Qari tal-Quddies tar-Raba’ Ħadd tar-Randan. Sena “B”


Stampa t-test tal-qari …

Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan

QARI I
Il-jasar u l-ħelsien tal-poplu huma sinjal tal-korla u l-ħniena tal-Mulej.
2 Kron 36, 14-16.19-23

Qari mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki

F’dak iż-żmien, il-kbarat kollha tal-qassisin u l-poplu komplew jidinbu u jagħmlu l-qżiżijiet kollha tal-ġnus, u niġġsu t-tempju tal-Mulej li hu kien qaddes f’Ġerusalemm. U billi ġietu ħasra mill-poplu tiegħu, u mill-għamara tiegħu, il-Mulej, Alla ta’ missirijiethom, kien ta’ sikwit jibgħat iwiddibhom bil-messaġġiera tiegħu. Iżda huma kienu jiddieħku bil-mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-profeti tiegħu, sa ma saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar. U ħarqulhom it-tempju ta’ Alla, ġarrfu s-swar ta’ Ġerusalemm, taw in-nar lill-palazzi kollha tagħha, u hekk qerdulha kull ma kellha prezzjuż.

U dawk li ħelsu mill-qerda tax-xabla, Nabukodonosor eżiljahom lejn il-Babilonja, u baqgħu suġġetti għalih u għal uliedu, sa ma ġew jaħkmu fuqhom il-Persjani. Hekk seħħ dak li qal Alla b’fomm Ġeremija: “Sakemm tgawdi l-art il-mistrieħ ta’ Sibtijietha, ma tinħadimx l-art iż-żmien kollu tal-ħerba tagħha, sa ma jgħaddu sebgħin sena”.

Fl-ewwel sena ta’ Ċiru, sultan tal-Persja, biex isseħħ il-kelma tal-Mulej li kienet intqalet b’fomm Ġeremija, il-Mulej qanqal lil Ċiru, sultan tal-Persja, u dan xandar proklama fis-saltna tiegħu kollha, saħansitra bil-miktub, li kienet tgħid: “Dan jgħid Ċiru sultan tal-Persja: ‘Il-Mulej, Alla tas-sema, tani f’idejja s-saltniet kollha talart, u hu qabbadni nibnilu tempju f’Ġerusalemm, li hi f’Ġuda. Kull min minnkom hu mill-poplu tiegħu, ħa jkun il-Mulej miegħu, u jitla’’”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
136 (137), 1-2.3.4-5.6

R/. (6a): Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,
jekk ma niftakarx fik, Ġerusalemm!

F’xatt ix-xmajjar ta’ Babilonja,
hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna,
aħna u niftakru f’Sijon.
Mas-siġar tal-luq tagħha,
dendilna ċ-ċetri tagħna. R/.

Għax hemm, dawk li ijassruna,
talbuna ngħannulhom xi għanja;
dawk li hemm għakksuna
stennew minna għana ta’ ferħ:
“Għannulna mill-għana ta’ Sijon”. R/.

Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej
f’art barranija?
Tibbiesli idi l-leminija,
jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm! R/.

Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,
jekk ma niftakarx fik,
jekk ma nżommx ’il Ġerusalemm
’il fuq minn kull ferħ tiegħi! R/.

QARI II
Kontu mejta minħabba fid-dnubiet, u bi grazzja intom salvi.
Ef 2, 4-10

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu – bi grazzja intom salvi. Qajjimna miegħu u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qjies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù.

Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar. Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 3, 16

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Alla hekk ħabb lid-dinja
li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija ssalva.
Ġw 3, 14-21

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem,biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.

Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.

U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx.Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu