Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tat-III ġimgħa tar-Randan


Stampa t-test tal-qari …

It-Tielet Ġimgħa tar-Randan
Il-Ġimgħa

QARI I
Lanqas ma ngħidu iżjed ‘alla tagħna’ lil xogħol idejna.
Ħos 14, 2-10

Għeluq il-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa

Dan jgħid il-Mulej:
“Erġa’ dur, Iżrael, lejn il-Mulej Alla tiegħek,
għax int tfixkilt minħabba fi ħżunitek.
Ħudu kliem magħkom,
duru mill-ġdid lejn il-Mulej,
u għidulu: “Int tneħħi l-ħażen kollu:
ilqa’ t-tajjeb,
u rroddu frott xufftejna.
L-Assirja ma ssalvaniex,
fuq żiemel aktar ma nirkbux,
lanqas ma ngħidu iżjed ‘alla tagħna’
lil xogħol idejna.
Għandek l-iltim isib il-ħniena”.
Naħfrilhom, għad li xxewxu kontrija;
minn qalbi nħobbhom,
għaliex il-korla tiegħi reġgħet lura minn fuqhom.
Jien għad inkun għal Iżrael bħal nida.
Ħa jiftaħ bħal ġilju,
għeruqu jxenxel bħal siġra tal-luq,
jinfirxu r-rimjiet tiegħu,
sbuħitu ta’ siġra taż-żebbuġ,
u jkun ifewwaħ qisu l-Libanu.
U jerġgħu jiġu jgħammru taħt id-dell tiegħi,
isiru qishom ġnien,
jisbieħu qishom dielja,
inbid tal-Libanu tkun tistħajjilhom.
X’għandi x’naqsam mal-idoli, Efrajm?
Kont jiena li weġibtek, u jien inħarsek;
għalik jien bħal ċipressa dejjem tħaddar,
minni tikseb il-frott.
Kull min hu għaref, jifhem dawn il-ħwejjeġ;
ħa jagħrafhom kull min hu bil-għaqal,
għax il-Mulej it-triqat tiegħu dritti,
il-ġusti jimxu fihom,
iżda jitfixklu fihom il-midinbin”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 80 (81), 6ċ-8a.8bċ-9.10-11ab.14 u 17

R/. (ara 11 u 9a): Jiena l-Mulej, Alla tiegħek; ismagħni, poplu tiegħi!

Kliem li ma nafux qiegħed nisma’:
“Neħħejtlek it-tagħbija minn fuq dahrek,
ħlistlek idek mill-irfigħ tal-qoffa.
Fid-dwejjaq sejjaħtli,
u jiena ħlistek. R/.

B’leħen moħbi, bħal f’ragħda, weġibtek;
ħdejn l-ilma ta’ Meriba ġarrabtek.
Ismagħni, poplu tiegħi, ħa nlumek:
Iżrael, mhux li kont tismagħni! R/.

Ma jkollokx alla ieħor f’nofskom,
tinxteħitx quddiem alla barrani.
Jiena l-Mulej, Alla tiegħek,
li tellajtek mill-art tal-Eġittu. R/.

Jekk il-poplu tiegħi jisma’ minni,
jekk Iżrael jimxi fi triqati,
lilhom nitmagħhom b’qamħ mill-aħjar,
inxebbagħhom bl-għasel mill-blat”. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4, 17

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Indmu, jgħid il-Mulej,
għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej.
Mk 12, 28b-34

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: “Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha”. U t-tieni hu dan: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.

Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”.

Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu