121. Marija turi n-nobiltà tal-Verġinità


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 29/03/1995.

1. Ir-rapport ma’ Marija Santissma, li kull fidil għandu bħala konsegwenza ral-għaqda tagħha ma’ Kristu, jirriżulta ferm iktar aċċentwat fil-ħajja tal-persuni kkonsagrati.

Dan huwa aspett essenzjali tal-ispiritwalità tagħhom b’mod iktar dirett espress fit-titlu stess ta’ diversi Istituti, li jassumu l-isem ta’ Marija biex ngħidu hekk “uliedha” irġiel jew nisa, “qaddejja” irġiel jew nisa, “appostli” irgiel jew nisa eċċ.  Mhux ftit minnhom jagħrfu u jxandru r-rabta ma’ Marija bħal b’mod partikolari radikata fit-tradizzjoni tad-dutrina u tad-devozzjoni tagħhom, sa mill-bidu. F’kollha hemm il-konvinzjoni li l-preżenza ta’ Marija għandha mportanza fundamentali kemm għall-ħajja spiritwali ta’ kull ruħ individwali kkonsagrata, kif ukoll għall-konsistenza, l-għaqda, il-progress tal-komunità kollha.

2. Hemm raġunijiet solidi ta’ dan fl-istess Skrittura Mqaddsa. Fl-Annunzjazzjoni Marija hija kkwalifikata mill-Anġlu Gabriel bħala gratia plena (kecharitoméneLq 1, 28), b’sejħa espliċita għall-azzjoni sovrana u gratwita tal-grazzja (cf. Enċiklika Redemptoris Mater, 7). Marija kienet magħżula bis-saħħa ta’ mħabba divina singulari. La darba hija kollha ta’ Alla u tgħix għal Alla, huwa għaliex qabel kollox “ittieħdet minn Alla”, li ried jagħmel minnha post privileġġjat tar-rapport tiegħu mal-umanità fl-Inkarnazzjoni. Marija mela tfakkar lill-ikkonsagrati li l-grazzja tal-vokazzjoni hija favur minnhom mhux meritat. Huwa Alla li ħabbhom l-ewwel (cf. 1 Ġw 4, 10. 19), bis-saħħa ta’ mħabba gratwita, li għandha tqanqal l-azzjoni tal-grazzja tagħhom.

Marija hija wkoll il-Mudell tal-ilqugħ tal-grazzja min-naħa tal-krejatura umana. Fiha l-grazzja stess ipproduċiet l-“iva” tar-rieda, l-adeżjoni libera, il-ħlewwa konxja tal “fiat”, li wasslitha għal qdusija dejjem iktar żviluppata fil-kors ta’ ħajjitha. Marija qatt ma fixklet dan l-iżvilupp; dejjem segwiet l-ispirazzjonijiet tal-grazzja u għamlet tagħha l-intenzjonijiet divini. Hija dejjem ikkoperat ma’ Alla. Bl-eżempju tagħha, hija tgħallem l-ikkonsagrati biex ma jirrovinaw xejn mill-grazzji rċevuti, biex jagħtu tweġibiet dejjem iktar ġenerużi għad-donazzjoni divina, biex iħallu lilhom infushom ikunu spirati, imċaqilqa u mmexxija mill-Ispirtu Santu.

3. Marija hija “dik li emmnet…”, kif tagħraf lill-kuġina Eliżabbetta. Din il-fidi tippermettilha li tikkollabora fit-twettiq tal-pjan divin, li skont il-previżjonijiet umani kien jidher “impossibbli” (cf. Lq 1, 37); u huwa hekk li wettaq ruħu l-misteru tal-miġja tas-Salvatur fid-dinja. Il-mertu kbir tal-Verġni Mqaddsa huwa li hi kkoperat fil-miġja tiegħu fuq triq li hija stess, fuq l-istess linja tal-bnedmin mortali l-oħra, ma kinitx taf kif dik kellha tkun segwita. Emmnet, u “il-Verb sar bniedem” (Ġw 1, 14) bl-opra tal-Ispirtu Santu (cf. Enċilika Redemptoris Mater, 12-14).

Dawk ukoll li jaċċettaw is-sejħa għall-ħajja kkonsagrata jinħtieġu fidi kbira. Biex jimpenjaw ruħhom fit-triq tal-pariri evanġeliċi, hemm bżonn li jemmnu f’Dak li jsejjaħ biex jgħixuhom u fid-destin superjuri li Huwa joffri. Biex dak li jkun joffri ruħu kollu kemm hu lil Kristu, jeħtieġ li jagħraf fih il-Mulej u l-Imgħallem assolut, li jistà jitlob kollox għaliex jistà jagħmel kollox biex jittraduċi f’realtà dak li jitlob.

Marjia, mudell tal-fidi, tiggwida mela lill-ikkonsagrati fit-triq tal-fidi.

4. Marija hija l-Verġni tal-verġni (Virgo virginum) Hija kienet magħrufa, sa mill-ewwel sekli tal-Knisja, bħala mudell tal-verġinità kkonsagrata.

