59. Mudell tal-maternità tal-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  13/08/1997.

1. Huwa propju fil-maternità divina li l-Konċilju jsib is-sies tar-rapport partikolari li jassoċja lil Marija mal-Knisja. Naqraw fil-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium li «il-Beata Verġni, minħabba d-don u l-ufficcju tad-divina maternità li tgħaqqadha mal-Iben feddej, u għall-grazzji u l-funzjonijiet singolari tagħha, hija wkoll magħquda b’mod intimu mal-Knisja».1 

Ma dan l-istess presuppost tagħmel dejjem riferenza l-Kostituzzjoni dommatika kkwotata biex turi l-prerogattivi ta’ «tip» u «mudell», li l-Verġni teżerċta fil-konfront tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu: «Infatti, fil-misteru tal-Knisja, li hija wkoll u b’mod ġust imsejħa omm u verġni, il-Beata Verġni Marija marret iktar minn hekk, waqt li ppreżentat ruħha b’mod distint u singolari bħala verġni u bħala omm».2

Il-maternità ta’ Marija hija definita «eminenti u  singolari», għaliex tikkostitwixxi fatt uniku u rrepetibbli: Marija, infatti, qabel ma teżerċita l-funzjoni materna tagħha lejn il-bnedmin, hija l-Omm tal-Iben uniġenitu ta’ Alla magħmul bniedem. Il-Knisja, iżda, hija omm minħabba li tiġġenera spiritwalment lil Kristu fil-fidili, u allura teżerċita l-maternità tagħha fil-konfront tal-membri tal-Ġisem Mistiku.

Hekk il-Verġni tikkostitwixxi għall-Knisja mudell superjuri, propju minħabba l-uniċità tal-prerogattiva tagħha ta’ Omm Alla.

2. Il-Lumen gentium, fl-approfondiment tal-maternità ta’ Marija, tfakkar li din twettqet ukoll b’dispożizzjoni eminenti tar-ruħ: «Għall-fidi tagħha u għall-ubbidjenza tagħha Hija ġġenerat fuq l-art [113]l-istess Iben tal-Missier, mingħajr ma għarfet raġel, imma taħt id-dell tal-Ispirtu Santu, bħala Eva novella billi emmnet mhux lis-serp il-qadim, imma lill-messaġġier ta’ Alla, b’fidi li ma tbiddlet ma’ ebda dubju».3

Minn dan il-kliem joħroġ ċar li l-fidi u l-ubbidjenza ta’ Marija fl-Annunzjazzjoni jikkostitwixxu għall-Knisja virtujiet ta’ min jimitahom u, f’ċertu sens, jagħtu bidu għall-itinerarju matern tagħha fis-servizz tal-bnedmin imsejħin għall-fidwa.

Il-maternità divina ma tistax tkun iżolata  mid-dimensjoni universali, attribwitha lilha mill-pjan feddej ta’ Alla, li l-Konċilju ma jiddubitax li jirrikonoxxi:: «Hija welldet Iben, li Alla għamlu primoġenitu ta’ moltitudni ta’ aħwa (cf. Rm 8,29), jiġifieri tal-fidili, u għat-twelid u l-formazzjoni tiegħu hija kkoperat b’imħabba ta’ omm».4

3. Il-Knisja ssir Omm, billi tieħu b’mudell lil Marija. Għal dan il-għan il-Konċilju jiddikjara: «Il-Knisja, wqt li tikontempla l-qdusija misterjuża ta’ Marija, waqt li timita l-karità u twettaq b’mod fidil ir-rieda tal-Missier, permezz tal-Kelma ta’ Alla milqugħa b’fedeltà, issir hija wkoll omm, minħabba li bil-predikazzjoni u l-magħmudija tiġġenera ħajja ġdida u immortali l-ulied konċepiti bl-opra tal-Ispirtu Santu u mwielda minn Alla».5

Waqt li nanalizzaw din id-deskrizzjoni tal-opra materna  tal-Knisja, nistgħu ninnotaw kif it-twelid tan-nisrani jiġi hawn marbut b’ċertu mod mat-twelid ta’ Ġesù, kważi rifless tiegħu: l-insara jiġu «ikkonċepiti bl-opra tal-Ispirtu Santu» u l-ġenerazzjoni tagħhom, frott tal-predikazzjoni u tal-magħmudija, hekk tixbaħ lil dik tal-Feddej.

Barra minn hekk il-Knisja, waqt li tikkontempla lil Marija, timitaha fil-karità, l-ilqugħ fidil tal-Kelma ta’ Alla u l-ħlewwa tat-twettiq tar-rieda tal-Missier.Waqt li ssegwi l-eżempju tal-Verġni, twettaq maternità spiritwali fertili.

4. Il-maternità tal-Knisja però, ma tirrendix superfluwa dik ta’ Marija li, waqt li tkompli teżerċita l-influss tagħha fuq il-ħajja tal-insara, tikkontribwixxi biex tagħti lill-Knisja wiċċ matern. Fid-dawl ta’ Marija, il-maternità tal-Komunità ekkleżjali, li tistà tidher xi ftit ġenerali, hija msejħa biex turi ruħha b’mod iktar konkret u personali lejn kull bniedem mifdi minn Kristu.

Waqt li turi ruħha Omm ta’ dawk kollha li jemmnu, Marija tqanqal fihom rapport ta’ fraternità awtentika spiritwali u ta’ djalogu li ma jaqtax.

L-esperjenza ta’kuljum tal-fidi, f’kull epoka u f’kull post, iddawwal il-bżonn li bosta jħossu li jafdaw lil Marija il-bżonn tal-ħajja ta’ kull jum u jiftħu fiduċjużi qalbhom biex jitolbu l-interċessjoni materna tagħha u jiksbu l-protezzjoni rassikuranti tagħha.

It-talb indirizzat lil Marija mill-bnedmin taż-żminijiet kollha, il-forom numerużi u l-manifestazzjonijiet tal-kult marjan, il-pellegrinaġġi lis-Santwarji u lill-postijiet li jfakkru l-għeġubijiet imwettqa minn Alla l-Missier permezz ta’ Omm Ibnu, qegħdin hemm biex juru l-influss straordinarju eżerċitat minn Marija fuq il-ħajja tal-Knisja. L-Imħabba tal-Poplu ta’ Alla għall-Verġni tindika l-esiġenza biex tinżamm relazzjoni personali mal-Omm ċelesti. 

Fl-istess ħin il-maternità spiritwali ta’ Marija issostni u tkabbar l-eżerċizzju konkret tal-maternità tal-Knisja.

5. Iż-żewġ ommijiet: il-Knisja u Marija, huma t-tnejn essenzjali għall-ħajja nisranja. Wieħed jistà jgħid li l-waħda teżerċita maternità iktar oġġettiva, l-oħra iktar interna.

Il-Knisja tirrendi ruħha omm fil-predikazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, fl-amministrazzjoni tas-sagramenti, u b’mod parikolari fil-magħmudija, fiċ-ċelegrazzjoni tal-Ewkaristija u fil-maħfra tad-dnubiet.

Il-maternità ta’ Marija  tesprimi ruħha fl-oqsma kollha tat-tifrix tal-grazzja, b’mod partikolari fil-kwadru tar-relazzjonijiet personali.

Dawn huma żewġ maternitajiet inseparabbli: infatti t-tnejn jgħinu biex tingħaraf l-istess imħabba divina li tixtieq tikkomunika ruħha lill-bnedmin.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 63.
2 Ibidem.
3 Ibidem.
4 Ibidem.
5 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 64.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 112-114.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.