Dawl fit-tieqa

Print Friendly, PDF & Email

Din hi storja ħelwa li tgħallimna li qatt m’għandna naqtgħu qalbna, minkejja d-diffikultajiet li nsibu ruħna fihom. Irridu nistennew, xi drabi fit-tul.

Il-marda tal-flus

Marda stramba u li tittieħed kienet xterdet mal-belt f’qasir żmien. Bdiet bħal riħ ta’ influwenza; dawk milquta marilhom l-aptit, lewn wiċċhom inbidel u tbiel; bdew isiru aktar xħaħ, għajjurin, ġellieda u ħallelin. Bdew jaħsbu ħażin f’xulxin għax il-ħsieb tal-flus xejjen kull ħsieb ieħor.

 “L-aqwa ħaġa fil-ħajja hija l-flus!. Bil-flus tagħmel li trid!” kienu jgħidu.

 Mal-ħsieb tal-flus ġiet il-biżgħa. Dawk li jbiegħu il-kaxxaforti u l-bibien tal-ħadid ma felħux jagħmlu iżjed qliegħ. ll-bibien f’xi djar waslu biex kellhom kellhom tmintax-il serratura li żgur ħadd ma seta jiftaħ. Fil-familji, l-ommijet u l-missirijiet serqu l-flus li ġemmgħu uliedhom. It-tfal kienu jwieġbu biss: “Kemm se ttini?” Ukoll biex imorru fil-ġnien biex jilagħbu. Mhux biss biex jixxuttaw il-platti imma wkoll biex jagħmlu l-homework. U t-tfal iż-żgħar tgħallmu jimlew il-kont tal -bank.

 L-ispiżjara tal-belt ħabtu jqassmu lil-morda kotba dwar il-qalb tajba u l-karita’. Dawn ħadu l-kotba, xejru rashom u marru jbiegħuhom fit-toroq. Darba s-Sibt wara nofsinhar saret taqtigħa għal biċċa flus li flit li xejn tiswa. Anke t-tabib ittieħed mill-marda u beda jbiegħ il-mediċina li jkun għadda żmienha u li qabel kien jarmiha jew jagħtiha b’xejn. Il-belt saret li mhux ta’ min jgħix fiha. Kulħadd kien jibqa’ armat u l-aktar għonja kienu jħallsu għall-għassiesa biex ħadd ma jisraqhom kif ikunu fit-triq.

 ll-morda kienu aktar imdejqa u kienu jġibu swied il-qalb lil dawk ta’ madwarhom. In- nies tal-belt aktar li kont tismagħhom jitkellmu dwar il-flus, imgħaxijiet, tisrif u kull xorta ta’ negozju. Ħadd ma ried iħallas taxxi.

 ls-sindku u ta’ madwaru qatgħuha li jieħdu parir mingħand l-eremit xwejjaħ li għalihom kien ukoll is-saħħar li jaf kollox. L-eremit tal- leħja bajda w twila semagħhom bis-sabar; imbagħad fit-waqt li melles il-leħja, qalilhom.

Il-parir tal-eremit

 “Naf x’inhi l-marda li ħakmet il-belt. Hi ġejja minn mikrobu msejjah ‘Ġib ‘l hawn u tiħux ’l hemm’; u hi marda terribbli, għax min jintlaqat minnha ma jibqax iħoss għall-oħrajn u  qalbu ssir iebsa bħall-ġebel. Moħħu jieqaf biss fuq ħaga waħda: il-flus. Tista’ taħrab mill-marda għal ftit meta turi xi att ta’ mħabba. lmma biex tfiq għal kollox hemm rimedju wieħed: l-ilma li jinġieb mill-Għolja li Tkanta. Jeħtieġ li ssibu żagħżugħ b’saħħtu u qalbieni li ma jagħmilx għall-flus. Irid jagħmel biċċa xogħol mill-imħabba tiegħu lejn l- oħrajn, għax l-ilma tal-imħabba jaħdem biss jekk wieħed tassew jixtiequ, jistennih u lest li jaċċettah. lmma jekk issibu żagħżugħ li jasal iħabbat wiċċu mat-taħbit li se ġġiblu din il- biċċa xogħol tqila, il-mediċina taħdem biss jekk wieħed jistenniha.

 ”Aħna żgur nistennewha!” ħalfu s-sindku u l- kunsillieri. B’xi mod jew ieħor irridu noħorġu minn din il-marda li nikktet il-belt tagħna.” “U żvujtatilna l-kaxxa mill-flus”, kompla l- kaxxier tal-belt.

 L-għada fuq il-ħitan kollha tal-belt ħareġ il- bandu. “Meħtieġ żagħżugħ qalbieni biex iwettaq biċċa xogħol tqila.”

Ġożwe’

Ġew elfejn. Imma malli raw li m’hemmx qliegħ, reġgħu lura. Kollha, minbarra wieħed. Kien żagħżugħ b’saħħtu u sabiħ, imħasseb mill-marda li laqtet lin-nies tal-belt tiegħu u ltant nikktithom. Kien jismu Ġożwe’. Għalkemm ma kellhomx idea sewwa dwar x’hemm fuq il-Għolja li Tkanta, is-sindku u l kunsillieri fissru lil Ġożwe’ x’kellu jagħmel.

 ”Ħallu f’idi. Nasal!” qal bil-kalma Ġożwe’.

 “Aħna nistennewk fil-belt”, wegħduh in-nies. “Nixegħlu dawl fit-twieqi l-iljieli kollha biex tkun taf li qed nistennewk”.

 Ġozwe’ ħa miegħu sorra ħwejjeġ, u ġo borza ftit-ħobż u ġobon, bies lil ommu u lil missieru, għannaq lil Marija, il-maħbuba tiegħu, li qaltlu bil-mod: “Jien ukoll nistennik.” Sellem lil kulħadd, u telaq.

Tama li ntfiet

 Għal tliet ijiem Ġozwe’ mexa b’ħarstu lejn lejn il-għoljiet li kienu jidhru fil-bogħod. Ħaseb: “Kif nasal hemm, ma ndumx ma nsib l-għolja li tkanta. Nismagħha, u l-kant tagħha jurini t-triq.” Imma għarralu. Wara għaxart ijem mixi, l-għoljiet baqgħu jidhru ‘l bogħod, qishom ġganti mimdudin. Imma Ġożwe’ ma waqafx. Ħsiebu baqa’ jdur fuq ín-nies tal-belt li żgur qed jaħsbu fih u qegħdin jistennew, l-aktar f’ommu u f’missieru u f’Marija x’ħin kull filghodu reġa beda t-triq, ukoll meta riġlejh bdew juġgħuh bil-mixi. Għaddew għaxart ijiem oħra, imbagħad għaxar xhur.

 Fil-belt, l-ewwel iljieli kienu tassew spettaklu. Fuq il-ħoġor ta’ kważi t-twieqi kollha kien hemm dawl jixgħel. Kienu s-sinjali tat-tama: In-nies tal-belt stennew l-ilma tal-imħabba li għandu jġibilhom Ġozwe’. Imma iktar ma għadda ż-żmien, ħafna mid-dwal bdew jintfew. Xi wħud insewh għal kollox; oħrajn, milquta mill-marda tat-tifdil, għaġġlu jitfuhom biex jiffrankaw. Għaddew ix-xhur, u n-nies tal-belt spiċċaw ixenglu rashom u jgħidu: “Ma mexxilux,… ma jiġix lura.” Kull lejl kien hemmdawl li ntefa’.

”Ggant m’għola hawn”

Imma Ġozwe’, wara sena, wasal qrib l-għoljiet. Tat-tarf kienu baxxi u l-widien wesgħin u lixxi biex tgħaddi minnhom. Imbagħad bdew isiru iktar íebsa, kollha blat għoli u mimlijin tfixkil.

Ġozwe żamm widnejh miftuħa biex jisma’ l-għolja tkanta. Sema’ xi ħaġa, imma ħadd li jkanta. Iltaqa’ ma ragħaj xwejjaħ u staqsih mnejn l-aħjar jgħaddi. Ir-ragħaj tah skudella ħalib frisk u mbagħad qallu: “L-Għolja li Tkanta? U żgur li naf fejn hi. Ma tħallinix norqod meta nieħu l-merħliet biex nirgħa fdawk in-naħat. Imma hi għolja tal-biżgħa. Ιl-blat tagħha tielgħa dritt. U hemm ġgant m’għola hawn.”

 “Min hu?” “Ġgant daqshiex li jħobb jilgħab billi jonfoħ ‘l hemm lil min jipprova jitla’ fuq l-għolja.”

“Imma jien irrid nitla’ hemm fuq!” qal Ġożwe’.

Ir-ragħaj xiħ mexa miegħu sa’ riġlejn il-għolja u sellimlu. “B’xortik,” qallu.

 Il-muntanja tassew li kienet tkanta, b’leħen ferrieħ u stunat. Kif wasal, Ġożwe’ beda jixxabbat minnufih. Il-blat għoli ftit kellhom ma’ fejn isserraħ u l-imsejken żagħżugħ beda jara jdejh migrufa bil-blat. Kien għoddu wasal fin-nofs meta riħ qawwi tajru minn mal-blat u tefgħu ‘l isfel.

stampa

Mal-waqgħa, sema’ d-daħqa tal-ġgant, kuntent biċ-ċajta goffa tiegħu. Imma Ġożwe’ lanqas hawn ma qata’ qalbu. Mela l-bwiet u l-qmis bil-ġebel u reġa’ beda tiela’. Tqil kif kien, kull pass swielu tbatija, imma l-ġgant nefaħ għal xejn. Wara ftit beda’ jisgħol u waqaf mill-infiħ. Kif Ġożwe wasal fuq il-quċċata u ra n- nixxiegħa sabiħa tal-ilma tal-ġenerożita, u l-muntanja l-għolja ntunat l–Halleluia ta Handel b’erbgħa vuċijiet.

It-triq lura

 Il-mixja lura ta’ Ġożwe’ kienet aktar imgħaġġla. Kien temm il-biċċa xogħol li fdawlu u issa qalbu kienet ħafifa u ferħana għax in-nies tal-belt se jkunu ferħanin bħal qatt qabel. Ġarr fuq spalltu ġarra mdaqqsa mimlija bl-ilma prezzjuz. Jekk xejn, it-triq lura jafha.

 Lejla minnhom, mingħajr qamar u mingħajr kwiekeb, Ġożwe’ wasal fuq għolja minn fejn seta’ jara l-belt. Ħares ‘l isfel għajjien, għax kien ilu jimxi tgħidx kemm. lmma dak li ra mlielu xfar għajnejh bid-dmugħ u qalbu bin-niket. Il-belt kienet kollha dlam. Ma kienx hemm dwal fuq il-ħoġor tat-twieqi. Ħadd ma kienet qed jinstennih.

 “Kien kollu għalxejn!… la ħadd m’hu jistennieni. L-ilma mhu se jfejjaq lil ħadd. It-tbatija tiegħi ma swiet għalxejn.”

 Mexa bil-mod. Kellu aptit jarmi l-ilma li tant swieh tbatija. Kif kien se jagħmel hekk, xi ħaġa waqqfitu. Kien hemm dawl,… dawl żgħir ‘l hemm fuq. Dawl jitriegħed, jitqabad mal-lejl, se jintefa’ u ma jintefiex qalb il-ħitan mudlama tad-djar.

 “Xiħadd qed jistennieni!” feraħ jgħajjat waqt li ġera ’l isfel.

 Għaraf it-tieqa u id-dar. Fil-qalb ta’ qalbu ma kienx hemm l-iċken dubju. Ħabbat bis-saħħa u għajjat: “Marija!”

 Iż-żewġ żgħażagħ tgħannqu flimkien u Marija qalet bil-mod u minn qalbha: “Ġożwe, jien dejjem stennejtek!”

Miġjuba għall-Malti minn Joe Galea.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: