Storja li tkompli


Kemm tolqotni frażi li ħarġet minn fomm ħadd għajr il-filosfu, storiku ta’ l-ideat, ħassieb soċjali u kritiku letterarju, Michel Foucault (1926-1984). Kiteb hekk: Ma niktibx ktieb biex ikun l-aħħar kelma. Iżda nikteb ktieb ħalli kotba oħra jkunu possibbli u mhux neċessarjament miktuba minni.

Toġogħbni din l-idea ta’ Foucault! Għax min tassew għandu l-aħħar kelma fil-ħajja? Ajma! L-aktar f’dak li qed iseħħ madwarna bħalissa! Fejn kollox qed jinqeleb rasu ‘l isfel! Aqta’ kemm nistgħu ngħidu li xi ħadd għandu l-aħħar kelma? Le ħbieb! Il-ħajja hi dinamika! Dejjem għaddejja! Ma tieqafx! U tgħaddi minn, biex nuża’ frażi li tużaha l-kantanta u awtriċi u kantanta tad-diski Insara, Laurie Dagel, every high and every low! Issa għidli min m’għandux dawn il-highs u l-lows x’kull waħda?

Imma jien, f’din il-biċċa ta’ Foucault, x’teżor sibt! U dan it-teżor issarraf fil-fatt li d-diskussjoni dejjem għaddejja! Ma tieqaf qatt! U allaħares le ħbieb! Għax li kieku kaput!!! Kemm weġgħat seħħu fl-istorja tal-Knisja u f’dik tal-umanità l-għaliex id-diskussjoni waqqfet hemm! Hekk! Ħesrem! U kemm ħsara saret! L-għaliex, dak li jkun, mill-ewwel ħaseb li għandu l-muftieħ tal-għerf f’idejh! U hawn, għażiż ħija u għażiża oħti, ma nistax ma nismax kliem Ġesù lill-Fariżej u lill-għorrief tal-liġi, meta qalilhom, jew, kif ħasbu huma, għajjarhom: Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi! Intom ħtaftu l-muftieħ ta’ l-għerf, biex mbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol!” (Lq 11:52). Ħeqq! Quddiem din il-ħasla x’taħsbu li kellha tkun ir-rejazzjoni tal-kittieba u l-Fariżej? San Luqa ma jdumx ma jħallina mmutu bil-kurżità għax, pront pront, jagħtihielna bil-kuċċarina: Meta Ġesù ħareġ minn hemm, il-kittieba u l-Fariżej bdew irossuh kemm jifilħu b’mistoqsijiet fuq ħafna ħwejjeġ u jonsbuh biex jaraw jaqbdux xi ħaġa minn fommu (Lq 11:53).

Għax dawn irrikorrew għall-mekkaniżmi vili tal-għira tinten is-seba’ pesti tagħhom, jiġifieri għall-metodi tat-trassis fid-diskorsijiet għala staqsini għoxrin, tletin, erbgħin, ħamsin u ejja ħa mmorru! U, ovvjament, jibdew ġejjin mistoqsijiet bl-għama! Għax qarashom! Rifsilhom il-kallu! Ma ħalliehomx le aktar jaħkmu l-imħuħ tal-oħrajn! UUU! Għax Ġesù Ġesù! U, Hu biss li għalih hemm miktub: Nqiegħed muftieħ dar David fuq spallejh. Jiftaħ hu, u ħadd ma jagħlaq;
jagħlaq hu, u ħadd ma jiftaħ (Is 22:22). Perfett Iż ħi kif ġibtha l-kelma! F’idejH BISS qiegħed il-miftuħ! Il-verdett! U mhux f’idejna li m’aħniex aktar minn insett! Intant!…

Sabiħa li d-diskussjoni tkompli! U min jagħtihielna din il-grazzja li d-diskussjoni tissokta? Mhux l-Ispirtu s-Santu? Għax il-Mulej mhux bħalna l-bnedmin, għajjur! Il-Mulej jemmen fil-Qsim! Għalhekk qatt m’għandu brim! Għax, ikollu l-brim, min dejjem jara kif ħa jaħkem! Anki fl-għerf! Min jiffanga! U miskin u għalih, imbagħad, dak l-għerf isirlu stanga! U le sieħbi! Tiffangax fl-għerf! Li ma jmurx għalik, dak l-għerf isir nerf!

Issa, dan Foucault, Alla jaħfrilu, għax m’għadux magħna, jgħidu li ma kien jemmen b’xejn. Imma x’umiltà kbira għandu f’dak li kiteb! Almenu f’din is-sentenza! L-għaliex, biha, wera tabilħaqq li l-għerf veru jinqasam! U ħadd le m’għandu l-istampa kollha tal-ħaġa! Mela, ikteb sieħbi! Mhux biss int li int skular u skulara imma wkoll int li l-Mulej tak idea f’moħħok. Għax il-ħajja m’hi xejn għajr dizzjunarju tal-idejat! U ideja tibni fuq oħra!

Fil-kwotazzjoni ta’ Foucault nara bniedem li kien fiduċjuż fid-don li l-Mulej tah. L-għaliex il-ħsieb tiegħu żviluppah kemm felaħ fil-limiti tiegħu. Ngħid limiti l-għaliex l-ebda ħassieb, għaref kemm hu għaref, ma jista’ tabilħaqq jeżawrixxi argument. Inkella, jekk ma jkunx hemm sensiela sħiħa ta’ argumenti kif il-moħħ se jkollu għadd ta’ ingwenti? Kull argument hu tal-moħħ ingwent! Għalhekk importanti li dak l-argument joħroġ fil-beraħ. Għax jaf ikun tal-ġid l-istrument! U qatt tal-moħħ it-turment! U l-ħsieb dejjem jibqa’ wieħed: li d-diskussjoni tkompli, tkompli u tkompli!…

Il-kbir Foucault għallimni waħda kbira: fl-akkademja l-istorja hi bħat-tellieqa tar-relay. Min se jgħaddi l-bakketta lil min! Għax ħadd ma jista’ jitlaq jiġri waħdu t-tellieqa kollha! Kif jista’ ikun? U illum, imnebbaħ bil-ħsieb ta’ Faucault, ngħid li anki ħassieba mustaċċuni u li forsi kellhom id-daqna nkella xejn, għax l-ordni tagħhom ma kienx jippermettilhom jew almenu jġibuhom hekk fuq xi santa nkella xi pittura ġewwa knisja jew mużew, ma seħħilhom jeżawrixxu dak li kellhom jgħidu. Hemm ħafna u ħafna aktar x’jingħad ħbieb minn dak li kiteb Platun jew Aristotile u sħabhom! Inkella, jekk dawn qalu kollox allura erġajna waqajna fil-ħofra tal-Fariżej u l-kittieba u l-biċċa tal-muftieħ tal-għerf!

Ma niktibx ktieb biex ikun l-aħħar kelma. Iżda nikteb ktieb ħalli kotba oħra jkunu possibbli u mhux neċessarjament miktuba minni. Sabiħa ħbieb! U l-kotba l-oħra kollha m’għandhomx le għalfejn jispiċċaw ikkapuljat għax maħruġa minn xi università! Ma ninsewx x’tgħidilna, b’tant għaqal, il-Kelma ta’ Alla fuq dan: Fejn immur ‘il bogħod mill-ispirtu tiegħek? Jew fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek? (S 139:7). Hekk hu ħbieb! Fejn immur? Jew fejn ma mmurx? Għax int qiegħed kullimkien! Mela mhux maqful le sempliċiment f’xi awla jew bibljoteka ta’ xi università! Għax l-għerf tiegħek jittajjar (Ġen 1:2) ma kullimkien!

Mela ikteb sieħbi jekk tak id-don tal-kitba! Iddiskuti jekk għandek id-don tal-kelma! U aqsam l-idejat tiegħek! Anki jekk jikkritikawhom! Għax, u dan ngħidulek b’esperjenza li nġarrab kontinwament jien, il-Patri Kapuċċin, li jekk ma taqsamx dak li hemm fik tħalli d-dinja ifqar milli hi. U min bħalissa jikkritikak jew, għax għajjur waħda nobis għalik, jirredikolak u u hekk jipprova jaħkmek, għad jasal żmien li jidħol fih innifsu bħal bebbuxu. Għax jintebaħ li fil-passat kien basla! Anki jekk biċ-ċertifikat u t-toga! Jew għax buli minn qaddisu!

L-għerf jiġi mill-Ispirtu s-Santu! Aqsam dak li hemm fik mal-oħrajn. U hekk, wara li tkun tajt il-kontribuzzjoni tiegħek, tħalli wkoll spazzju għal ħaddieħor biex hu wkoll jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu. Forsi billi jikkritikak. Iżda b’daqshekk mhux qed jumiljak. Imma aktar ikun qed jeżaltak!

Għax kif qal il-kbir Foucault: storja li tkompli!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.