Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa ta’ wara l-Epifanija


Stampa t-test tal-qari …

Ferji bejn is-solennità tal-Epifanija u l-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej
Il-Ġimgħa

QARI I
L-Ispirtu, l-ilma u d-demm.
1 Ġw 5, 5-13

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla? Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu l-verità. Tlieta huma dawk li jixhdu: l-Ispirtu, l-ilma u d-demm, u t-tlieta jaqblu fix-xhieda tagħhom. Jekk aħna nilqgħu x-xhieda tal-bnedmin, ix-xhieda ta’ Alla hija aqwa; din hija xhieda li Alla jagħti dwar Ibnu. U min jemmen lill-Iben ta’ Alla għandu din ix-xhieda fih innifsu, iżda min ma jemminx lil Alla jkun igiddeb lil Alla, għax ma jkunx jilqa’ x-xhieda li Alla jagħti dwar Ibnu. U x-xhieda hija din: li Alla tana l-ħajja ta’ dejjem, u din il-ħajja tinsab f’Ibnu. Min għandu l-Iben għandu l-ħajja; min ma għandux l-Iben ta’ Alla ma għandux il-ħajja. Dan ktibtu lilkom, li temmnu fl-isem tal-Iben ta’ Alla biex tkunu tafu li intom għandkom il-ħajja ta’ dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 147, 12-13.14-15.19-20

R/. (12a): Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej;
faħħar ’l Alla tiegħek, Sijon!
Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek,
u jbierek ġewwa fik ’l uliedek. R/.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek,
u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. R/.

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
Ma għamel hekk ma’ ebda poplu;
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 4, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna
u jfejjaq kull xorta ta’ mard fost il-poplu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Minnufih il-lebbra marritlu.
Lq 5, 12-16

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba Ġesù kien qiegħed f’belt. U jkun hemm raġel marid sewwa bil-lebbra; kif ra lil Ġesù, mar u nxteħet wiċċu fl-art quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni”. Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Iva, irrid; kun imfejjaq!”. U minnufih il-lebbra marritlu. Ġesù widdbu u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd. Iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek, kif ordna Mosè, biex hekk tagħtihom xhieda li inti fiqt”. Il-fama tiegħu bdiet aktar tixtered, u folol kbar ta’ nies kienu jmorru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. Iżda hu kien ifittex xi mkien imwarrab u jinġabar fit-talb.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu