Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Marija Goretti

Print Friendly, PDF & Email

Fis-6 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil Santa Marija Goretti, Verġni u Martri li għexet bejn is-snin 1890 sa 1902.

Santa Marija Goretti twieldet f’Corinaldo, l-Italja, fl-1890. Kienet it-tielet fost sebat itfal ta’ familja fqira. Hija qatt ma marret skola u għalhekk ma tgħallmitx taqra u tikteb. Ommha wkoll kienet illitterata.

Meta Marija kellha disa’ snin il-familja tagħha marret toqgħod f’Nettuno, qrib Ruma, minħabba x-xogħol. Sena wara missierha miet.

Ta’ ħdax-il sena Marija għamlet l-Ewwel Tqarbina. Ħafna mill-katekiżmu tgħallmitu mingħand ommha li kienet tafu bl-amment.

Għal xi żmien il-familja Goretti kienet taqsam id-dar ma’ familja oħra. Wieħed mit-tfal tal-familja l-oħra, Alessandro Serenelli, li kellu tmintax-il sena, kien spiss iħajjar lil Marija għad-dnub u hi kienet dejjem tieqaflu. Kien ukoll jheddidha li jekk tgħid xi ħaġa joqtol lilha u lil ommha.

Fil-5 ta’ Lulju 1902, Marija kienet qed traqqa’ qmis meta ġie fuqha Alessandro u ttanta jieħu kunfidenza magħha. Hi bħas-soltu waqfitlu u bdiet tgħidlu li dak kien dnub u li Alla ma riedx li jagħmlu hekk. Hu qabadha u daħħalha bil-fors fil-kamra tas-sodda waqt li hi baqgħet tirreżistih u tgħajjat għall-għajnuna. Tant irrabja li beda jsawwatha u saħansitra qabad sikkina u beda jagħtiha biha bla ħniena.

Ħaduha l-isptar fejn it-tobba ħadmu għal sigħat sħaħ biex isalvawlha ħajjitha, iżda wara li ħafret minn qalbha liż-żagħżugħ u rċeviet il-vjatku, mietet fil-preżenza ta’ ommha, wara madwar erbgħa u għoxrin siegħa.

Alessandro kien ikkundannat tletin sena ħabs. Sa tmien snin wara kien għadu ma nidimx, sakemm lejl wieħed ħolom jew ra viżjoni ta’ Marija qed taqta’ l-fjuri u toffrihomlu. Din id-dehra tant laqtitu li biddel ħajtu. Meta ħareġ mill-ħabs wara sebgħa u għoxrin sena baqa’ sejjer dritt għand omm Marija u talabha taħfirlu. Wara daħal Fratell mal-Patrijiet Kapuċċini.

Id-devozzjoni lejn din il-martri ċkejkna malajr xterdet u bdew isiru l-mirakli għat-talb tagħha, u f’inqas minn ħamsin sena wara, il-Papa Piju XII ikkanonizzaha fil-25 ta’ Lulju, 1950.

Għall-kanonizzazzjoni tagħha kien hemm folla rekord ta’ 250,000 ruħ u ċ-ċerimonja kellha għall-ewwel darba ssir barra fil-pjazza quddiem il-Bażilka ta’ San Pietru. Ommha, li kellha mal-85 sena, u tlieta minn ħutha kienu preżenti. Hekk ukoll Alessandro, li kellu 66 sena, kien fost dik il-folla enormi, għarkupptejh jibki, b’għajnejh mimlijin dmugħ ta’ ferħ. Kienet ġrajja unika fl-istorja tal-Knisja.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply