Bil-visor


Għall-grazzja tal-Mulej, fil-ġlieda tagħna kontra dan il-virus li ma jidhrix, ilkoll iva qed inxiddu l-visors, face masks jew face shields.

Id-dehra tal-personel kollu tal-isptar liebes il-visors iddaħħalni fl-ispirtu tal-kanzunetta magħrufa tal-kompożitur ċelebri Grieg Evángelos Odysséas Papathanassíou, jew kif inhu magħruf aħjar b’mod professjonali bħala Vangelis, Conquest of Paradise. Dan il-mużiċist u kompożitur tal-mużika elettronika, progressiva, jazz u orkestrali Grieg, seħħlu joħroġ aspett importantissmu f’dik il-kanzunetta mill-isbaħ: il-kisba tal-ġenna tal-art! Jiġifieri tal-kontinent Amerikan! Hemm hija l-lirika tal-ilsien Psewdo-Latin li bih hi ripetuta, għal ma nafx kemm-il darba, ir-ritornell: In nòreni per ìpe, in noreni coràh; tirà mine per ìto, ne dominà. Li, b’ilsienna, tfisser, fillejl fuq riġlejlhom, fillejl sabu ħafna minjieri fil-madwar, lilhom ħakmu.

Personalment bqajt impressjonat għan-numru kbir tad-drabi li l-kelma hum tinstab preżenti f’din il-biċċa mużika mill-isbaħ ta’ Vangelis! Skont il-kalkoli tiegħi matul il-kanzunetta kollha hemm mhux anqas minn 116-il hum! Għaliex tgħid Vangelis għoġbu jitfa’ daqshekk emfażi fuq din il-hum u jirreptieha daqstant drabi f’mużika ta’ 4.42 minuti? L-iskop hu ċarissmu! Għax il-kelma hum, li fiha nnifisha hi imitattiva (l-għaliex tixbaħ lill-ħoss li tiddeskrivi) ġejja mill- kelma hommen li kienet tintuża għall-ħabta s-seklu sittax, mela fiż-żmien tal-konkwista tal-Ġenna mill-Ispanjoli! Din il-kelma kienet oriġinarjament tfisser “tagħmel ħoss ta’ trehid bil-għan li tintgħatta l-mistħija.” Issa ngħiduha kif inhi: mhux tal-mistħija jew li tidħol f’kontinent u tisraq, minn idejn l-indiġeni, ġidhom, toqtolhom, tgħaddihom minn kull tip ta’ martirju u, jekk jogħġob, iġġibhom ilsiera f’art li hi tagħhom stess? Kemm għandna mela għalfejn NIĦĦAMJAW hux! Illum nifhem fuq li nifhem fis-seba’ protesti li kienu saru fl-Amerika kollha kontra ċ-ċelebrazzjonijiet tal-1492 fl-1992! Ċertament li għall-Indjani Amerikani dan il-jum kien wieħed ta’ luttu kbir! Fil-fatt, meta l-Indjani Amerikani nġabru f’Boston, nhar it-Tnejn 12 t’Ottubru 1992, huma fakkru ż-żfin tagħhom u wrew l-ikel li jieklu u li kien maqsum ma’ l-abitanti f’Massachussets daqs 9,000 sena qabel il-Pellegrini(?) kienu żbarkaw! Il-ħsieb wara din il-ġrajja kollha kien biex jiġi emfasizzat il-punt li, fir-rejaltà, ma kienx qed jiġi iċċelebrat il-500 sena mis-sejba tal-Amerika. Għax, għal dawn in-nies, ma kien hemm bżonn xejn x’jiġi misjub! Il-bżonn tas-sejba kien biss f’moħħ l-invażuri u mhux f’dak tal-indiġeni!

Sa ftit xhur ilu konna qiegħdin ngħixu fil-Ġenna tagħna. Bil-limiti kollha tagħha. U, f’daqqa waħda, ġejna attakkati minn virus li ma jidhirx! U li għalina, ma ġiex b’ħafna ħsejjes, sparar u kanuni! Anzi! Dan il-misħut ta’ coronavirus ġie u għadu jiġi, nkiss inkiss! A la James Bond! Agent 007! U, al servizio di …. Ta’ dak t’hemm isfel! Nindunaw li dan il-virus ġab ruxxmata nies ma jaħdmux! Minbarra l-ħafna nkwiet li qed jinħoloq fil-familji u fil-komunitajiet! Saħansitra, dan il-virus, seħħlu jdaħħal lill-Knisja stess fil-katakombi virtwali tagħha! Għax, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewkaristija Mqaddsa, issa qed jiġu mxandra mill-Knejjes maqfulin! Minħabba l-invażur! Li ma jidhirx!

Kontra dan l-invażur arroganti, kattiv u nfernali, irridu niġġieldulu! Hemm hu l-visor! Li, iva, mis-sura tiegħu, kemm ifakkarni bis-sħiħ fil-kavallieri, in-Knights, i cavalieri, les chevaliers jew los caballeros. Jiġifieri, f’dawk li huma “qaddejja” u mhux sidien! Għax is-Sid, fil-ġlieda tagħna kontra l-coronavirus, m’għandux ikun il-flus tal-metall, tal-karta jew il-plastic money! Is-Sid hu wieħed: SID IL-ĦAJJA! IL-MULEJ! Is-Sid fuq is-sidien (Dt 10:17). Miegħu u għalih BISS irridu niggwerraw din il-ġlieda feroċi kontra l-virus u li se tieħu ż-żmien!

Ħuti u ħbiebi, meta rajtni liebes il-visor, fuq iċ-ċoqqa lewn il-ħamrija tal-qaddej u mhux tas-sid, aqta’ kemm tbissimt! Kemm ħassejtni mkabbar! U, dritt dritt, bilkemm ma ridtx insejjaħ lili nnifsi, Don Quixote minn La Mancha! Tbissimt u iddrittajt mhux waħdi! Minn rajja! Għax kien l-Ispirtu s-Santu li iddrittani! Ħa nħares fi ħbub l-għajnejn. Mingħajr biża’! Għax, u sempliċiment, għax qiegħed f’posti! Jiġifieri fis-sejħa tiegħi ta’ Patri Kapuċċin, Kappillan fl-Isptar Sir Anthony Mamo, fiċ-Ċentru Onkoloġiku!

U, dan il-fatt ħelu u mellies ta’ qalbi u għall-qalbi u għall-qalb dawk kollha li jbatu fis-skiet tbatija mill-kbar nett, fakkarni f’San Franġisk Missierna. Li hu wkoll kien libes il-libsa ta’ kavallier! Anki jekk għal ftit żmien. Tant hu hekk li mar għall-ġlieda fi Sqallija biex jissieħeb ma’ Walter minn Brienne, il-kavallier u d-Duka li kien mibgħut minn Papa Innoċenzu III biex jieħu mill-ġdid Sqallija minn taħt idejn l-imperatur Federiku. Madankollu, meta kien fit-triq, Franġisku kellu l-ħolma fejn fiha sema’ leħen li talbu l-għaliex kien qed jaqdi lill-qaddej u mhux lis-Sid.

Franġisku int lil min trid taqdi? Lis-Sid jew lis-Seftur? U, Franġisku, wieġeb lill-Mulej fil-ħolma, qalb il-kastell mimli bl-armi tal-gwerra: Lis-Sid! Is-sabiħa hi li din il-ħolma heżżet mill-qiegħ nett lil Franġisku tant li wasal biex għaraf, dejjem taħt it-tmexxija siekta, veritiera u ċertissma, tal-Ispirtu s-Santu, li l-Mulej kien qed isejjaħlu biex jirritorna lura d-dar ħa jistenna aktar struzzjonijiet minn hemm. Biegħ iż-żiemel u l-armi tiegħu u qassam flushom lill-fqar. Barra minhekk, taha l-mantell prezzjuż tiegħu lil wieħed fqir tallab. Spiċċa jittallab hu stess u niżel sewwa fit-talb u s-sawm. Fl-aħħar, meta sema’ qassis jaqra s-silta mill-Vanġelu skont San Mattew, Franġisku iddeċieda li jbiegħ kulma kellu, jagħti kollox lill-fqar u jsir predikatur itineranti.

Ovvjament, id-differenza bejn l-istorja ta’ San Franġisk u tiegħi hi li l-ħolma u l-viżjoni m’għandhiex għalfejn la tinħalem u lanqas tidher! U lanqas m’għandi għalfejn nagħti xi ħaġa lill-fqar għax qed inqatta’ ħajti magħhom stess, hawn, fl-Isptar tal-Onkoloġija. Il-ħolma u l-viżjoni hi l-Patri Franġiskan Kapuċċin, fuq l-eżempju ta’ Missieru San Franġisk u l-qaddisin Kapuċċini, l-aktar San Leopoldu Mandic, il-qaddis padrun tal-pazjenti li jbatu mill-kanċer! Għalhekk inxandar pubblikament li hawn, f’Sir Anthony Mamo, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija, ninsab fil-post naturali tiegħi! Bħala Patri Franġiskan Kapuċċin!

U, issa, il-mistoqsija tal-Mulej għalija personali: Patri Mario, lil min trid taqdi: lis-Sid jew lill-qaddej? żgur li m’għandix għalfejn issir aktar! Għax diġà qiegħdha tiġi mwieġba kontinwament, lejl u nhar, nhar u lejl, fil-prattika, hawn, fl-Isptar tal-Onkoloġija! Mela, kulma jonqos hu biss li din it-tweġiba, li twieġbet għal ħafna snin, bil-preżenza tal-Patrijiet Kapuċċini Maltin fiċ-Ċentru Onkoloġiku ta’ Sir Paul Boffa, u issa, f’Sir Anthony Mamo, tibqa’ tiġi ikkonfermata bil-preżenza singulari tagħhom mal-pazjenti li jbatu mill-kanċer, mal-familjari u mal-għeżież membri tal-istaff ta’ Sir Anthony Mamo li tant jaqduhom bi mħabba kbira! U xejn aktar minhekk!

Xi wħud jistaqsuni: Għaliex Patri int dejjem ferħan? Għax meta ngħix dak kollu li l-Mulej stess poġġieli f’qalbi u tani biex naqsam magħkom illum, inkun fis-seba’ sema. Għax dan hu l-ferħ tiegħi ta’ Patri Kapuċċin! Kif iridna Ġesù! San Franġisk! Il-qaddisin Kapuċċini, fosthom San Leopoldu Mandic, u, iva, il-Papa Franġisku! U t-tbissima toħroġ tafux! Anki jekk, minn wara l-visor! U, bil-visor! GĦAX DAK LI HU MINN ALLA MA JĦASSRU ĦADD!

Patri Mario Attard OFM Cap