61. Mudell tal-qdusija tal-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  03/09/1997.

1. Fl-Ittra lill-Efesin San Pawl jispjega r-rapport sponsali bejn Kristu u l-Knisja bil-kliem li ġej: «Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, biex jirrendiha qaddisa, waqt li ppurifikaha permezz tal-ħasil tal-ilma akkumpanjat mill-kelma, sabiex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd» (Ef 5,25-27).

Il-Konċilju Vatikan II jerġà jaqbad id-dikjarazzjoni tal-Appostlu u jfakkar li «il-Knisja diġa laħqet fil-Beatissima Verġni l-perfezzjoni»,waqt li «il-fidili għadhom jisfurzaw biex jikbru fil-qdusija billi jeliminaw id-dnub».1

Hekk tiġi enfasizzata d-differenza li teżisti bejn il-fidili u Marija, minkejja li tal-ewwel u l-oħra jappartjenu lill-Knisja qaddisa, magħmulha minn Kristu «bla tebgħa u bla tikmix». Infatti, waqt li l-fidili jirċievu l-qdusija permezz tal-magħmudija, Marija kienet ippriservata minn kull tebgħa tad-dnub oriġinali u b’mod antiċipat mifdija minn Kristu. Il-fidili, barra minn dan, minkejja meħlusin «mil-liġi tad-dnub» (cf. Rm 8,2), għadhom jistgħu iċedu għat-tentazzjoni u l-fraġilità umana tkompli turi ruħha f’ħajjithom. «Ilkoll kemm aħna nonqsu f’bosta ħwejjeġ», tiddikjara l-Ittra ta’ Ġakbu (Ġk 3,2). Minħabba dan il-Konċilju ta’ Trentu jgħallem: «Ħadd ma jistà jevita tul ħajtu kollha, kull dnub ukoll venjal ».2 Għal din ir-regola, [241] madankollu, tagħmel eċcezzjoni permezz ta’ privileġġ divin il-Verġni Immakulata, bħal ma jfakkar l-istess Konċilju ta’ Trentu.3

2. Minkejja d-dnubiet tal-membri tagħha, il-Knisja hija qabel xejn l-komunità ta’ dawk li huma msejħa għall-qdusija u jimpenjaw ruħhom kuljum biex jilħquha.

F’din il-mixja diffiċli lejn il-perfezzjoni huma jħossuhom imħeġġa minn Dik li hija «mudell ta’ virtù». Il-Konċilju josserva li «il-Knisja, waqt li taħseb fiHa b’mod devot u waqt li tikkuntemplaha fid-dawl tal-Verb magħmul bniedem, tippenetra b’qima u b’mod iktar profond fil-misteru l-iktar għoli tal-inkarnazzjoni u  tmur iktar dejjem  taqbel mal-Għarus tagħha ».4

Il-Knisja, mela, tħares lejn Marija. Mhux biss tikkuntempla d-don meraviljużi tal-milja tagħha tal-grazzja, imma tisforza biex timita l-perfezzjoni li fiha hija frott tal-għaqda sħiħa mal-preċett ta’ Kristu: «Kunu mela intom perfetti bħal ma hu perfett il-Missier tagħkom tas-sema» (Mt 5,48). Marija  hija kollha qaddisa. Hija tirrapreżenta għall-komunità ta’ dawk li jemmnu il-mudell tal-qdusija awtentika li tirrejalizza ruħha fl-għaqda ma’ Kristu. Il-ħajja terrena ta’ Omm Alla hija nfatti kkaratterizzata mis-sintonija perfetta mal-persuna tal-Iben u mid-devozzjoni totali għall-opra tal-fidwa mwettqa minnHu.

Waqt li ddawwar ħarsitha lejn l-intimità materna li żviluppat ruħha fis-skiet tal-ħajja ta’ Nażżaret u li pperfezzjonat ruħha fis-siegħa tas-sagrifiċċju, il-Knisja timpenja ruħha biex timitaha fil-mixja ta’ kuljum tagħha. B’dan il-mod, hija tikkonforma ruħha dejjem iktar mal-Għarus tagħha.

Magħquda bħal Marija mas-Salib tal-Feddej, il-Knisja, permezz tad-diffikultajiet, il-kontradizzjonijiet u l-persekuzzkonijiet li jġeddu mill-ġdid f’ħajjitha l-misteru tal-Passjoni tal-Mulej tagħha,  tpoġġi ruħha fir-riċerka kostanti tal-konfigurazzjoni sħiħa miegħU.

3. Il-Knisja tgħix il-fidi, waqt li tagħraf f’«dik li emmnet fit-twettiq ta’kliem il-Mulej» (Lq 1,45), ll-ewwel espressjoni perfetta tal-fidi tagħha. Fuq dan l-itinerarju ta’ abbandun fiduċjuż lejn il-Mulej, il-Verġni tgħaddi lid-dixxipli, waqt li tingħaqad mal-Kelma divina fi krexxendo kontinwu, li jinvesti l-istadji kollha ta’ ħajjitha u, jitwessà fl-istess missjoni tal-Knisja.

L-eżempju tagħha jinkuraġġixxi lill-Poplu ta’ Alla biex jipprattika l-fidi tiegħu u biex japprofondixxi u jiżviluppa l-kontenut, waqt li josserva u jimmedita fil-qalb il-ġrajjiet tal-fidwa.

Marija ssir għall-Knisja ukoll mudell ta’ tama. Waqt li tismà l-messaġġ tal-anġlu, il-Verġni torjenta minn qabel it-tama tagħha lejn is-Saltna ta’ bla tmiem, li Ġesù kien mibgħut biex iwaqqaf.

Hija tibqà stabbli qrib is-Salib ta’ Binha, fl-istennija tat-twettiq tal-wegħda divina. Wara Għid il-Ħamsin Omm Ġesù ssostni t-tama tal-Knisja, mhedda mill-persekuzzjonijiet. Hija hi għalhekk għall-Komunità ta’ dawk li jemmnu u għall-insara wieħed wieħed l-Omm tat-tama, li tinkuraġġixxi u tiggwida lil uliedha fl-istennija tas-Saltna, waqt li ssostnihom fil-provi ta’ kuljum u f’nofs il-ġrajjiet, ukoll dawk traġiċi, tal-istorja.

F’Marija, fl-aħħarnett, il-Knisja tagħraf il-mudell tal-karità tagħha. Waqt li nħarsu lejn is-sitwazzjoni tal-ewwel komunità nisranija, niskopru li l-unanimità tal-qlub, murija fl-istennija ta’ Għid il-Ħamsin, hija assoċjata mal-preżenza tal-Verġni Mqaddsa (cf. At 1,14). U propju grazzi għall-karità tiddi ta’ Marija li kien possibbli li żżomm għal kull żmien fl-intern tal-Knisja il-qbil u l-imħabba fraterna.

4. Il-Konċilju jenfasizza espressament r-rwol ta’ eżemplarità, mwettaq minn Marija fil-konfront tal-Knisja fil-missjoni tagħha apostolika, bl-annotazzjonijiet li ġejjin:  «Fl-opra apostolika tagħha l-Knisja ġustament tħares lejn Dik li ġgenerat lil Kristu, li kien ikkonċeput mill-Ispirtu Santu u twieled mill-Verġni, biex imbagħad ikun jistà jitwieled u jikber permezz tal-Knisja ukoll fil-qalb tal-fidili. Il-Verġni, infatti, f’ħajjitha kienet mudell ta’ dik l-imħabba materna, li biha għandhom ikunu mħeġġa dawk kollha li fil-missjoni apostolika tal-Knisja jikkoperaw għar-riġenerazzjoni tal-bnedmin».5

Wara li kienet ikkoperat fl-opra tal-fidwa bil-maternità, bl-assoċjazzjoni fis-sagrifiċċju ta’ Kristu u bl-għajnuna materna tal-Knisja naxxenti, Marija tkompli ssostni l-komunità nisranija u lil dawk kollha li jemmnu fl-impenn ġeneruż għall-aħbar tal-Vanġelu.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 65.
2 Denz.-Schön., 1573.
3 Ibidem
4 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 65.
5 Ibidem.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 240-243.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.