Qari tal-Quddies tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista. (S)


Stampa t-test tal-qari …

24 ta’ Ġunju
It-Twelid ta’ San Ġwann Battista
Solennità

QARI I
Is 49:1-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Isimgħuni, gżejjer, agħtuni widen, popli mbiegħda! Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli, minn ħdan ommi ftakar f’ismi. Għamilli fommi xabla msinna, taħt id-dell ta’ idu ħbieni. Għamel minni vleġġa maħtura, fil-barżakka tiegħu ħbieni. U qalli: “Israel, inti l-qaddej tiegħi, bik jiena nkun imfaħħar.”

U jien għedt: “Għalxejn inkeddejt, u fix-xejn ħlejt saħħti.” Imma l-ġustizzja tiegħi fil-Mulej u l-ħlas tiegħi għand Alla tiegħi.

U issa tkellem il-Mulej, li minn ħdan ommi għamilni qaddej tiegħu, biex għandu rreġġa’ lura ’l Ġakobb u biex Israel jinġabar miegħu mill-ġdid, għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-Mulej, u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi. Hu qalli: “Tkun ħaġa żgħira wisq għalik li inti tkun il-qaddej tiegħi biex tqajjem biss it-tribù ta’ Ġakobb u treġġa’ lura l-fdal ta’ Israel. Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 138

R/. Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni!

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;
int taf meta noqgħod u meta nqum,
int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.
Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;
triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.

Int sawwart il-ġewwieni tiegħi,
u f’ġuf ommi inti nsiġtni.
Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni:
tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. R/.

U ’l ruħi inti tafha tajjeb.
Ma kienx moħbi għadmi minnek,
meta kont qiegħed insir fis-satra
u nintiseġ fil-qigħan tal-art. R/.

QARI II
Atti 13:22-26

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien: Pawlu qal: “Alla, lil missirijietna, qiegħed ’il David bħala sultan tagħhom, li għalih ta din ix-xhieda: ‘Sibt ’il David, bin Ġesse, raġel skont qalbi li jagħmel dak kollu li rrid jien.’ Hu minn nislu li Alla, skont il-wegħda tiegħu, ġieb għal Israel salvatur, li hu Ġesù. Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni deher ixandar magħmudija ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’ Israel.

U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal: ‘Jien miniex dak li intom taħsbu li jien. Dan ġej warajja, u jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh.’ Ħuti, ulied in-nisel ta’ Abraham, u intom li tibżgħu minn Alla, lilna ġiet mibgħuta l-bxara ta’ din is-salvazzjoni.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
Lq 1:76

Hallelujah. Hallelujah.
Int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-Għoli,
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu.
Hallelujah.

EVANĠELJU
Lq 1:57-66.80

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Eliżabetta għalqilha ż-żmien li teħles, u kellha tifel. Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha. Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel, riedu jsemmuh Żakkarija, għal missieru; imma qabżet ommu u qalet: “Le, imma Ġwanni jkun jismu.” Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!”

Imbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih, u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni.” U kulħadd baqa’ mistagħġeb. Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar ’l Alla.

U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biza’, u bdew ixerrdu dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija, u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?” U tassew, id il-Mulej kienet miegħu. It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Israel.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.