Qari tal-Quddies tat-Tnejn tat-II ġimgħa tal-Avvent. San Ambroġ, Isqof u Duttur tal-Knisja (TO)


Stampa t-test tal-qari …

It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent
It-Tnejn

QARI I
Alla ġej biex isalvakom.
Iż 35, 1-10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa;
ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad,
ħa jwarrad bħar-ranġis.
Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni.
Sebħ il-Libanu jingħata lilha,
il-ġmiel tal-Karmel u ta’ Saron.
Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej,
il-ġmiel ta’ Alla tagħna.
Qawwu l-idejn mitruħa;
saħħu l-irkupptejn imriegħda.
Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:
“Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!
Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas;
il-ħlas ta’ Alla wasal;
Hu stess ġej biex isalvakom”.
Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja,
jinfetħu widnejn it-torox.
Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela
u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.
Iva, igelgel l-ilma fid-deżert, u l-widien fix-xagħri.
L-art maħruqa tinbidel f’għadira,
u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma ġieri.
Fejn qabel kienu jimteddu x-xakalli,
issa hemm il-ħmiemel tal-qasab u l-ġummar.
Hemm ikun hemm triq,
isejħulha: It-Triq il-Qaddisa.
Ħadd imniġġes ma jgħaddi minnha,
u l-boloh ma jiġġerrewx fiha.
Ma jkunx hemm l-iljun,
u ebda bhima feroċi ma titla’ minnha:
minnha jgħaddu l-mifdijin.
Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej,
u jidħlu f’Sijon jgħajtu bil-ferħ,
b’ferħ ta’ dejjem fuq rashom.
Il-ferħ u l-hena jiksbu,
u jgħibu swied il-qalb u l-krib.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14

R/. (Iż 35, 4d): Alla ġej biex isalvana

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.

It-tieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ara, ġej il-Mulej
biex ifarrak il-madmad li qed iżommna fil-jasar.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Rajna ħwejjeġ tal-għaġeb illum!
Lq 5, 17-26

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Jum fost l-oħrajn Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. Il-qawwa tal-Mulej kienet fih biex ifejjaq. U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu li jdaħħluh ġewwa u jqegħduhulu quddiemu, iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b’kollox minn bejn ix-xorok f’nofs in-nies quddiem Ġesù.

Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: “Ħabib, dnubietek maħfura”. Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan min hu biex jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?”. Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom? X’inhu l-eħfef: tgħid “Dnubietek maħfura”, jew tgħid “Qum u imxi”? Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art – qal lill-mifluġ –: qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek”. U dak minnufih qam quddiemhom, qabad il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla.

U lkoll baqgħu mistagħġba u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew bil-biża’ u bdew jgħidu: “Rajna ħwejjeġ tal-għaġeb illum!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu