It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa
QARI I
Aħna, li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu, konna magħżula;u konna ssiġillati bl-Ispirtu s-Santu.
Efes 1, 11-14
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, fi Kristu aħna wkoll konna magħżula,
iddestinati minn qabel – skont il-pjan imfassal minn qabel
minn min imexxi kollox skont il-fehma tar-rieda tiegħu –
sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu,
aħna, li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu.
U fih intom ukoll smajtu l-Kelma tal-Verità,
l-Evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom,
u emmintu fiha.
Kontu ssiġillati bl-Ispirtu s-Santu
li kien imwiegħed;
li hu r-rahan tal-wirt tagħna
sakemm għadna nistennew il-fidwa sħiħa
tal-Poplu li Alla kiseb għalih, għat-tifħir tal-glorja tiegħu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 32 (33), 1-2.4-5.12-13
R/. (12b): Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu
Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.
Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi. R/.
Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.
Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,
il-poplu li hu għażel b’wirtu.
Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,
u jara l-bnedmin kollha. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 32 (33), 22
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħa tkun, Mulej, it-tieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Sax-xagħar ta’ raskom, kollu magħdud.
Lq 12, 1-7
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, in-nies bdiet tinġabar bl-eluf, kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin. U Ġesù qabad jgħid l-ewwel nett lid-dixxipli tiegħu: “Ilqgħu rwieħkom mill-ħmira tal-Fariżej, jiġifieri mill-wiċċ b’ieħor tagħhom. Xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Għalhekk, kulma tkunu għedtu fid-dlam għad jinstama’ fid-dawl, u kulma tkunu tkellimtu fil-widnejn, fil-kmamar ta’ ġewwa, għad jixxandar minn fuq il-bjut.
Dan ngħidilkom, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed. Ħa nurikom jien minn min għandkom tibżgħu; ibżgħu minn dak li, wara li jkun qatlek, għandu s-setgħa jixħtek ġol-infern. Iva, ngħidilkom, minn dan ibżgħu. Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla. U intom, sax-xagħar ta’ raskom, kollu magħdud. Xejn la tibżgħu, għax intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu