Qari tal-Quddies tas-Sibt tas-XXVII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Intom ulied Alla lkoll kemm intom, permezz tal-fidi.
Gal 3, 22-29

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

Ħuti, l-Iskrittura xeħtet kollox taħt id-dnub, ħalli l-wegħda, bis-saħħa tal-fidi f’Ġesù Kristu, tingħata lil dawk li jemmnu. Qabel ma ġiet il-fidi, aħna konna miżmumin priġunieri taħt il-ħarsien tal-Liġi, sa ma tiġi l-fidi li kellha tkun irrivelata. Il-Liġi, mela, kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu, biex inkunu ġġustifikati permezz tal-fidi. Issa li l-fidi ġiet, ma neħtiġux aktar min imexxina. Għax intom ulied Alla lkoll kemm intom, permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu. Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù. Imma jekk intom ta’ Kristu, intom ukoll nisel Abraham, werrieta skont il-wegħda.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 104 (105), 2-3.4-5.6-7

R/. (8a): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu
jew Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Għannulu u doqqulu,
xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha.
Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;
tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej. R/.

Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,
fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu.
Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,
fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu. R/.

Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,
Jaħweh hu Alla tagħna!
Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 11, 28

Hallelujah. R/. Hallelujah
Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla
u jħarsuha.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Hieni l-ġuf li ġiebek! Aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!
Lq 11, 27-28

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien qed jitkellem, kien hemm waħda mara li għolliet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!”. Iżda hu qalilha: “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu