60. Mudell tal-verġinità tal-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  20/08/1997.

1. Il-Knisja hija Omm u Verġni. Il-Konċilju. Wara li ddikjara li hi hija omm fuq il-mudell ta’ Marija, jattribwilha t-titolu ta’ verġni, waqt li jispjega s-sinifikat: «Hija wkoll hi l-verġni li tgħasses  sħiħa u pura l-fidi mogħtija lill-Għarus, u b’imitazzjoni tal-omm tal-Mulej tagħha, bil-virtù tal-Ispirtu Santu, iżżomm b’mod verġinali sħiħa l-fidi, solida t-tama, sinċiera l-karità ».1

Marija hija mela mudell ukoll tal-verġinità tal-Knisja. Għal dan il-għan  jeħtieġ nippreċiżaw li l-verġinità ma tappartenix lill-Knisja f’sens strett, għaliex ma tirrapreżentax l-istat ta’ ħajja tal-maġġoranza l-kbira tal-fidili, Infatti, minħabba l-pjan divin providenzjali hija t-triq taż-żwieġ l-iktar kundizzjoni mxerrda, u nistgħu ngħidu, komuni ta’ dawk li huma msejħa għall-fidi. Id-don tal-verġinità huwa riservat għal numru limitat ta’ .fidili, imsejħa għal missjoni partikolari fl-intern tal-Komunità ekkleżjali.

Madankollu, waqt li jirreferi d-duttrina ta’ Santu Wistin, il-Konċilju jsostni li l-Knisja hija verġni f’sens spiritwali ta’ integrità fil-fidi, fit-tama u fil-karità. Għalhekk, il-Knisja mhix verġni fil-ġisem tal- [139] membri kollha tagħha, imma tippossiedi l-verġinità tal-ispirtu  («virginitas mentis»), jiġifieri «l-fidi sħiħa, it-tama solida, il-karità sinċiera».2

2.Il-Kostituzzjoni Lumen gentium tgħaġġel mela li tfakkar li l-verġinità ta’ Marija, mudell ta’ dik tal-Knisja,  tinvolvi wkoll d-dimensjoni fiżika, li għaliha Hija kkonċepiet verġinalment lil Ġesù bl-opra tal-Ispirtu Santu, mingħajr intervent ta’ raġel.

Marija hija Verġni fil-ġisem u Verġni fil-qalb, kif jidher mill-intenzjoni tal-għixien f’intimità profonda mal-Mulej, murija b’mod deċiż fil-waqt tal-Annunzjazzjoni. Għalhekk, Dik li hija msejħa «Verġni fost il-verġni», tikkostitwixxi bla ebda dubju għal kulħadd eżempju l-iktar għoli ta’ purità u ta’ don totali lill-Mulej. Imma b’mod speċjali jispiraw ruħhom minnha l-verġni nsara u dawk kollha li jiddedikaw ruħhom b’mod radikali u esklussiv lill-Mulej fil-forom differenti tal-ħajja kkonsagrata.

Hekk, wara li kienet wettqet irwol importanti fl-opra tal-fidwa, il-verġinità ta’ Marija tkompli tinfluwixxi b’mod benefiku fuq il-ħajja tal-Knisja.

3. Ma ninsewx li l-ewwel u l-ogħla eżempju ta’ kull ħajja  pura huwa bla ebda dubju ta’ xejn Kristu.

Marija madankollu tikkostitwixxi l-mudell speċjali tal-kastità migħuxa għall-imħabba tal-Mulej Ġesù.

Hija tinkuraġġixxi lill-insara kollha biex jgħixu l-kastità b’impenn partikolari skont l-istat propju tagħhom, u biex jafdaw ruħhom lill-Mulej fiċ-cirkustanzi  differenti tal-eżistenza. Dik li hija Santwarju per eċċellenza tal-Ispirtu Santu, tgħin lil dawk li jemmnu biex jiskopru mill-ġdid ġisimhom bħala tempju ta’ Alla (cf. 1Kor 6,19) u biex jirrispettaw in-nobiltà u l-qdusija.

Lejn il-Verġni jħarsu ż-żgħażagħ fit-tiftix ta’ mħabba awtentika u jsejħu l-għajnuna materna tagħha biex jipperseveraw fil-purità.

Marija tfakkar lill-miżżewġin l-valuri fundamentali taż-żwieġ, waqt li tgħinhom biex jegħlbu t-tentazzjoni ta’ skoraġġiment u biex jiddominaw il-passjonijiet li jittentaw irażżnu lil qalbhom. Id-dedikazzjoni sħiħa tagħha lil Alla tikkostitwixxi għalihom stimulu qawwi biex jgħixu fil-fedeltà [140]reċiproka, biex ma jċedu qatt għad-diffikultajiet li jheddu l-għaqda konjugali.

4. Il-Konċilju jħeġġeġ lill-fidili biex iħarsu lejn Marija, sabiex jimitaw il-fidi «verġinalment integra», it-tama u l-karità.

Tgħasses l-integrità tal-fidi tirrapreżenta dmir impenjattiv għall-Knisja, sejħa għal viġilanza kostanti, ukoll akkost ta’ sagrifiċċji u ta’ lotta. Infatti, il-fidi tal-Knisja hija mhedda, mhux biss minn dawk li jwarrbu l-messaġġ tal-Vanġelu, imma b’mod speċjali minn dawk li, waqt li jilqgħu parti biss mill-verità rivelata, jirrifjutaw li jaqsmu b’mod sħiħ il-patrimonju kollu tal-fidi tal-Gharusa ta’ Kristu.

Tali tentazzjoni, li nsibu sa mill-oriġni tal-Knisja, sfortunatament tkompli tkun preżenti fil-ħajja tagħha, billi timbuttaha biex taċċetta parti biss mir-Rivelazzjoni jew biex tagħti lill-Kelma ta’ Alla interpretazzjoni ristretta u personali, li taqbel mal-mentalità dominanti u skont ix-xewqat individwali. Waqt li kienet qablet totalment mal-Kelma tal-Mulej, Marija tikkostitwixxi għall-Knisja mudell insuperabbli ta’ fidi «verġinalment integra», li tilqà bi ħlewwa u perseveranza kollha kemm hi l-Verità rivelata. U bl-interċessjoni tagħha kostanti, tikseb għall-Knisja d-dawl tat-tama u l-fjamma tal-karità, virtujiet li tagħhom, fil-ħajja terrena tagħha, kienet għal kulħadd eżempju inegwaljabbli.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 64.
2 Sant’Agostino, In Io. Tr. 13,12, PL 35,1499.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 138-140.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.