23. Immakulata: id-definizzjoni dommatika tal-privileġġ

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  12/06/1996.

1. Il-konvinzjoni li Marija kienet ippriservata minn kull tebgħa tad-dnub sa mill-konċepiment tagħha, illi setgħet tissejjaħ kollha qaddisa. Tul is-sekli kompliet timponi ruħha b’mod progressiv fil-liturġija u fit-tejoloġija. Tali żvilupp qanqal, fil-bidu tas-seklu XIX, moviment ta’ petizzjoni favur definizzjoni dommatika tal-privileġġ tal-Immakulata Konċezzjoni.

Bl-intenzjoni li jilqà din il-petizzjoni, madwar nofs dak is-seklu, il-Papa Piju IX, wara li kien ikonsulta lit-tejoloġi, ikkonsulta l-isqfijiet kollha dwar l-opportunità u l-possibiltà ta’ tali definizzjoni, waqt li sejjaħ kważi «konċilju bil-miktub». Ir-riżultat kien wieħed sinifikattiv: il-maġġoranza mmensa tas-604 isqof wieġbu b’mod pożittiv għal dak mitlub.

 Wara konsultazzjoni hekk vasta, li  aċċentwat il-preokupazzjoni tal meqjum prediċessur tiegħi biex jesprimi, fid-definizzjoni tad-domma, il-fidi tal-Knisja, b’daqstant attenzjoni medd idu għat-tħejjija tad-dokument.

Il-Kummissjoni speċjali ta’ tejoloġi, maħtura minn Piju IX bl-iskop tal-aċċertament tad-duttrina rivelata, iddedikat rwol essenzjali għall-proċedura normali ekkleżjali. U dan il-kriterju  influwenza fuq il-kliem tad-domma, li pprivileġġjat l-espressjoni tal-għixien ekklażjali, tal-fidi u tal-kult tal-poplu nisrani, fir-rigward tad-deċiżjonijiet skolastiċi.

Fl-aħħar fl-1854, Piju IX, bil-Bolla Ineffabilis, b’mod sollenni pproklama d-domma tal-Immakulata Konċezzjoni: «… Aħna niddikjaraw, nippronunzjaw u niddefinixxu li d-duttrina li biha niddikjaraw li l-beatissima Verġni Marija, fl-ewwel waqt tal-konċepiment tagħha, bi grazzja singolari u privileġġ ta’ Alla omnipotenti, meta nqisu l-merti ta’ Ġesù Kristu, feddej tal-ġeneru uman, kienet ippriservata immuni minn kull tebgħa tal-ħtija oriġinali, hija duttrina rivelata minn Alla, u għandha tkun, għal din ir-raġuni,  b’qawwa u b’mod kostanti emmnuta mill-fidili kollha »1

      2. Il-proklamazzjoni tad-domma tal-Immakulata tesprimi dak il-partikular essenzjali tal-fidi. Il-Papa Alessandru VII, fil-Bolla Sollicitudo, tal-1661, kien tkellem dwar il-preservazzjoni tar-ruħ ta’ Marija «fil-ħolqien tagħha u l-infużjoni fil-ġisem».2  Id-definizzjoni ta’ Piju IX, iżda, tinjora l-ispjegazzjonijiet kollha rigward il-mod tal-infużjoni tar-ruħ fil-ġisem u tattribwixxi lill-persuna ta’ Marija, fl-ewwel waqt tal-konċepiment tagħha,il-fatt li kienet ippriservata minn kull tebgħa tal-ħtija oriġinali.

L-immunità «minn kull tebgħa tal-ħtija oriġinali»  tinvolvi bħala konsegwenza pożittiva l-immunità totali minn kull dnub, u l-proklamazzjoni dommatika toffri kontribut fondamentali. Infatti,  il-formulazzjoni negattiva tal-privileġġ marjan, ikkondizzjonatha  mill-kontroversji preċedenti li żviluppaw ruħhom fil-Punent dwar il-ħtija oriġinali, trid dejjem tkun kompluta mill-istqarrija pożittiva tal-qdusija ta’ Marija, iktar enfasizzata b’mod espliċitu fit-tradizzjoni tal-Lvant.

