Qari tal-Quddies tat-Tlieta u Tletin Ħadd matul is-Sena “A”


Stampa t-test tal-qari …

It-Tlieta u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Mara ta’ ħila taħdem minn qalbha b’idejha.
Prov 31, 10-13.19-20.30-31

Għeluq tal-Ktieb tal-Proverbi

Mara ta’ ħila min isibha?
Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar.
Fuqha tistrieħ qalb żewġha,
u dan żgur ikunlu ta’ ġid.
Riżq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin,
il-jiem kollha ta’ ħajjitha.
Tfittex suf u ħjut tal-qoton,
u taħdmu bil-qalb b’idejha.
Tmidd idejha għall-magħżel,
jaqbdu d-dussies idejha.
Tiftaħ mal-fqir idejha,
tmidd idejha lejn l-imsejken.
Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha;
mara li tibża’ mill-Mulej ta’ min ifaħħarha.
Agħtuha mill-frott ta’ xogħol idejha.
Ħa jfaħħruha f’bibien il-belt l-għemejjel tagħha.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 127 (128), 1-2.3.4-5

R/. (1a): Hieni kull min jibża’ mill-Mulej

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb! R/.

Martek tkun bħal dielja għammiela
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek. R/.

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon!
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm
tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek! R/.

QARI II
Tħallux li Jum il-Mulej jeħodkom għal għarrieda.
1 Tess 5, 1-6

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

Dwar il-ħin u ż-żmien, ħuti, ma għandix bżonn niktbilkom. Intom tafu sewwa li Jum il-Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel bil-lejl. Meta kulħadd jibda jgħid: “Sliem u mistrieħ”, dak il-ħin stess, bħal-luġigħ fuq mara li tkun waslet għall-ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda l-qerda u ma jeħilsu b’xejn.

Ħuti, intom m’intomx fid-dlam biex Jum il-Mulej jeħodkom għal għarrieda bħal ħalliel. Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum; aħna m’aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam. Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qjies.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 15, 4a.5b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;
min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Int kont fidil fil-ftit: idħol fil-hena ta’ sidek.
Mt 25, 14-30

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.

Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”. Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hekk il-biki u t-tgħażżiż tas-snien””.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Jew il-forma l-qasira

EVANĠELJU
Int kont fidil fil-ftit: idħol fil-hena ta’ sidek.
Mt 25, 14-15, 19-21

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.

Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu