tal-bxara t-tajba, lesti biex jittrażmettuha lill-oħrajn. Hija mela komunità dinamika, Appostolika: il-Knisja “fi stat ta’ missjoni”.

L-Ispirtu Santu nnifsu l-ewwel “joffri xhieda” lil Kristu (cf. Ġw 15, 26), u din ix-xhieda tinfed ir-ruħ u l-qalb ta’ dawk li jieħdu sehem f’Pentekoste, li jsiru min-naħa tagħhom xhieda u ħabbara. L-“ilsna donnhom tan-nar” (At 2, 3) fuq ras kull wieħed minn dawk preżenti jikkostitwixxu s-sinjal estern tal-entużjażmu mkebbes fihom mill-Ispirtu Santu. Dan l-entużjażmu jestendi ruħu mill-Appostli għas-semmiegħa tagħhom, dan kif diġa f’dak l-ewwel jum wara d-diskors ta’ Pietru “ingħaqdu . . . madwar tlett elef ruħ” (At 2, 41).

6. Il-ktieb kollu tal-Atti tal-Appostli huwa deskrizzjoni kbira tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu fil-bidu tal-Knisja, li – bħal ma naqraw – “kienet tikber u timxi fil-biżà tal-Mulej, imfawra bis-sapport tal-Ispirtu Santu” (At 9, 31). Nafu li d-diffikultajiet interni u l-persekuzzjonijiet ma kinux jonqsu, u li kien hemm l-ewwel martri. Imma l-Appostli kellhom iċ-ċertezza li kien l-Ispirtu Santu li jmexxihom. Dan l-għarfien tagħhom kien b’xi mod ifformalizza fis-sentenza konklussiva tal-konċilju ta’ Ġerusalem, li r-riżoluzzjonijiet tiegħu jibdew bil-kliem: “Iddeċidejna, l-Ispirtu Santu u aħna . . .” (At 15, 28). B’dan il-mod il-komunità kienet tiċcertifika l-koxjenza propja li timxi taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.