Ir-rieda ta’ Marija li tikkonserva l-verġinità hija sorprendenti f’ambjent fejn dan l-ideal ma kienx mifrux. Id-deċiżjoni tagħha hija frott ta’ grazzja speċjali tal-Ispirtu Santu li fetħilha qalbha għax-xewqa li toffri totalment lilha nfisha, ruħ u ġisem, lil Alla, waqt li hekk tattwa bil-mod l-iktar għoli u umanament impensabbli l-vokazzjoni ta’ Iżrael għall-isponsalità ma’ Alla, għall-appartenenza totali u esklussiva tagħha nfisha bħala poplu ta’ Alla.

L-Ispirtu Santu ħejjiha għall-maternità straordinarja tagħha permezz tal-verġinità, għaliex, skont il-pjan etern ta’ Alla, ruħ verġinali kellha tilqà l-Iben ta’ Alla fl-Inkarnazzjoni tiegħu. L-eżempju ta’ Marija iġegħelna nifhmu s-sbuħija tal-verġinità u jinkuraġġixxi lill-imsejħin għall-ħajja kkonsagrata biex isegwu din it-triq. Din hija s-siegħa li nivvalutaw mill-ġdid, fid-dawl ta’ Marija, il-verġinità. Din hija s-siegħa li nipproponuha mill-ġdid lis-subien u lill-bniet bħala proġett tal-ħajja serju. Marija ssostni bl-għajnuna tagħha lil dawk  li jimpenjaw ruħhom, turihom in-nobiltà tad-don totali tal-qalb lil Alla, u tqawwi kontinwament l-fedeltà tagħhom ukoll fis-siegħat tad-diffikultà u tal-periklu.

5. Marija ddedikat ruħha kollha kemm hi għas-servizz ta’ Binha għal snin fuq snin: għenitu jikber u jħejji ruħu għall-missjoni tiegħu fid-dar u fil-ħanut ta’ mastrudaxxa ta’ Nażżaret (cf. Enċiklika Redemptoris Mater, 17). F’Kana talbitu l-wirja tal-qawwa tiegħu ta’ Salvatur u kisbet l-ewwel miraklu tiegħu favur koppja fid-diffikultà (cf. Enċiklika Redemptoris Mater, 18 e 23); indikatilna t-triq tal-ħlewwa perfetta għal Kristu, meta qalet: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5). Fuq il-Kalvarju kienet maġemb Ġesù bħala omm. Fiċ-Ċenaklu għaddiet fit-talb mad-dixxipli ta’ Ġesù il-ħin tal-istennija tal-Ispirtu Santi minnu mwiegħed.

Hija mela turi lill-ikkonsagrati t-triq tad-dedikazzhoni lil Kristu fil-Knisja bħala familja ta’ fidi, ta’ karità u ta’ tama u tikseb għalihom il-meravilji tal-wirja tal-poter sovran ta’ Binha, Mulej u Salvatur tagħna.

6.Il-maternità l-ġdida assenjata lil Marija fuq il-Kalvarju hija don li jagħni lill-insara kollha, imma għandu valur iktar aċċentwat għall-ikkonsagrati. Ġwanni, id-dixxiplu maħbub, kien offra qalbu kollha u l-forzi tiegħu kollha lil Kristu. Malli semgħet il-kliem: “Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19, 26), Marja laqgħet lil Ġwanni bħala binha. Hija fehmet ukoll li din il-maternità l-ġdida kienet fetħet ruħha għad-dixxipli kollha ta’ Kristu. Il-komunjoni tal-ideali tagħha ma’ Ġwanni u mal-ikkonsagrati kollha jippermettu lill-maternità tagħha li tespandi ruħha fil-milja kollha tagħha.

Marija ġġib ruħha ta’ omm attenta ħafna biex tgħin lil dawk li offrew lil Kristu imħabbithom kollha. Hija hi mimlija prontezza fil-bżonnijiet spiritwali tagħhom. Hija tgħin ukoll lill-Komunitajiet. Bħal ma spiss tistqarr l-istorja tal-Istituti reliġjużi. Hi, li kienet preżenti fil-komunità primittiva (cf. At 1, 14), tieħu gost li tibqà f’nofs il-komunitajiet kollha miġbura f’isem Binha. B’mod partikolari hija tgħasses il-konservazzjoni u l-espansjoni tal-karità tagħhom.

Il-kliem ta’ Ġesù lid-dixxiplu maħbub: “Hawn hi ommok!” (Ġw 19, 27), jassumi profondità partikolari fil-ħajja tal-persuni kkonsagrati. Huma huma mistiedna biex inżommu lil Marija bħala ommhom u biex iħobbuha bħal ma ħabba Kristu. B’mod iktar partikolari huma huma msejħa biex jeħduha f’darhom, bħal ma Ġwanni “ħa lil Marija f’daru” (letteralment: “fost ġidu”) Ġw 19, 27). Fuq kollox huma għandhom jagħmlulha post f’qalbhom u f’ħajjithom. Għandhom ifittxu li jiżviluppaw dejjem iktar ir-relazzjoni tagħhom ma’ Marija, mudell u omm il-Knisja, mudell u omm il-komunitajiet, mudell u omm ta’ kull wieħed u waħda ta’ dawk li Kristu jsejjaħ biex jimxu warajh.

Għeżież, kemm hi sabiħa, venerabbli, u sa ċertu punt invidjabbli din il-pożizzjoni privileġġjata tal-ikkonsagrati taħt il-mant u fil-qalb ta’ Marija! Nitolbu biex niksbu li hi tkun dejjem magħhom u tiddi dejjem iktar bħala kewkba luminuża ta’ ħajjithom!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb