22. Immakulata: mifdija għall-protezzjoni


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  05/06/1996.

1. Id-duttrina tal-qdusija perfetta ta’ Marija sa minn l-ewwel waqt tal-konċepiment tagħha sabet xi reżistenzi fil-Punent, u dan minħabba l-istqarrijiet ta’ San Pawl dwar id-dnub oriġinali u dwar l-universalità tad-dnub, mibdijin mill-ġdid u esposti b’ħeġġa partikolari minn Santu Wistin. 

Il-kbir duttur tal-Knisja rrejalizza li l-kondizzjoni ta’ Maarija, omm Iben għal kollox qaddis, kienet tesiġi purezza assoluta u qdusija straordinarja. Minħabba dan, fil-kontroversja ma’ Pelaġju,  saħaq li l-qdusija ta’ Marija tikkostitwixxi don eċċezzjonali ta’ grazzja, u minħabba f’hekk  iddikjara: «Nagħmlu eċċezzjoni għall-Imqaddsa Verġni Marija, dwar min, għall-unur tal-Mulej, irrid li bl-ebda mod nitkellem fejn jidħol id-dnub: ma nafux forsi għaliex kienet imsawba fuqha grazzja ikbar minħabba li kellha tirbaħ għal kollox id-dnub, hi li immeritat li tikkonċepixxi u twelled lil Dak li  b’mod ovvju ma kellu ebda dnub?».1

Wistin tenna l-qdusija perfetta ta’ Marija u n-nuqqas fiha ta’ kull dnub personali minħabba d-dinjità  eċċellenti ta’ Omm il-Mulej. .Huwa madankollu ma rnexxilux jaqbad kif  l-istqarrija ta’ nuqqas totali ta’ dnub fil-waqt tal-konċezzjoni setà  jirrikonċilja mad-duttrina tal-universalità tad-dnub oriġinali u tal-ħtieġa  tal-fidwa għad-dixxendenti kollha ta’ Adam. Għal tali konsegwenza waslet, wara, l-intelliġenza dejjem iktar penetranti tal-fidi tal-Knisja, billi ċcarat kif Marija ibbenefikat mill-grazzja feddejja ta’ Kristu sa mill-konċepiment tagħha.

2. Fis-seklu IX ġiet introdotta wkoll fil-Punent il-festa tal-Konċizzjoni ta’ Marija, l-ewwel fl-Italja tan-Nofsinhar, ġo Napli, u mbagħad fl-Ingilterra. 

Lejn l-1128 patri ta’ Canterbury, Eadmero, waqt li kiteb l-ewwel trattat dwar l-Immakulata Konċezzjoni, ilmenta li ċ-ċelebrazzjoni liturġika b’mod speċjali minn dawk «li fihom kien hemm sempliċità pura u devozzjoni ferm umli lejn Alla»,2 kienet ġiet imwarrba u mħassra. Waqt li xtaq jippromwovi r-restawrazzjoni tal-festa, il-patri  devot iwarrab l-oġġezzjoni ta’ Santu Wistin għall-privileġġ tal-Immakulata Konċezzjoni, msejsa fuq id-duttrina tat-trażmissjoni tad-dnub oriġinali fil-ġenerazzjoni umana. Huwa jirrikorri b’mod opportun għax-xbiha tal-qastna «li tiġi kkonċepita, mitmugħa u fformata taħt ix-xewk, imma li madankollu tibqà protetta mit-tingiż tagħhom».3 Ukoll taħt ix-xewk ta’ ġenerazzjoni li  minnha nfiha għandha tittrażmetti d-dnub oriġinali, jargumenta Eadmero, Marija baqgħet mistkenna minn kull tebgħa, bir-rieda espliċita ta’ Alla li  «setà, b’mod dimosranti, u riedha. Mela la riedha, dan għamlu».4

Minkejja Eadmero, it-tejoloġi l-kbar tas-seklu XIII  għamlu mill-ġdid tagħhom id-diffikultà ta’ Santu Wistin, billi argumentaw hekk: il-fidwa mwettqgħa minn Kristu ma setgħetx tkun universali jekk il-kondizzjoni tad-dnub ma kinitx komuni għall-esseri umani kollha. U Marija, la darba ma   mtessitx mill-ħtija oriġinali, ma setgħetx tiġi riskattata. Il-fidwa, infatti, tikonsisti fil-ħelsien ta’ dawk li jinsabu fl-istat tad-dnub.

3. Duns Scoto, in segwitu ta’ xi tejoloġi tas-seklu XII, offra l-muftieħ biex jegħleb dawn l-oġġezzjonjiet rigward id-duttrina tal-Immakulata Konċezzjoni ta’ Marija. Huwa jsostni li Kristu, il-medjatur perfett, eżerċita propju f’Marija l-att ta’ medjazzjoni l-iktar eċcellenti, billi ppreservaha mid-dnub oriġinali.

B’dan il-mod huwa ntroduċa fit-tejoloġija l-kunċett ta’ fidwa preservatriċi, skont liema Marija kienet mifdija  b’mod iktar tal- għaġeb: mhux minħaba l-ħelsien mid-dnub, imma permezz ta’ preservazzjoni mid-dnub.

L-intuwizzjoni tal-beatu Duns Scoto, wara msejjaħ id-«Duttur tal- Immakulata», kisbet, sa mill-bidu tas-seklul XIV laqgħa tajba min-naħa tat-tejoloġi, speċjalment dawk franġiskani. Wara l-approvzzjoni min-naħa ta’ Sistu IV, fl-1477, tal-Quddiesa tal-Kunċizzjoni, tali duttrina kienet aċcettata dejjem iktar fl-iskejjel tejoloġiċi. 

Tali żvilupp providenzjali tal-liturġija u tad-duttrina ħejjew id-definizzjoni tal-privileġġ marjan min-naħa tal-Maġisteru Suprem. Din seħħet biss wara bosta sekoli, taħt l-imbuttatura ta’ intuwizzjoni ta’ fidi fundamentali: l-Omm ta’ Kristu kellha tkun qaddisa b’mod perfett sa mill-oriġni ta’ ħajjitha.

4. Lil ħadd ma jaħrab kif  l-istqarrija tal-privileġġ eċċezzjonali mogħti lil Marija jenfasizza li l-azzjoni fedejja ta’ Kristu mhux biss taħles, imma wkoll tippreserva mid-dnub. Tali dimensjoni ta’ preservazzjoni, li hija totali f’Marija, hija preżenti fl-intervent feddej permezz ta’ liema,  waqt li teħles mid-dnub, tirregala lill-bniedem il-grazzja wkoll u l-qawwa biex jirbaħ l-influss fl-eżistenza tiegħu. 

B’tali mod id-domma tal-Immakulata Konċezzjoni ta’ Marija ma tiċċajparx, imma anzi tikkontribwixxi b’mod tal-għaġeb biex tqiegħed aħjar fid-dawl l-effetti tal-grazzja feddejja ta’ Kristu fin-naturaa umana.

Lejn Marija, l-ewwel mifdija minn Kristu, li kellha l-privileġġ li ma tkunx sottomessa linqas għal waqt wieħed biss għall-poter tal-ħażen u tad-dnub, iħarsu l-insara, bħala l-mudell perfett u bħala ikona ta’ dik il-qdusija, 5 li huma msejħa biex jilħqu, bl-għajnuna tal-grazzja tal-Mulej, f’ħajjithom. 

NOTI

1 Sant’Agostino, De natura et gratia, 42.
2 Eadmero di Canterbury, Tract. de conc. B.M.V., 1-2.
3 Ibidem, 10.
4 Ibidem.
5 Cf. Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 65.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb