Qari tal-Quddies tal-Ħamis tal-X ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
Alla idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien tal-glorja ta’ Alla.
2 Kor 3, 15 – 4, 1.3-6

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, sal-lum stess, kull meta wlied Iżrael jaqraw il-Liġi ta’ Mosè hemm velu fuq qalbhom; dan il-velu jitneħħa meta jerġgħu lura lejn il-Mulej. Għax il-Mulej huwa l-Ispirtu, u fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm il-ħelsien. Aħna lkoll, li b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skont ma jagħtina l-Mulej, li hu Spirtu.

Ladarba għall-ħniena ta’ Alla aħna għandna dan il-ministeru, ma naqtgħux qalbna. Jekk imbagħad l-Evanġelju tagħna jibqa’ mistur għal dawk li jintilfu; dawk li l-alla ta’ din id-dinja dallmilhom il-moħħ tagħhom nieqes mill-fidi, biex ma jarawx jiddi d-dawl tal-Evanġelju glorjuż ta’ Kristu, li hu xbieha ta’ Alla.

Għax aħna ’l Ġesù l-Mulej qegħdin inxandru, u mhux lilna nfusna; aħna m’aħniex ħlief qaddejja tagħkom minħabba f’Ġesù Kristu. Dan Alla li qal: “Ħa jiddi d-dawl mid-dlam”, dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien tal-glorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14

R/. (ara 10b): Jgħammar is-sebħ ta’ Alla f’artna

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.

It-tieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 13, 34

Hallelujah. R/. Hallelujah
Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej;
bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Il-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh.
Mt 5, 20-26

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: “La toqtolx”. Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu: “Ġifa”, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu: “Iblah”, ikun ħaqqu n-nar tal-infern.

Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek.

Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading