Qari tal-Quddies tat-Tlieta tal-X ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Ġesù Kristu ma kienx “iva” u “le”; fih kien hemm l-”iva” weħidha.
2 Kor 1, 8-22

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, tassew, daqskemm tassew hu fidil Alla, li l-kelma tagħna lilkom ma kinitx “iva” u “le”. L-Iben ta’ Alla, Ġesù Kristu, li xandarnielkom aħna, jiena u Silvanu u Timotju, ma kienx “iva” u “le”; fih kien hemm l-“iva” weħidha.

Għax fih il-wegħdiet ta’ Alla kollha saru “iva”. Hu għalhekk li aħna, permezz tiegħu, ngħidu l-“Ammen” għall-glorja ta’ Alla.

Alla hu li jwettaq kemm lilkom u kemm lilna fi Kristu, li kkonsagrana għalih innifsu; hu li ssiġillana wkoll bis-siġill tiegħu, u tana b’rahan l-Ispirtu fi qlubna.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 118 (119), 129.130.131.132. 133.135

R/. (135a): Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek, Mulej

Tal-għaġeb huma l-preċetti tiegħek,
għalhekk tħarishom qalbi.
It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl,
ifiehem lil min ma jafx. R/.

Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ,
għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek.
Dur lejja u ħenn għalija,
kif dejjem tagħmel ma’ min iħobb ’l ismek. R/.

Żomm sħiħ il-mixi tiegħi skont il-wegħda tiegħek,
u ebda deni ma jaħkem fuqi.
Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek,
għallimni l-kmandamenti tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin,
biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom
u jagħtu glorja lil Missierkom.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Intom id-dawl tad-dinja.
Mt 5, 13-16

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies. Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu