Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tal-X ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Tana l-ħila li nkunu ministri tal-patt il-ġdid, il-patt mhux tal-ittra imma tal-Ispirtu.
2 Kor 3, 4-11

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, tant aħna għandna qalbna qawwija quddiem Alla permezz ta’ Kristu! Mhux li aħna minna nfusna għandna l-ħila naħsbu li xi ħaġa ġejja minna nfusna; il-ħila tagħna ġejja mingħand Alla, li tana l-ħila li nkunu ministri tal-patt il-ġdid, il-patt mhux tal-ittra imma tal-Ispirtu; għax l-ittra toqtol, imma l-Ispirtu jagħti l-ħajja.

Issa jekk il-ministeru tal-mewt imnaqqax fil-ġebel kien hekk imdawwal bil-glorja li wlied Iżrael ma setgħux iżommu għajnejhom f’wiċċ Mosè minħabba fid-dija ta’ wiċċu – u din ma kinitx għal dejjem – kemm aktar ikun imdawwal bil-glorja l-ministeru tal-Ispirtu?

Jekk il-ministeru tal-kundanna kien imdawwal bil-glorja, kemm aktar jiddi bil-glorja l-ministeru tal-ġustifikazzjoni! Anzi, minn daqshekk, dak li darba kellu l-glorja ma kellu glorja xejn ħdejn il-kobor bla qjies tal-glorja ta’ issa.

Jekk kien imdawwal bil-glorja l-ministeru li kellu jgħaddi, kemm aktar hu mdawwal bil-glorja dak li għandu jibqa’.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 98 (99), 5.6.7.8.9

R/. (ara 9ċ): Int qaddis, Mulej, Alla tagħna

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,
inxteħtu quddiem mirfes riġlejh,
għax hu qaddis! R/.

Mosè u Aron fost il-qassisin tiegħu,
u Samwel fost dawk li jsejħu ismu,
kienu jsejħu l-Mulej, u hu jweġibhom. R/.

F’kolonna ta’ sħab kien jitkellem magħhom;
kienu jħarsu l-preċetti
u l-liġi li tahom. R/.

Mulej, Alla tagħna, inti smajthom;
int Alla li tagħder kont għalihom;
iżda tħallast tal-imġiba ħażina tagħhom. R/.

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,
u nxteħtu quddiem l-għolja mqaddsa tiegħu;
għax qaddis hu l-Mulej, Alla tagħna! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 24 (25) 4b.5a

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-mogħdijiet tiegħek għallimni, Mulej;
mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mt 5, 17-19

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox.

Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu