18. Bint Sijon il-ġdida


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  01/05/1996.

1. Fil-waqt tal-Annunzjazzjoni, Marija, «in-nobbli bint Sion»,1  msellma mill-anġlu bħala r-rappreżentanta tal-umanità, imsejħa biex tagħti l-kunsens tagħha għall-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla.

L-ewwel kelma li l-anġlu jindirizzalha hija stedina għall-ferħ: chaire, jiġifieri «ifraħ». It-terminu Grieg ġie tradott bil-Latin b’«Ave», espressjoni sempliċi ta’ tislim, li donnu ma jikkorrispondix għal kollox mal-intenzjoni tal-messaġġier divin u mal-kuntest li fih isseħħ il-laqgħa.

Bla dubju, chaire kienet ukoll formula ta’ tislim, użatha sikwit fil-Grieg, imma ċ-ċirkustanzi straordinarji li fihom tiġi ppronunzjata  imorru ‘l hemm mill-klima tal-laqgħa tas-soltu. Ma għandniex, infatti, ninsew li l-Anġlu kien jaf li se jwassal aħbar unika fl-istorja tal-umanità: tislima sempliċi u tas-soltu, għalhekk, kienet tkun barra minn lokha.  Iktar addattata għaċ-cirustanza eċcezzjonali donnha, iżda, ir-referenza għas-sinifikat oriġinarju tal-espressjoni chaire, li huwa «ifraħ».

Kif  b’mod kostanti  innutaw speċjalment is-Santi Padri Griegi waqt li kkwotaw diversi orakli profetiċi, l-istedina għall-ferħ taqbel b’mod partikolari mal-aħbar tal-miġja tal-Messija.

2. Il-ħsieb jiġi mħabbar qabel xejn lill-profeta Sofonija. Bl-oraklu tiegħu t-test tal-Annunnzjazzjoni jippreżenta paralelliżmu sinifikattiv:  «Ifraħ, bint Sion, iċċelebra Iżrael, u ifraħ b’qalbek kollha bint Ġerusalem! …» (Sof 3,14).

Hawn hi l-istedina għall-ferħ: «Ifraħ b’qalbek kollha» (v. 14). Hawn hu l-aċċenn għall-preżenza tal-Mulej: «Sultan ta’ Iżrael huwa l-Mulej f’nofsok» (v. 15). Hawn hi l-eżortazzjoni biex ma tibżax: «La tibżax, Sion, tħallix lil dirgħajk jaqgħu» (v. 16). Hawn hi fl-aħħarnett l-wegħda tal-intervent feddej ta’ Alla: «Il-Mulej Alla tiegħek f’nofsok huwa salvatur qawwi» (v. 17). It-taqbiliet huma numerużi ħafna u puntwali li jġegħluna nagħrfu f’Marija l- «bint ta’ Sion» il-ġdida, li għandha mottiv sħiħ biex tifraħ għaliex Alla ddeċieda, ukoll jekk f’kuntest differenti, li jwettaq il-pjan tiegħu ta’ fidwa.

Stedina analoga għall-ferħ, ukoll jekk f’kuntest differenti, tiġi mill-profezija ta’ Ġoele: «La tibżax, art, imma ifraħ u ċċelebra, għaliex il-Mulej għamel ħwejjeġ kbar… Intom tagħrfu li jien ninsab f’nofs Iżrael …» (Ġl 2,21.27).

3. Sinifikattiv huwa barra minn dan l-oraklu ta’ Żakkarija, ikkwotat  fir-rigward tad-dħul ta’ Ġesù f’Ġerusalem (cf. Mt 21,5; Gv 12,15). Fih il-mottiv tal-ferħ jidher fil-miġja tas-sultan messjaniku: «Iċċellebra bil-kbir, bint Sion,  qum u ifraħ, bint Ġerusalem! Ara, għandek ġej is-sultan tiegħek. Huwa hu ġust u rebbieħ, umli… se jħabbar l-paċi lill-ġnus » (Żk 9,9-10).

Fl-aħharhett, mill-posterità numeruża, sinjal ta’ barka divina, il-Ktieb ta’ Iżaija jwassal għall-aħbar ta’ ferħ għal Sion il-ġdida: «Ifraħ, o sterili li għadek ma wellidtx, infexx f’għaajta ta’ ċelebrazzjoni u ta’ferħ, inti li ma ġarrabtx in-niket, għaliex ferm iktar numerużi huma l-ulied tal-abbandunata mill-ulied tal-miżżewġa, jgħid il-Mulej» (Iż 54,1).

I-tliet mottivi tal-istedina għall-ferħ: il-preżenza fedejja ta’ Alla f’nofs il-poplu tiegħu, il-miġja tas-sultan messjaniku u l-fertilità gratwità u soprabbundanti, isibu f’Marija l-attwazzjoni tagħhom sħiħa. Dawn jilleġittimizzaw is-sinifikat mimli tifsir, attribwit mit-tradizzjoni lit-tislima tal-anġlu. Dan, waqt li jistedinha biex tagħti l-kunsens tagħha għat-twettiq tal-wegħda messjanika u waqt li jħabbrilha d-dinjità l-iktar għolja ta’ Omm il-Mulej, ma setax ma jħeġġiġhiex biex tifraħ.  Infatti, Bħal ma jfakkar il-Knċilju, «biha,  il-bint nobbli ta’ Sion, wara stenniha twila tal-wegħda, jitwettqu ż-żminijiet u tiġi stabbilitha l-Ekonomija l-ġdida, meta l-Iben ta’ Alla  ħa minnha n-natura umana, biex jeħles bil-misteri ta’ ġismu lill-bniedem mid-dnub».2

 4. Ir-rakkont tal-Annunzzjazzjoni jippermettilna nagħrfu f’Marija  l-«bint ta’ Sion» il-ġdida, mistiedna minn Alla għal ferħ kbir.

Tesprimi r-rwol straordinarju tagħha ta’ omm il-Messija, anzi, ta’ omm l-Iben ta’ Alla. Il-Verġni tilqà l-messaġġ f’isem il-poplu ta’ David, imma nistgħu ngħidu li tilqgħu f’isem l-umanità kollha, għaliex it-Testment il-Qadim kien jifrex għan-nazzjonijiet kollha r-rwol tal-Messija davidiku (cf. Sal 2,8; 71(72),8). Fl-intenzjoni divina, l-aħbar indirizzata lilha timmira għall-fidwa universali.

Bħala konferma għal tali prospettiva universali tal-pjan divin, nistgħu niftakru diversi testi tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid li jqabblu l-fidwa ma’ festa kbira tal-popli kollha fuq il-muntanja Sion (cf. Iż 25,6 s.), u li jħabbru l-laqgħa finali tas-Saltna ta’ Alla (cf. Mt 22,1-10).

Bħala «bint Sion», Marija hija l-Verġni tal-patt li Alla jistabilixxi mal-umanità kollha. Huwa ċar ir-rwol rappreżentattiv ta’ Marija f’tali ġrajja. U huwa sinifikattiv li hija mara biex  twettaq tali servizz.

5. Bħala «bint Sion» ġdida, Marija hija, infatti, b’mod partikolari  addattata biex tidħol fil-patt sponsali ma’ Alla. Iktar u aħjar minn kwalunkwè membru tal-Poplu magħżul, hi tistà toffri lill-Mulej qalb tassew ta’ Għarusa. 

B’Marija, «bint Sion» mhuwiex iktar sempliċemet suġġett kollettiv, imma persuna li tirrapreżenta l-umanità u, fil-waqt tal-Annunzjazzjoni, twieġeb għall-proposta tal-imħabba divina bl-imħabba sponsali tagħha.

Hija tilqà, hekk, b’mod kollu artikolari, il-ferħ imħabbar mll-orakli profetiċi, ferħ li hawn, fit-twettiq tal-pjan divin, imiss il-quċċata tiegħu.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 55.
2 Ibidem.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb