Il-verbi tal-viżitazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 5 ta’ Lulju 2020: Omelija ta’ Mons. Anton Teuma, l-Isqof-maħtur ta’ Għawdex, fil-Festa tal-Viżitazzjoni, l-Għarb …

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/852503659″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=true” width=”100%” height=”300″ iframe=”true” /] Laikos · Mons. Anton Teuma – Omelija Viżitazzjoni (Il-Ħadd, 5 ta’ Lulju 2020)

Omelija ta’ Mons. Anton Teuma, l-Isqof-maħtur ta’ Għawdex

X’kienet kapaċi tagħmel il-Kelma ta’ Alla! Ma ninsewx illi din il-laqgħa, hawnhekk irrappreżentata f’din l-istatwa sabiħa, setgħet isseħħ għax it-tnejn li huma, Marija u Eliżabetta, kellhom widnejhom tajbin: mhux biss is-sens ta’ smigħ, imma fuq kollox il-kapaċità li jilqgħu fil-qalb tagħhom il-Kelma ta’ Alla. Ma ninsewx illi t-tnejn kienu għadhom ġejjin minn esperjenza qawwija ħafna: Marija mill-esperjenza tas-sejħa fit-tħabbira tal-anġlu, u Eliżabetta flimkien mar-raġel tagħha Żakkarija kellhom l-esperjenza wkoll tat-tħabbira tal-anġlu fil-Qaddis tal-Qaddisin, fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, illi ħabbrilhom illi wara tant żmien fi xjuħitha Eliżabetta kien se jkollha tarbija. U l-Kelma ta’ Alla mismugħa u milqugħa min-naħa ta’ Marija u l-Kelma ta’ Alla ddubitata u mhix aċċettata min-naħa ta’ Żakkarija, imma almenu mismugħa, irnexxielha tqalleb il-ħajja ta’ dawn iż-żewġ familji, ta’ dawn iż-żewġ persuni. Il-ġrajja tal-lum hi possibbli minħabba li t-tnejn, Marija u Eliżabetta, u l-familji tagħhom ħallew il-Kelma ta’ Alla tidħol fil-ħajja tagħhom. Żakkarija u Eliżabetta bilfors, għax il-Kelma ta’ Alla tant kienet qawwija illi baqgħet għaddejja u faqgħet saħansitra d-dubji u l-mistoqsijiet ta’ Żakkarija. U Marija, il-qaddejja tal-Mulej li fetħet qalbha beraħ u qaltlu: “Ħa jkun minni li trid int” (ara Lq 1:38).

X’tista tagħmel il-Kelma ta’ Alla li nisimgħu hawn ġew? Jien naħseb li l-Festa tagħkom, din il-festa kbira li qegħdin niċċelebraw, hija ċelebrazzjoni tal-effett ta’ meta Alla jitkellem. Inkella ħa nibqgħu niftakru fil-ġrajja ta’ Marija u Eliżabetta ta’ elfejn sena ilu u fuqhom u ninsew illi dak li ġara jista’ jiġri fil-ħajja tiegħek u tiegħi. U x’tagħmel Marija? Titlaq. Il-Vanġelu qalilna “f’dawk il-ġranet” (v. 39), jiġifieri dritt wara li semgħet lill-Anġlu jkellimha. Eliżabetta kienet fis-sitt xahar tagħha, jgħidilna San Luqa. Isimgħu l-verbi…

“Qamet” (v. 39). Mela l-Kelma ta’ Alla li tqajmek. Qajmitha lil Marija l-Kelma ta’ Alla. Ma ħallithiex bilqiegħda fuq il-bank tal-knisja. Imma kif semgħetha din telqet minn hawn, ħarġet mid-dar tagħha ta’ Nazaret. Din qalet: ‘Hawn irrid nagħmel xi ħaġa’. Il-Kelma ta’ Alla ma ħallithiex bi kwietha, qamet.

Marret “tħaffef” (v. 39) lejn l-għoljiet. Tħaffef, mhux bil-mod. Insibu kemm-il darba fil-Vanġelu dan il-verb. Ftit wara nsibu li r-ragħajja “marru jgħaġġlu” (2:16), jgħidilna l-Vanġelu. Imma għaliex? Għax hemm xi ħaġa sabiħa li jridu jaraw. Marru jgħaġġlu r-ragħajja, iħaffu. Il-Lhud saħansitra hekk baqgħu jagħmlu sal-ġurnata tal-lum… Jekk tkunu Iżrael il-Ġimgħa filgħaxija jew is-Sibt sa nofsinhar, taraw il-Lhud libsin proprju bl-ilbies tagħhom, li jingħaraf, sejrin lejn il-ħajt li baqa’ wieqaf, fil-bażi tat-Tempju ta’ Ġerusalemm. U mhux mexjin bil-mod jew ipaċpċu. Tafu kif imorru? Kważi jiġru, jgħaġġlu, u jekk jista’ jkun bil-ktieb tagħhom ma’ wiċċhom biex ma jaraw lil ħadd. Sejrin jgħaġġlu fejn? Biex jaqraw il-Kelma ta’ Alla, biex jisimgħu lil Alla jkellimhom, biex jagħtihom l-Aħbar tas-salvazzjoni sabiħa ma’ dan il-ħajt tat-Tempju ta’ Ġerusalemm. Issa aħna għandna lill-Mulej Ġesù mhux biss hawn, imma l-Mulej Ġesù fil-mara tiegħi, fir-raġel tiegħi, fit-tfal tiegħi, b’mod speċjali f’dawk l-aktar imqarbin, f’dawk l-aktar li lili jġagħluni nieħu paċenzja, jisfidawni biex inċarrat ftit aktar qalbi. Għandna l-Mulej Ġesù jistenniena. Allura Marija tmur tħaffef għand Eliżabetta: “marret tħaffef lejn l-għoljiet”.

Għandna l-verb l-ieħor: “daħlet għand Żakkarija” (v. 40). Kemm hu sabiħ dan il-verb ‘tidħol għand’! Ftit qabel, kien daħal l-anġlu għandha. X’jiġifieri tidħol għand? Aħna llum bil-maqlub, kważi kważi mhux kulħadd, imma tismagħha: “Jien ma nissaportix siegħa d-dar magħluq, irrid noħroġ barra”. Ħaġa sabiħa li toħroġ ’il barra. Imma x’inhu s-sens ta’ li daħal għandha l-anġlu? X’inhu s-sens li daħlet għand Eliżabetta? Hu s-sens tal-importanza tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna, illi l-bniedem ma jistax jgħix waħdu, ma jkampax waħdu, mhux awtosuffiċjenti. Kemm ngħix f’illużjoni illi waħdi nista’ nkampa! Le, ma tistax tkampa waħdek. Int għandek bżonn ħaddieħor u ħaddieħor għandu bżonnok. Għadna bżonn xulxin. “U dak se niġi bżonnu jien?”… Kemm ngħiduha! “Dak min jafu?”… Ma nistgħux ngħiduha! U jekk jien ngħid: “U dak se niġi bżonnu?” għal Ġużeppi, għada ngħidha għar-raġel tiegħi. Għax Ġużeppi u r-raġel tiegħi huma rġiel, huma bnedmin. Meta jien nibda neskludi dak għal hekk, dik għal hekk, nispiċċa biex noħloq gżira madwari, inkun waħdi; nispiċċa biex saħansitra niżola minni lil dawk li huma l-aktar qrib tiegħi. Min ikollu x’jgħid ma’ dak u mal-ieħor, imbagħad jispiċċa biex ikollu l-inkwiet anki f’daru. Kif qal Ġesù, min jiġġieled bis-sejf, fl-aħħar jispiċċa biex jolqot lilu nnifsu (ara Mt 26:52) jew lil ta’ madwaru, jew lil dawk li qatt ma ried jolqot. U allura Marija tidħol. Kemm huma importanti r-relazzjonijiet fil-ħajja!

U x’tagħmel? “Issellem” (v. 40) lil Eliżabetta. Dawn il-verbi huma verament sbieħ. Ftit qabel kien għadu kemm sellmilha l-anġlu lil Marija, u x’qalilha? “Ifraħ, Marija” (v. 28) – “ifraħ, ħu pjaċir, ħu gost, Marija”. Aħna ngħidu: “Sliem għalik, Marija”. It-traduzzjoni litterali ta’ dak il-verb fl-imperattiv “kaire”, ifraħ. Mhux ‘il-paċi miegħek’ jew ‘is-sliem’. Ifraħ hi t-traduzzjoni litterali. U allura meta Marija tmur għand Eliżabetta u ssellmilha, qed tgħidilha l-istess ħaġa: “Ifraħ!”. U hawnhekk nistgħu nibqgħu sejrin nirriflettu fuq dan il-verb. Meta niltaqgħu flimkien, il-persuna li niltaqa’ magħha nħalliha aħjar jew agħar? Tgħiduli: “Skont. Mhux dejjem”. Xi drabi jkun hemm anki twissijiet jew aħbarijiet li forsi ma tantx huma sbieħ xi rridu ngħidu. Imma bħala attitudni tiegħi, bħala persuna tiegħi, min jarani ġej, jew min jiltaqa’ miegħi – inkun għadni ’l bogħod – jieħu qatgħa jew jieħu gost li se jiltaqa’ ma’ xi ħadd li l-ħajja se jipprova jagħmilhielu naqra aħjar u mhux dejjem bit-tgergir, bil-geddum, intaqqlu l-ħajja ta’ xulxin u mmaqdru, naraw biss dejjem in-negattiv? “Ifraħ”, qalilha l-anġlu lil Marija kif daħal għandha; u lil Eliżabetta l-istess qaltilha Marija: “Ifraħ, ħu gost”. Kemm nistgħu nbiddlu l-ħajja ta’ xulxin! Sempliċiment bi tbissima, sempliċiment bi ftit pożittività, bi ftit ottimiżmu. U tista’ verament illum tgħixu l-ferħ, illum fil-festa, anki jekk għandek l-inkwiet. Min m’għandux inkwiet? Toqgħodx tistenna li tifraħ meta ma jkollokx inkwiet, għax inkella tgħix f’illużjoni li xi darba ħa tasal din il-ġurnata, imma ma tasal qatt. Aħna l-Insara għandna l-possibbiltà illi nifirħu anki fl-inkwiet, anki fid-dwejjaq tagħna. Il-Mulej Ġesù għallimna illi tant ikollna fiduċja u tama, illi l-istess problema tagħna nistgħu ndawruha f’sagrifiċċju, għotja f’att ta’ mħabba; kemm jekk tkun tagħna, kemm jekk tkun ta’ dawk ta’ madwarna. U dan huwa potenzjal qawwi li jagħtina l-Mulej – mhux kulħadd għandu – li għandna aħna l-Kristjani: it-tbatija tista’ ssir imħabba, offerta, għotja tiegħek u ta’ dawk li tħobb. Allura tifraħ anki meta int għaddej minn mument iebes fil-ħajja, meta int għaddej minn mument diffiċli. U allura r-relazzjonijiet tagħna ejja kemm jista’ jkun nippruvaw nagħmluhom pożittivi, nippruvaw nagħtu t-tama lill-persuni li niltaqgħu magħhom.

Għalekk Marija mbagħad tinfexx f’dik l-għanja sabiħa tal-Magnificat (ara Lq 1:46-55). Kemm hu sabiħ il-Magnificat! Meta kont żgħir kont ngħid: “Imma dan qisu jien ma nifhmux il-Magnificat. Qisu narah diskors imbiegħed minni u paroli”. Imma mbagħad taf x’indunajt? Illi forsi jien ma kontx kapaċi nifraħ bħal Marija! Indunajt illi forsi jien ma kontx kapaċi nifhem li anki miegħi Alla qiegħed jagħmel ħwejjeġ kbar, u allura jien irrid ngħix b’sens ta’ ringrazzjament. Mhux bit-tgergir u bit-tqanżiħ illi dejjem għandu d-dejn miegħi. Din il-mistoqsija nistgħu nagħmluha llum, kull wieħed u kull waħda minna: “Jien konxju li Alla għamel ħwejjeġ kbar miegħi?”. U tgħidli: “Għamel ħwejjeġ kbar miegħi? Għandi problema hemmhekk, għandi saħħti qiegħda hekk, għandi dik id-diffikultà li t-tifel għadu għaddej minn dik l-istorja. Imbagħad għaddej minn… Allura Alla qed jagħmel ħwejjeġ kbar?”. U l-bqija, ġibtu b’idejk? Is-sabiħ ġibnieh b’idejna, kollu kemm hu? Forsi l-ftit saħħa li għandna, il-familja li għandna, imkissra jew mhix, hi kif inhi, bid-diffikultajiet u l-kunflitti kollha li fiha; in-naqra xogħol li int tipprova tagħmel u li tiekol il-ħobż minnu kuljum… dak ġibtu b’idejk? Ġibnieh b’idejna dan kollu? Allura ejjew inkunu konxji bħal Marija li rċivejna ħafna, nimtlew fil-qalb tagħna b’sens ta’ radd il-ħajr. U nibdew ngħidu grazzi! Jekk jien ma nkunx konxju minn kemm irċivejt, tafu x’jiġrili? Nispiċċa ngerger u neqred il-ħin kollu. U int trid toqgħod ma’ xi ħadd li l-ħin kollhu jgerger? Żgur li ħadd minna ma jixtieq. Allura Marija u Eliżabetta t-tnejn li huma, għax semgħu l-Kelma ta’ Alla u hu kkonvinċiehom permezz tal-Kelma tiegħu li huma maħbubin u salvati diġà, Alla diġà għamel ħwejjeġ kbar magħhom it-tnejn, allura bilfors li dawn mimlijin bil-ferħ u jirradjaw madwarhom il-pożittività, l-ottimiżmu, it-tama.

Araw kemm hi festa umana l-festa tal-lum, il-Festa li tiċċelebraw intom! Hija propju l-prototip, l-ideal tar-relazzjonijiet, ta’ kif għandhom ikunu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Hija l-ideal tal-volontarjat. Kieku jkollna nidħlu fil-profondità tagħha din il-festa: Marija tisma’ l-Kelma u din tqajjimha, terfagħha; titlaq tiġri, timxi biex tagħti daqqa t’id lill-qaribha tagħha Eliżabetta. Mela l-volontarjat mhux x’għandi u m’għandix aptit. Għandi l-flus, nista’ nagħti, ma nistax nagħti. Mhux dak biss. Il-volontarjat Kristjan hu xi ħaġa aktar profonda. Il-volontarjat Kristjan hu Alla li lili jħobbni bi mħabba tal-ġenn.

Fil-fidi tagħna niġu hawn il-knisja mhux tant biex Alla jħobbna. Le! Jekk nagħmlu hekk qegħdin niżbaljaw kollox u ma fhimna xejn mill-fidi. Aħna niġu l-knisja biex inkomplu niskopru kemm Alla diġà ħabbna, kemm aħna diġà maħbubin. U anki jekk ma tiġix, anki jekk tidneb u anki jekk tagħmel x’tagħmel, Alla jħobbok l-istess. Anzi, jiġri warajk aktar bħan-nagħġa l-mitlufa tal-Vanġelu. In-natura tagħna tgħidli: “Imma biex iħobbni Alla, biex forsi ma tiġinix ħażin pesta, allura rrid immur il-knisja biex forsi…”. Le, mhux hekk! Il-fidi mhix hekk. Meta niġu hawn aħna, hawnhekk kulma nagħmlu sempliċiment niskopru kemm Alla jħobbna. U meta jien niskopri din fil-ħajja, allura m’hemmx għalfejn jien nagħmel min jaf xiex biex inħossni maħbub.

Ħafna mill-problemi tar-relazzjonijiet taż-żwieġ minn fejn jitilqu? Għax ma nħossnix maħbub mill-mara tiegħi jew mir-raġel tiegħi. Għaliex huwa importanti Alla fiż-żwieġ? Għax jekk Alla jidħol fil-ħajja taż-żwieġ, allura jien bħala raġel miżżeweġ, imqar jekk forsi l-mara tiegħi ma tħobbnix kif nixtieqha jien, jew bil-maqlub, ir-raġel tiegħi mhux eżatt kif nixtiequ jien, ma jħobbnix daqskemm nixtieq jien… imma hemm l-imħabba ta’ Alla ġo fija. Alla jħobbni tassew. Allura għandi l-enerġija mhux biss biex naċċetta r-raġel tiegħi imperfett u mhux preċiż kif irridu jien, imma wkoll biex inħobbu kif inhu. Mela li jiena niġi nagħmel it-tieġ hawnhekk, jew li jiena ndaħħal lil Alla fil-ħajja tal-familja, din mhix sempliċiment hekk, maġija, imma hija esperjenza ta’ ħajja u ta’ fidi.

U dan kollu nitgħallmuh minn dawn it-tnejn. Jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, iħalluha tkellimhom fil-qalb, mhux hawnekk biss [fil-widnejn], tidħol minn waħda u toħroġ mill-oħra. Biddlilhom lil qalbhom. Isiru pożittivi għax maħbubin. Min hu maħbub iħossu kuntent. Min iħossu maħbub? Ħafna drabi aħna jkollna ħafna bżonnijiet minn hawn u minn hemm. “Għax irrid inkun, irrid nimxi ’l quddiem, irrid inkun popolari, u għax…”, għax fil-fond ta’ qalbna ma nħossuniex maħbubin. Min iħossu maħbub, iħossu li jista’ jagħti. Min iħossu maħbub, iħossu li jista’ jirringrazzja. Min iħossu maħbub, meta jiltaqa’ ma’ ħaddieħor jipprova jagħmlu aktar kuntent, iktar sew milli hu. Din il-festa żommuha mhux biss f’moħħkom illum, imma l-ħin kollu, għax aħna l-ħin kollu f’relazzjoni, wieħed mal-ieħor, waħda mal-oħra.

Ejjew nitolbu lill-Mulej dalgħodu l-interċessjoni ta’ dawn iż-żewġ qaddisin kbar u ta’ dawn iż-żewġ bnedmin kbar, żewġ nisa ta’ veru: “Imbierka inti fost in-nisa” (v. 42), qaltilha dik. Mara ta’ veru! Ara nimmaġinaw li għax dawn qaddisin, allura dawk ma kinux bnedmin… Le, dawk nisa, bħalkom, ta’ veru. Nitolbu lil dawn iż-żewġ qaddisin nisa biex jgħallmuna nħossuna aktar maħbubin minn Alla u allura nkunu kapaċi aktar nidħlu f’relazzjoni sempliċi ma’ xulxin u nagħmlu l-ħajja tagħna naqra iktar bħal tagħhom: mimlijin bl-Ispirtu s-Santu u allura mimlijin bil-ferħ, bil-paċi tal-qalb.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

%d