Fid-29 ta’ Ġunju l-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ ta’ San Pietru u San Pawl, Appostli li għexu fl-1 Seklu.
Il-festa ta’ San Pietru u San Pawl hija għażiża ħafna għall-Knisja speċjalment għalina l-Maltin li nsejħulha “l-Imnarja”. San Pietru hu l-Kap tal-Knisja, u San Pawl waqqaf il-Knisja f’Malta.
San Pietru kien sajjied, jismu Xmun u kien wieħed minn tal-ewwel li ġie msejjaħ minn Ġesù biex ikun appostlu tiegħu, li bidillu ismu f’Pietru.
Meta Ġesù ġie arrestat, San Pietru ċaħdu tliet darbiet, iżda malajr iddispjaċih u patta bil-kbir.
Wara li qam mill-mewt Ġesù staqsa lil Pietru tliet darbiet wara xulxin jekk kienx iħobbu, u wara li għal tliet darbiet San Pietru wieġeb fl-affermattiv, Ġesù fdalu l-merħla tiegħu.
Hekk kif inħeles mill-ħabs fil-persekuzzjoni ta’ Erodi Agrippa f’Ġerusalemm, fis-sena 43, San Pietru mar Antjokja, u wara Ruma, il-belt kapitali tad-dinja ta’ dak iż-żmien.
Baqa’ Ruma, barra mill-ftit żmien li fih kien f’Ġerusalemm għall-ewwel Konċilju tal-Knisja, sakemm ġie msallab rasu l-isfel fil-ġnien ta’ Neruni fuq l-għolja tal-Vatikan, aktarx bejn is-sena 64 u s-67. Kostantinu l-Kbir bena knisja fuq il-qabar tiegħu; wara nbniet flokha l-knisja maestuża ta’ San Pietru li hemm illum.
San Pawl kien Lhudi akkanit, Fariżew, li wara l-konverżjoni tiegħu fit-triq lejn Damasku sar appostlu l-iktar ferventi ta’ Ġesù.
Billi kien bniedem ta’ għerf kbir u kien jaf tajjeb il-kultura sew Griega u sew Lhudija, kien ta’ għajnuna kbira għall-Knisja fil-bidu tat-tixrid tagħha.
Iżda l-ħaġa l-iktar li spikkat fih, kienet l-imħabba kbira tassew li kellu lejn Ġesù. “Ngħix, imma mhux jien, iżda jgħix fija Kristu.” (Galatin 2:20)
Għadda ħamsa u għoxrin sena jiġri minn pajjiż għall-ieħor jipprietka ‘l Ġesù. Aħna l-Maltin għandna l-kbira xorti li ġejna, bħala nazzjon, ikkonvertiti minnu, fis-sena 60.
Fl-istess persekuzzjoni ta’ Neruni, li fiha kien miet San Pietru, San Pawl ġie arrestat, mitfugħ il-ħabs u wara ġie maqtul bi qtugħ ir-ras, aktarx ukoll bejn is-sena 64 u s-67.
Sal-Konċilju Vatikan II, iż-żewġ Appostli kellhom festa separata, waħda għal kull wieħed minnhom. San Pietru fid-29 ta’ Ġunju – San Pawl fit-30 ta’ Ġunju. Mill-Konċilju Vatikan II ’l hawn, issir ċelebrazzjoni waħda għat-tnejn.