Lezzjoni II: Santa Roża ta’ Lima

23 ta’ Awwissu – SANTA ROŻA TA’ LIMA, VERĠNI

Tifkira

Santa Roża twieldet f’Lima. Il-Perù fl-1586; ispirata minn Santa Katarina ta’ Siena daħlet terzjarja Dumnikana u mxiet ‘l quddiemħafna fit-triq tal-penitenza u l-kontemplazjoni mistika. Mietet fl-24 ta’ Awwisu fl-1617. Kienet l-ewwel waħda li ġiet ikkanoniżżata fil-kontinent Amerikan. Patruna tal-Amerika t’Isfel u tal-Filippini.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari minn ittra ta’ Santa Roża ta’ Lima, Verġni

(Ad medicum Castillo)

Nagħrfu l-imħabba ta’ Kristu li tisboq kull għerf

Il-Mulej u Salvatur tagħna kellimni u, b’leħen ta’ maestà liema bħalha, qalli: ‘’Ħa jaf kulħadd li l-grazzja tiġi wara t-taħbit; ħa jkunu jafu li, mingħajr it-toqol tad-dwejjaq, ma jistgħux jitilgħu fuq il-quċċata tal-grazzja; ħa jifhmu li l-qjies tad-doni jikber skont ma jikber it-taħbit. Jiftħu għajnejhom il-bnedmin, li ma jmorrux jiżbaljaw u jitqarrqu; dan hu s-sellum veru tal-ġenna, u ma hemmx ħliefu u mingħajr is-salib ħadd ma jsib it-triq biex jitla’ s-sema.’’

Jien, meta smajt dan, ħassejt ġo fija bħal qawwa kbira timbuttani lejn nofs il-pjazza biex ngħajjat u ngħid lil kulħadd, kbar u żgħar, nisa u rġiel, hu x’inhu l-istat tagħhom; ngħidilhom: ‘’Isimgħuni, popli; agħtuni widen, ġnus. Kristu bagħatni nwissikom u nwasslilkom il-kliem li hu stess qal: Ma nistgħux niksbu l-grazzja mingħajr ma nġarrbu s-sofferenza; jeħtieġ li nitħabtu u li nkomplu nitħabtu, jekk irridu li Alla jagħtina sehem sħiħ min-natura tiegħu u l-glorja ta’ wliedu biex inkunu henjin għal kollox.’’

Hekk ukoll ħassejtni mġagħla ħafna biex noħroġ u nxandar is-sbuħija tal-grazzja ta’ Alla; qalbi ngħafset, l-għaraq xaqq għalija, in-nifs kien donnu se jinqatagħli, bħallikieku ruħi ma felħitx tissaporti iżjed magħluqa fil-ħabs ta’ ġismi, imma riedet tqaċċat l-irbit u teħles iex tkun weħidha u tista’ tiġri b’ħeffa akbar mad-dinja kollha u tgħid: ‘’Mhux li kienu l-bnedmin jagħrfu kemm hi ħaġa kbira l-grazzja ta’ Alla, kemm hi sabiħa, għolja u għażiża! Kemm għandha għana moħbi fiha; kemm teżori, kemm ferħ u għaxqa! Kieku l-bnedmin kienu jafu dan, ma hemmx dubju li kienu jagħmlu minn kollox biex iġibu fuqhom it-tbatijiet u s-sofferenzi. In-nies f’kull rokna tadidinja kienu jfitttxumhux il-ħid tal-art imma dwejjaq u mard u uġigħ biex jiksbu t-teżor bla qjies tal-grazzja. Dan hu l-ħlas kbir li naqilgħu bis-saħħa tas-sabar. Ħadd ma kien igemgem mis-slaleb u t-tbatijiet li jistgħu jiġu fuqu kieku konna nafu x’hemm lest għalina fil-keffa l-oħra tal-miżien li bih jtqassam kollox lill-bnedmin’’

RESPONSORJU                                                                                    1 Kor 1:27a. 28b-29; Salm 137(138):6

1.Alla għażel il-ħwejjeġ boloh tad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel il-ħwejjeġ li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn il-ħwejjeġ li huma xi ħaġa; * Hekk ebda bniedem ma jiftaħar quddiem Alla.

2. Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb ż-żgħar, u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod. * Hekk ebda bniedem ma jiftaħar quddiem Alla.

Talba

O Alla, inti tajt il-grazzja lil Santa Roża ta’ Lima biex titkebbes b’imħabbtek u titbiegħed mid-dinja ħalli tgħix għalik biss f’ħajja ta’ ndiema u tgħakkis; bit-talb tagħha agħtina li, fuq din l-art, nimxu fit-triq li twassalna għall-ħajja, biex fis-sema nitgħaxxqu bil-milja ta’ mħabbtek. B’ibnek.