Id-definizzjoni ta’ Piju IX tirreferi biss għall-immunità mid-dnub oriġinali u ma tinkludix b’mod esliċitu l-immunità mill-konkupixxenza. Madankollu l-preservazzjoni ta’ Marija minn kull tebgħa ta’ dnub, għandha bħala konsegwenza fiha l-immunità wkoll mill-konkupixxenza, tendenza  kaotika li skont il-Konċilju ta’ Trentu, tiġi mid-dnub u tinklina għad-dnub.3

3. Mogħtija «bi grazzja singolari u privileġġ ta’ Alla omnipotenti», tali preservazzjoni mid-dnub oriġinali tikkostitwixxi favur divin gratwit b’mod assolut, li Marija kisbet sa mill-ewwel waqt tal-eżistenza tagħha.

Id-definizzjoni dommatika ma tgħidx li dan il-privileġġ singolari huwa uniku, dak tħallih però jiġi  rejalizzat. L-istqarrija ta’ tali uniċità tinsab iżda  espressa  b’mod espliċitu fl-Enċiklika Fulgens Corona, tal-1953, fejn il-Papa Piju XII jitkellem minn  «privileġġ singolari ħafna li qatt ma kien mogħti lil persuna oħra»,4  waqt li hekk eskluda l-possibilta sostnuta minn xi ħadd, imma bi ftit li xejn fundament, li tkun attribwitha wkoll lil San Ġużepp.

Il-Verġni Omm irċeviet il-grazzja singolari tal-konċepiment immakulat «minħabba l-merti ta’ Ġesù Kristu, Feddej tal- ġeneru uman», jiġifieri tal-azzjoni feddejja universali tiegħu.

Fit-test tad-definizzjoni dommatika ma jiġix espressament iddikjarat li Marija kienet mifdija, imma l-istess Bolla Ineffabilis tenfasizza f’post ieħor li « mifdija bil-mod l-iktar sublimi». Din hija l-verità straordinarja: Kristu kien il-feddej ta’ Ommu u eżerċita fiha l-azzjoni feddejja tiegħu «bil-mod l-iktar perfett»,5 sa mill-ewwel waqt tal-eżistenza. Il-Konċilju Vatikan II ipproklama li l-Knisja «tammira u teżalta f’Marija il-frott l-iktar eċcellenti tal-Fidwa».6

4 . Tali duttrina solennement ipproklamatha, tiġi espressament kwalifikatha bħala «duttrina rivelata minn Alla». Il-Papa Piju IX jżid li hi trid tkun «b’qawwa u kostantament emmnuta mill-fidili kollha». Minħabba dan, dak li ma jagħmilhiex tiegħu, jew li jżomm opinjoni kuntrarja għaliha «ifalli fil-fidi» u «jinqatà mill-unità kattolika».

Fil-proklamazzjoni tal-verità ta’ tali domma tal-Immakulata Konċezzjoni, il-meqjum Predeċessur tiegħi kien jaf li qed jeżerċita il-poter tiegħu ta’ għalliem infallibli bħala Ragħaj universali tal-Knisja, li ftit snin wara kellu jkun definit b’mod sollenni waqt il-Konċilju Vatikan I. B’dan il-mod huwa attwa l-maġisteru nfallibli tiegħu bħala servizz għall-fidi tal-poplu ta’ Alla; u huwa sinifikattiv li dan seħħ fid-definizzjoni tal-privileġġ ta’ Marija.

NOTI

1 Denz.-Schön., 2803.
2 Denz.-Schön., 2017.
3 Denz.-Schön., 1515.
4 Pio XII, Lett. enc. Fulgens corona: AAS 45 (1953) 580.
5 Ibidem, 581.
6 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione sulla sacra Liturgia Sacrosanctum Concilium, 103.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading