Lezzjoni II: S. Ġwakkin u S. Anna

5 ta’ Awwissu. S. ĠWAKKIN U S. ANNA, IL-ĠENITURI TAL-VERĠNI MQADDSA. MARIJA

Tifkira (O)

Skond tradizzjoni antika sa mis-seklu 2, dawn kienu l-ismijiet tal-ġenituri tal-Madonna. Sant’Anna fis-seklu 6 kienet ġa miqjuma fil-Lvant, u fis-seklu 10 l-kult tagħha xtered fil-Punent ukoll, waqt li dak ta’ San Ġwakkin hu aktar reċenti.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Ġwann Damaxxenu.

Mill-frott tagħhom tagħrfuhom

Anna kienet se ġġib fid-dinja lill-Verġni Omm Alla; għalhekk in-natura ma ssugratx tibda taħdem qabel il-grazzja, iżda ċċaħħdet mill-frott sa’ ma l-grazzja tkun tat il-frott tagħha. Għax kien meħtieġ li l-ewwel titwieled il-bint il-kbira, li minnha kien għad irid jitwieled il-kbir fost il-ħlejjaq kollha, li kollox fih qiegħed iżomm.

O Ġwakkin u Anna, bnedmin imbierka! Il-ħolqien kollu huwa obbligat lejkom, għax permezz tagħkom seta’ joffri l-aqwa don lill-Ħallieq tiegħu, jiġifieri l-omm safja li hi weħidha kienet tixraq lill-Ħallieq.

Ifraħ, Anna, mara bla tfal li ma wlidtx, infexx f’għajat ta’ ferħ u għana, int li ma ġarrrabtx l-uġiegħ tal-ħlas. Imtela bl-hena, Ġwakkin, għax minn bintek twildilna tifel, ingħatalna iben, u jsemmuh kunsillier ta’ l-għaġeb li jħabbar is-salvazzjoni lid-dinja kollha, Alla setgħan. Dan it-tifel hu Alla.

O Ġwakkin u Anna, bnedmin imbierka u l-iżjed safja! Intom tingħarfu mill-frott tagħkom, kif jgħid il-Mulej; Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. Intom għextu kif jogħġob lil Alla u kif kien jixraq lil dik li twieldet minnkom. Għax bil-ħajja safja u qaddisa tagħkom tajtu ġawhra lid-dinja, dik li kienet verġni qabel it-twelid, verġni fit-twelid, u verġni wara t-twelid, dik li weħidha baqgħet dejjem verġni fir-ruħ, fil-qalb u fil-ġisem.

O Ġwakkin u Anna, bnedmin l-iżjed safja! Intom ħaristu s-safa skond ma titlob il-liġi naturali, u ksibtu mingħand Alla ħaġa li tisboq il-qawwa tan-natura, għax ġibtu fid-dinja lil omm Alla li ma għarfitx raġel. Bil-ħajja tagħkom ta’ bnedmin tajba u qaddisa, wlidtu bint aqwa mill-anġli u li issa hi sidt l-anġli. O tfajla ta’ ġmiel u ħlewwa ta’ l-għaġeb, bint Adam u omm Alla! Ħienja l-ġnub u l-ġuf li minnhom tnissilt! Ħienja d-dirgħajn li ħaddnuk u x-xufftejn tal-ġenituri tiegħek li tawk kemm il-bewsa safja biex iħarsuk bi mħabbithom u tibqa’ dejjem u f’kollox verġni! Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, infexxu fl-hena, ifirħu u għannu! Għajjtu bil-ferħ, għajjtu, la tibżgħux!

RESPONSORJU

1. Lejl u nhar kienu jaqdu lill-Mulej fis-sawm u t-talb, * U kienu jistennew il-fidwa ta’ Iżrael.

2. Kienu jitolbu biex Alla jżur lill-poplu tiegħu. * U kienu jistennew il-fidwa ta’ Iżrael.

Talba

Mulej, Alla ta’ missirijietna, inti ħtart lil San Ġwakkin u ‘l Sant’Anna u tajthom il-grazzja li minnhom titwieled Omm Ibnek magħmul bniedem; bit-talb tagħhom, agħmel li aħna niksbu s-salvazzjoni li int wegħedt lill-poplu tiegħek. B’Ibnek.