122. L-Appostli kienu mibgħutin fid-dinja kollha


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 05/04/1995.

1. Fl-żvolġiment progressiv tal-katekeżi dwar il-Knisja, tlaqna mill-pjan etern ta’ Alla, li riedha Sagrament, punt ta’ konfluwenza u ċentru ta’ rradjazzjoni tal-ekonomija tas-salvazzjoni.

Meqjusin l-aspetti differenti tal-misteru tal-Knisja, bħala poplu ta’ Alla, sagrament tal-għaqda bejn l-umanità u Alla, Għarusa ta’ Kristu, komunjoni, komunità saċerdotali, ippreċiżajna fiex jikkonsistu l-ministeri li hija msejħa biex tiżvolġi. Fir-rigward ta’ dawn il-ministeri ikkunsidrajna l-missjoni tal-kulleġġ episkopali fis-suċċessjoni tal-kulleġġ apostoliku; il-missjoni tal-Papa, suċċessur ta’ Pietru fl-episkopat Ruman u fil-primat fuq il-Knisja universali; il-missjoni tal-presbiteri u l-implikazzjonijiet li hi għandha fl-istat ta’ ħajja tagħhom – il-missjoni tad-djakni, illum ivvalorizzati mill-ġdid bħal fl-ewwel żminijiet tal-kristjaneżmu u meqjusa bir-raġun ħmira mġedda ta’ tama għall-poplu t’Alla kollu kemm hu. U iktar, tkellimna dwar il-lajċi, billi tfajna fid-dawl il-valur u l-missjoni kemm bħala “fidili ta’ Kristu” in ġenerali, kif ukoll fil-kondizzjonijiet differenti tal-ħajja personali, familjari u soċjali. Fl-aħħarnett, l-attenzjoni tagħna ikkonċentrat ruħha fuq il-ħajja kkonsagrata bħala għana tal-Knisja fil-forom tradizzjonali u fl-espressjonijiet multepliċi tagħha illum fjorixxenti

Fil-korsa ta’ tali espożizzjonijiet, dejjem tkellimna wkoll dwar il-missjoni tal-Knisja u ta’ kull membru tagħha. Imma wasal il-waqt li nitrattaw b’mod iktar sistematiku, biex niddeterminaw b’ċarezza ikbar l-essenza tal-missjoni universali tal-Knisja, waqt li niffaċċjaw fl-istess ħin il-problemi marbutin magħha. Hekk ikollna l-possibiltà li nikkjarifikaw iktar l-iskop tal-“kattoliċità” li s-Simbolu Niċen-Kostantinoplitan jattribwixxi lill-Knisja bħala nota essenzjali, marbuta ma dik l-“għaqda”. Fuq tali triq nistgħu naslu biex niffaċċjaw temi ta’ attwalità kbira u nanalizzaw problemi mqanqla mill-impenn krexxenti għall-ekumeniżmu.

2. Il-Konċilju Vatikan II fakkar li l-universalità tal-missjoni tal-Knisja, li “tħabrek biex twassal l-aħbar tal-Vanġelu lill-bnedmin kollha”, tibbaża ruħha fuq “l-ordni speċifika” ta’ Kristu u fuq “l-esiġenzi iktar profondi tal-kattoliċità” tal-Knisja (Digriet Ad Gentes, 1).

Ġesù jafda mandat preċiż lill-Appostli: “Ippridkaw il-Vanġelu lill-kull krejatura” (Mk 16, 15), “għallmu lill-ġnus kollha” (Mt28, 19), bi predikazzjoni ddestinata biex tqanqal “il-konverżjoni u l-maħfra tad-dnubiet” (Lq 24, 47). Filwaqt tat-Tlugħ is-Sema d-dixxipli jillimitaw mill-ġdid it-tama tagħhom għas-Saltna ta’ Iżrael; infatti jitolbu lill-Imgħallem tagħhom: “Mulej, huwa dan iż-żmien li fih se tirrikostitwixxi s-saltna ta’ Iżrael?” (At 1, 6). Fit-tweġiba s-Salvatur jurihom b’mod ċar li dan l-orizzont għandu jkun issuperat, u huma stess għandhom isiru xhieda tiegħu mhux biss f’Ġerusalem, imma fil-Ġudea kollha u fis-Samarija u “sa l-ibgħad truf tad-dinja” (At 1, 8).

Ir-Redentur ma joqgħodx sempliċement fuq il-ħlewwa tad-dixxipli għal kelmtu, imma fuq il-qawwa superjuri tal-Ispirtu, li jwegħedhom: “Ikollkom qawwa mill-Ispirtu Santu li se jinżel fuqkom” (At 1, 8). Sinifikattiv f’dan ir-rigward huwa l-amar biex jibqgħu Ġerusalem: id-dixxipli ma jistgħux joħorġu mill-belt, għal xhieda universali, jekk mhux wara li jkunu rċivew l-imwegħda qawwa divina: “Intom ibqgħu fil-belt, sakemm ma tkunux ġejtu mlibbsa b’qawwa mill-għoli” (Lq 24, 49).

3. L-universalità tal-missjoni tidħol fil-qalb tad-dixxipli mad-don tal-Ispirtu Santu. Il-ftuħ universali mhuwiex mela karatteristika tal-Knisja imposta minn barra, imma espressjoni ta’ propjetà li tappartieni lill-istess essenza tagħha. Il-Knisja hija “kattolika”, “sagrament universali ta’ salvazzjoni” (Kostituzzjoni Lumen Gentium, 48) għaliex fiha, bl-opra tal-Ispirtu Santu, tantiċipa ruħha s-Saltna ta’ Alla.

Qabel ma jirraporta l-mistoqsija tad-dixxipli dwar l-istabiliment mill-ġdid tas-Saltna ta’ Iżrael, l-evanġelista Luqa jirrakkonta kif fid-dehriet tiegħu tul l-erbgħin jum wara l-Qawmien mill-Imwiet, Ġesù kien tkellem dwar is-“Saltna ta’ Alla” (At 1, 3). “Is-“Saltna ta’ Alla” hija Saltna universali, li tirrifletti fiha nfisha l-esseri ta’ Alla infinit, mingħajr il-limiti u d-diviżjonijiet li jikkaratterizzaw is-saltniet umani.

4. Fl-universaliżmu nisrani hemm preżenti sors trinitarju. Ġesù, kif jistà jkun osservat, attribwixxa lill-qawwa tal-Ispirtu Santu l-opra tal-Appostli, u allura tal-Knisja, fl-evanġelizzazzjoni universali. Tkellem dwar is-“Saltna tal-Missier” (Mt 13, 43; 26, 29) u għallem biex nitolbu l-miġja ta’ din is-Saltna: “Missierna… tiġi Saltnatek” (Mt 6, 9-10; cf. Lq 11, 2); imma qal ukoll: “Is-Saltna tiegħi” (Lq 22, 30; Ġw 18, 36; cf. Mt 20, 21; Lq 23, 42), waqt li ppreċiża li din is-Saltna kienet imħejjija għalih minn Missieru (cf. Lq 22, 30) u ma kinitx ta’ din id-dinja (cf. Ġw 18, 36).

Għad-dixxipli din kienet teċċedi l-limiti kulturali u reliġjużi li fihom kienu mdorrija biex jaħsbu u biex jgħixu, biex iħossuhom fil-livell ta’ Saltna ta’ estensjoni universali. Fid-djalogu mas-Sammaritana Ġesù jenfasizza l-bżonn li jingħelbu l-konflitti kulturali, nazzjonali jew etniċi, marbutin b’mod storiku ma’ santwarji partikolari, biex jistabilixxi ruħu l-kult awtentiku ta’ Alla. “Wasal il-waqt li fih la fuq din il-muntanja, linqas f’Ġerusalem, ma taduraw lill-Nissier… Wasal il-waqt, u huwa dan, li fih l-adoraturi veri jaduraw lill-Missier fi spirtu u verità; għaliex il-Missier ifittex tali adoraturi” (Ġw 4, 21. 23). Hija rieda tal-Missier meta Ġesù jitlob lid-dixxipli: biex jgħaddu mis-Saltna ta’ Alla fuq Iżrael biss għas-Saltna ta’ Alla fuq il-ġnus kollha. Il-Missier għandu qalb universali u jistabilixxi, permezz tal-Iben u fl-Ispirtu, kult universali. Bħal ma għidt fl-Enċiklika Redemptoris Missio, il-Knisja toħroġ mill-qalb universali tal-Missier, u hija kattolika għaliex il-Missier jiftaħ il-paternità tiegħu lill-umanità kollha (cf. Redemptoris Missio, 12).

5. L-universalità tal-pjan etern tal-Missier wera ruħu b’mod konkret fl-opra messjanika ta’ Ibnu uniġenitu magħmul bniedem, li hija fl-oriġni tal-kristjaneżmu.

Il-predikazzjoni ta’ Ġesù, skont il-mandat tal-Missier, kienet limitata għall-poplu Lhudi, “għan-nagħaġ mitlufa tad-dar ta’ Iżrael”: dan iddikjarah huwa stess (cf. Mt 15, 24). Tali predikazzjoni però kienet biss priambolu għall-evanġelizzazzjoni universali u għad-dħul tan-nazzjonijiet kollha fis-Saltna, minnu mħabbra f’armonija mas-sens profond tal-predikazzjoni tal-profeti: “Issa ngħidilkom li bosta jiġu mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu bil-qiegħda mal-mejda ma’ Abram, Iżakk u Ġakobb fis-Saltna tas-smewwiet” (Mt 8, 11).Din il-viżjoni universalistika tiffjorixxi mill-preżentazzjoni li Ġesù għamel tiegħu nnifsu bħala “Bin il-bniedem”, u mhux biss “Bin David”, billi anzi huwa stess kien Mulej ta’ David (cf. Mt 22, 45; Mk 12, 37; Lq 20, 44).

It-titlu ta’ “Bin il-bniedem”, fil-lingwaġġ tal-letteratura apokalittika ġudajka ispirata għall-profeta Danjel  (Dn 7, 13), tikkostitwixxi sejħa mill-ġdid għall-personaġġ ċelesti li kien irċieva minn Alla s-Saltna eskatoloġika. Ġesù inqeda biha biex jesprimi l-veru karattru tal-messjaniżmu tiegħu, bħala missjoni mwettqa fil-livell ta’ umanità vera, imma tittraxxendi kull partikolariżmu etniku, nazzjonali u reliġjuż.

6. L-universalità li tipproċedi mill-Missier għall-Iben inkarnat tiġi b’mod definittiv trażmessa lill-Knisja f’jum il-Pentekoste, meta l-Ispirtu Santu jimla l-ewwel komunità nisranija u jikkostitwiha bħala universali. L-Appostli allura jirrendu xhieda lil Kristu waqt li jduru lejn il-bnedmin ta’ kull nazzjon u dawn jifhmuhom bħallikieku kienu qegħdin jitkellmu bil-lingwa ta’ kull wieħed (cf. At 2, 7-8). Minn dak il-jum il-Knisja bil-“qawwa tal-Ispirtu Santu”, skont il-wegħda ta’ Ġesù, taġixxi b’manjiera effettiva “f’Ġerusalem, fil-Ġudea kollha u s-Samarija u sat-trufijiet estremi tad-dinja” (At 1, 8).

Il-missjoni universali tal-Knisja, għalhekk, ma titlax minn taħt, imma tinżel mill-għoli, mill-Ispirtu Santu, kważi mill-penetrazzjoni fiha tal-universalità tal-imħabba trinitarja. Huwa l-misteru trinitarju li, minn ġol-misteru tal-fidwa permezz tal-influss tal-Ispirtu Santu, jikkomunika l-propjetà tal-universaliżmu lill-Knisja. Mill-misteru tat-Trinità twassal lilha nfisha b’dan il-mod għall-misteru tal-Knisja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb