Stazzjon tar-Randan fil-Bażilika ta’ Santa Sabina all’Aventino


OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. L-Erbgħa tal-Irmied, 20 ta’ Frar 1980

  1. Ikkonvertu lejja bil-qalb kollha (cf. Dt 31,10). B’din l-invokazzjoni jibda llum ir-Randan. Ikkonvertu! U nqiegħdu lilna nfusna mela quddiem Alla – kull wieħed u waħda minna – b’din l-għajta li ppronunzja elfejn sena ilu s-Salmista, sultan u midneb fl-istess ħin.

“Ikollok ħniena minni, o Alla, skont il-ħniena tiegħek, / Fit-tjubija kbira tiegħek ħassar dnubi,  / Aħsilni minn ħtijieti kollha, / naddafni minn dnubi. /  Jien nagħraf ħtijieti, / dnubi jinsab dejjem quddiemi. / Kontrik, kontrik biss jiena dnibt, / dak li huwa ħażin għal għajnejk, jiena għamilt… ? Oħloq fija, o Alla, qalb pura, / ġedded fija spirtu stabbli. / La twarrabnix minn quddiemek / u ċċaħħadnix mill-ispirtu qaddis tiegħek. / irrendili l-ferħ li nkun salvat…” (Sal 50 [51],3-6.12-14a).

Għaddew tant ġenerazzjonijiet u, bdanakollu, dan il-kliem ma tilef xejn mill-awtentiċità u l-qawwa tiegħu.

Il-bniedem li jisforza biex jgħix fil-verità, jaċċettah bħala tiegħu. Jippronunzjah daqs li kieku kien tiegħu.

Il-bniedem li mhux kapaċi jidentifika ruħu mal-verità ta’ dan il-kliem, huwa wieħed imdejjaq, Jekk ma jeżaminax il-kuxjenza tiegħu fid-dawl ta’ dan il-kliem – hu jiġġudikah waħdu. Mingħajru.

Il-konverżjoni lejn Alla hija t-triq eterna tal-liberazzjoni tal-bniedem. Hija t-triq tas-sejbien mill-ġdid tiegħu nnifsu fil-milja tal-verità tal-propja ħajja u tal-propja opri.

“Tini l-ferħ li nkun salvat”.

  1. L-ewwel jum tar-Randan jindika t-triq ta’ tali konverżjoni fid-dimensjoni tagħha l-iktar sħiħa. Qabel xejn, mela dan huwa r-ritorn għall-“bidu”. Il-Knisja tistieden lil kull wieħed u waħda minna biex illum noqogħdu quddiem il-liturġija, li tmur lura għall-għatba nfisha tal-istorja tal-bniedem: “Ftakar li int trab u trab trid terġà ssir” (Ġen3,19). Dan huwa l-kliem tal-ktieb tal-Ġenesi; fih insibu l-iktar espressjoni sempliċi ta’ dik il-“liturġiha tal-mewt”, li l-bniedem sar parteċipi tagħha minħabba d-dnub. Is-siġra tal-ħajja baqgħet barra mill-ilħuq tiegħu, meta kontra r-rieda ta’ Alla huwa ppropona li jassimila ruħu għar-realtà mhux magħrufa tat-tajjeb u l-ħażin, bl-iskop li jsir, bil-mod tal-anġlu mwaqqà, “bħal Alla”, li jsir “bħal Alla” billi jagħraf it-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3,5).

U allura propju l-bniedem semà dan il-kliem, li fassal d-destin tiegħu fuq din l-art.
“… Bil-għaraq ta’ ġbinek se tiekol il-ħobż, / sakemm terġà lura lejn l-art, / għaliex minnha int ġejt: / trab int u fi trab terġà lura” (Ġen 3,19).

Biex nibdew ir-Randan, biex nikkonvertu lejn Alla b’mod essenzjali u radikali, hemm bżonn li nerġgħu lura għal dak il-“bidu”: għall-bidu tad-dnub uman u tal-mewt, li minnu  jibda.

Hemm bżonn insibu l-għarfien tad-dnub li sar il-bidu ta’ kull dnub fuq l-art; li sar is-sies li jibqà u s-sors tal-pekkaminożità tal-bniedem.

Dak id-dnub oriġinali, infatti, jibqà fil-ġeneru uman kollu. Dan huwa fina l-wirt tal-ewwel Adam. U wkoll jekk tħassar mill-Magħmudija bl-opra ta’ Kristu “l-aħħar Adam” (1Kor 15,45), huwa jħalli f’kull wieħed u waħda minna l-effetti tiegħu.

Ikkonvertu lejn Alla bħal ma tixtieq il-Knisja f’dan il-perijodu ta’ erbgħin jum tar-Randan, dan ifisser ninżlu fl-għeruq tas-siġra, li, kif jgħid il-Mulej, “ma tagħtix frott tajjeb” (Mt 3,10). Mhemmx mod ieħor kif jitfejjaq il-bniedem.

  1. Il-“liturġija tal-mewt” tallum” li tesprimi ruħha fir-rit tal-impożizzjoni tal-irmied, tgħaqqad, f’ċertu sens, dan l-ewwel jum tar-Randan mal-aħħar jum, il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira, il-jum tal-mewt ta’ Kristu fuq is-salib. Propju hemm jitwettaq il-kliem li jxandar l-Appostlu fit-tieni qari tallum, meta jgħid:
    “Nitolbukom f’isem Kristu: agħmlu ħbieb ma’ Alla. Dak li ma kienx jaf xinhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla” (2Kor 5,21). Huwa diffiċli tesprimi aħjar dak kollu li taħbi fiha r-realtà tal-“konverżjoni”, tar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla.

Biex “inwettqu” għal kollox din ir-“realtà”, hemm bzonn li ngħaddu fl-ispirtu ta’ San Pawl, fl-ispirtu tal-Knisja, dan il-perijodu kollu ta’ erbgħin jum – mill-Irmied sal-Ġimgħa l-Kbira – biex niltaqgħu fi tmiem dawn il-jiem bit-tweġiba definittiva ta’ Alla stess, tal-Alla tal-imħabba, fil-“liturġija tal-qawmien mill-imwiet”, fil-liturġija tal-Għid jiġifieri tal-passaġġ għall-ħajja permezz tal-qawmien mill-imwiet. Ma nistgħux nidħlu b’mod differenti f’din ir-realtà suprema tar-rivelazzjoni tal-fidi, jekk ma nagħmlux it-triq kollha, li tibda llum. Hekk bħal ma darba waħda għamluha l-katekumeni, meta ħejjew ruħhom għall-Magħmudija, li tgħaddas fil-mewt ta’ Kristu (cf. Rm 6,3),biex tintroduċi għas-sehem fil-Qawmien mill-Imwiet tiegħu u ta’ Ħajtu.

Hekk mela, biex “nikkonvertu” bil-mod mistenni minna mill-Knisja tul iż-żmien tar-Randan, illum irridu nerġgħu lura għal dak il-“bidu”: għal dak l-“inti trab, u trab trid terġa ssir”, sabiex insibu ruħna fil-“bidu l-ġdid” fil-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu u tal-grazzja.

It-triq, mela, tġhaddi mill-Ġimgħa l-Kbira. Tgħaddi permezz tas-salib. Ma teżistix triq oħra tal-“konverżjoni” sħiħa. F’din it-triq, unika, jistenniena dak li l-Missier, b’imħabba, “qisu dnub favur tagħna” (2Kor 5,21) – alavolja qatt ma kien għaraf dnub – sabiex aħna nkunu nistgħu nsiru permezz tiegħu ġustizzja ta’ Alla” (2Kor 5,21).

Ejjew naċċettaw it-triq ta’ tali konverżjoni u rikonċiljazzjoni ma’ Alla.

  1. Il-liturġija tallum tistedinna biex “nikkollaboraw” b’mod partikolari, f’dan il-perijodu ta’ erbgħin jum, ma’ Kristu permezz tat-talb, il-karità u s-sawm.

L-istess Mulej Ġesù jgħallimna bil-kliem tal-Vanġelu ta’ Mattew – bil-kliem tad-diskors tal-muntanja – kif għandna nagħmlu dan. Mela ejjew nagħmluh! U waqt li nagħmluh ma niqfux, fl-istess ħin, nitolbu mas-salmista: “Oħloq fija, o Alla, qalb pura, ġedded fija l-ispirtu stabbli tiegħek” (Sal 50 [51],12).

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

 

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.