Illum il-Knisja tagħmel il-Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej


Fis-6 ta’ Awwissu l-Knisja tagħmel il-Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej.

Meta Ġesù kien fil-Galilija, xi sena qabel il-Passjoni, huwa ħa lil San Pietru, San Ġakbu u San Ġwann, fuq il-għolja Tabor u mmanifesta l-glorja tiegħu lilhom billi tbiddel quddiemhom, u wiċċu beda jiddi bħax-Xemx, u lbiesu saru bojod bħad-dawl. Fl-istess waqt Mosé u Elija dehru wieħed fuq kull naħa tiegħu jitkellmu miegħu fuq il-mewt li Hu kellu jsofri f’Ġerusalemm.

Pietru maħruġ barra minnu nnifsu qal lil Ġesù: “Tajjeb li aħna hawn; jekk trid, nagħmel tliet għarajjex, wieħed għalik, wieħed għal Mosé u wieħed għal Elija. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u ġie leħen mis-sħaba: “Dan hu ibni l-maħbub li bih nitgħaxxaq; lilu isimgħu.”

Malli d-dixxipli semgħu dan waqgħu b’wiċċhom mal-art u beżgħu ħafna. Imbagħad resaq Ġesù, messhom u qal: ”Qumu u la tibżgħux.” X’ħin refgħu għajnejhom, ma raw ’il ħadd ħlief ’il Ġesù waħdu. U huma u neżlin mill-muntanja, Ġesù ordnalhom: “La tgħidu lil ħadd fuq id-dehra sa ma jqum Bin il-bniedem mill-imwiet.” (Mattew 17:1-13; Mark 9:2-9; Luqa 9:28-36)

L-appostli tant issaħħru bl-isplendur li raw li ma xtaqux jitilqu minn hemm. Però Ġesù ma żammhomx hemm. Niżżilhom minn fuq l-għolja u reġa’ daħħalhom fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, fejn ftit żmien wara sofra l-passjoni u l-mewt. Ġesù ried juri lill-appostli (u lilna) li kien jeħtieġ li jgħaddu mit-taħbit, mill-hemm, mit-tbatija tal-ħajja qabel ma jidħlu miegħu fil-glorja.

Ninnutaw ukoll li San Pietru tant kien barra minnu nnifsu li meta wera x-xewqa li jibni l-għarajjex nesa jsemmi l-għarix għalih u għal sħabu. U dan għax Ġesù dewwaqhom ftit glorja – ftit li xejn – li hemm lesta għal dawk li jħobbuh!

Il-festa tat-trasfigurazzjoni ilha tiġi ċċelebrata b’solennità kbira fil-Lvant sa mis-seklu sitta. Kienet iċċelebrata wkoll f’xi nħawi fil-Punent fil-Medjuevu, sakemm ġiet estiża għall-knisja kollha fl-1457 minn Kallistu III biex tfakkar ir-rebħa tal-insara fuq it-Torok f’Belgrad is-sena ta’ qabel. F’Malta, il-parroċċa ta’ Ħal Lija hi ddedikata lit-trasfigurazzjoni li fostna nsejħulha l-Festa tas-Salvatur.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.