Ġwanni Pawlu II f’Norcia, il-post tat-twelid ta’ San Benedittu


VISTA PASTORALI F’CASCIA U NORCIA

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Norcia, 23 ta’ Marzu 1980

Il-Papa Ġwanni Pawlu II f’Norcia fl-okkażjoni tal-1500 sena mit-twelid ta’ San Benedittu. 23 ta’ Marzu 1980.

Glorja Lilek, Kristu, Verb ta’ Alla.

Glorja lilek kuljum f’dan il-perijodu beatu li huwa r-Randan. Glorja lilek fil-jum tallum, jum il-Mulej u l-ħames Ħadd ta’ dan il-perijodu.

Glorja lilek, Verb ta’ Alla, li sirt laħam u wrejt ruħek b’ħajtek u li wettaqt fuq l-art il-missjoni tiegħek bil-mewt u l-Qawmien mill-Imwiet.

Glorja lilek, Verb ta’ Alla li tippenetra l-intimu tal-qlub umani, u turihom it-triq tas-salvazzjoni.

Glorja lilek f’kull imkien tal-art.

Glorja lilek f’din il-peniżola bejn il-qċaċet tal-Alpi u l-Mediterran. Glorja lilek fil-postijiet kollha ta’ dan ir-reġġjun beatu; glorja lilek f’kull belt u raħal, fejn diġa għal kważi elfejn sena jisimgħuk l-abitanti tagħhom u jimxu fid-dawl tiegħek.

Glorja lilek, Verb ta’ Alla, Verb tar-Randan, li huwa ż-żmien tas-salvazzjoni tagħna, tal-ħniena u tal-penitenza.

Glorja lilek għal iben distint ta’ din l-art.

Glorja lilek, Verb ta’ Alla, li hawn, f’din il-lokalità jisimha Norcia, iben ta’ din l-art, – magħruf għall-Knisja kollha u għad-dinja taħt l-isem ta’ Benedittu – semà għall-ewwel darba u laqà bħala dawl ta’ ħajtu, u wkoll ta’ dawk ħutu irġiel u nisa.

Verb ta’ Alla li ma tgħaddi qatt, hekku hu issa għaddew elf u ħames mitt sena mit-twelid ta’ Benedittu, konfessur tiegħek u raħeb, fundatur tal-ordni, patrijarka tal-Punent, patrun tal-Ewropa.

Glorja lilek, Verb ta’ Alla.

2. Ippermettuli, għeżież ħuti, li jiena ninserixxi dawn l-espressjonijiet ta’ qima u ta’ ringrazzjament fil-kliem tal-liturġija tallum tar-Randan. Il-qima u r-ringrazzjament huma l-mottiv tal-preżenza tagħna hawn, tal-pellegrinaġġ tiegħi flimkien magħkom fil-post tat-twelid ta’ San Benedittu, fl-għeluq tal-elf u ħames mitt sena mid-data ta’ dan it-twelid. Nafu li l-bniedem jitwieled fid-dinja grazzi għall-ġenituri tiegħu. Nistqarru li ġie fid-dinja minn ġenituri terreni, li huma l-missier u l-omm, huwa jerġà jitwieled għall-grazzja tal-magħmudija billi jogħdos fil-mewt ta’ Kristu Msallab biex jirċievi s-sehem f’dik il-ħajja, li Kristu stess irrivela bil-qawmien tiegħu mill-imwiet. Permezz tal-grazzja riċevuta fil-magħmudija l-bniedem jipparteċipa fit-twelid etern tal-Iben mill-Missier, ladarba jsir iben addottiv ta’ Alla: iben fl-Iben.

Ma nistgħux ma niftakrux din il-verità umana u nisranija dwar it-twelid tal-bniedem, illum, ġo Norcia, fuq il-post tat-twelid ta’ San Benedittu. Fl-istess ħin nistgħu u għandna ngħidu li, flimkien miegħu, kienet twieldet f’ċertu sens epoka ġdida, Italja ġdida, Ewropa ġdida. Il-bniedem jiġi dejjem fid-dinja f’kundizzjonijiet storiċi determinati; Iben Alla wkoll sar Bin il-bniedem f’ċertu perijodu taż-żmien u fih ta bidu għaż-żminijiet il-ġodda li ġew warajh. Ugwalment f’ċerta epoka storika twieled f’Norcia Benedittu li grazzi għall-fidi fi Kristu, kiseb “il-ġustizzja li tiġi minn Alla” (Fil 3,9), u għaraf jimpjanta din il-ġustizzja fl-erwieħ tal-kontemporanji tiegħu u ta’ dawk li ġew warajhom.

3. Is-sena li fiha, skont it-tradizzjoni, ra  d-dawl Benedittu kienet is-sena 480, qrib sewwa tagħha tiġi sena fatali, jew pjuttost fatali għal Ruma; qiegħed nalludi għal dik is-sena 476 wara Kristu, li fiha, bit-trasferiment għall-Kostantinopli tal-emblemi mperjali, l-imperu Ruman tal-Punent, wara perijodu twil ta’ dekadenza, sab it-tmiem uffiċjali tiegħu. Ikkrollat f’dik is-sena ċerta struttura politika, jiġifieri Sistema li naqra naqra kienet ikkondizzjonat, għal kważi millenju, il-mixja u l-iżvilupp taċ-ċiviltà umana fl-isfera tal-baċċin kollu tal-Mediterran.

Ejjew naħsbu: Kristu stess ġie fid-dinja skont il-koordinati – żmien, post, ambjent, kondizzjonijiet politiċi, eċċ…-maħluqa minn din l-istess Sistema. U l-Kristjanità wkoll, fl-istorja glorjuża u sofferta tagħha tal-“Ecclesia primaeva”, kemm fl-epoka tal-persekuzzjonijiet kif ukoll f’dik li ġiet wara tal-libertà, żviluppat fil-kwadru tal-“ordo romanus”, anzi żviluppat f’ċertu sens, “mimkejja” tali “ordo”,  minħabba li hi kellha dinamika propja tagħha. Li kienet tirrendiha indipendenti minn dak u li kien jippermettila tgħix ħajja “parallela” mal-iżvilupp storiku tagħha.

L-hekk imsejjaħ Edit ta’ Kostantinu fit-313 m’għamilx il-Knisja tiddependi mill-imperu: għarfilha l-libertà ġusta “ad extra” wara r-ripressjonijiet imdemma tas-snin ta’ qabel, ma kienx hu li ta dik il-libertà meħtieġa ugwalment “ad intra”, li, b’osservanza mar-rieda tal-fundatur tagħha, hija pprovduta  b’mod li qatt ma tonqos mill-impuls ta’ ħajja ikkomunikat lilha mill-Ispirtu. Ukoll wara din il-ġrajja mportanti, li mmarkat il-paċi reliġjuża, l-imperu Ruman kompla bil-proċess tiegħu ta’ waqgħa: waqt li fil-Lvant is-sistema mperjali setgħet tissaħħah, bi trasformazzjonijiet notevoli, fil-Punent kompla jindebolixxi ruħu b’mod progressiv minħabba serje ta’ kawżi nterni u esterni, fosthom l-impatt tal-migrazzjonijiet tal-popli, u f’ċertu punt ma kellux iktar saħħa biex ikompli jeżisti.

4.Jibqà fatt li, meta f’Norcia ġie fid-dinja Benedittu, mhux biss “id-dinja antika kienet fi triqtha lejn tmiemha” (Krasinski, Irydion), imma fir-realtà tali dinja kienet diġa ġiet mibdula: kienu daħlu il-“christiana tempora”. Ruma, li fi żmien kienet ix-xhud ewlieni tal-qawwa tagħha u l-belt tal-ikbar glorja tagħha, kienet saret ir-“Ruma kristjana”. F’ċertu sens kienet tassew il-belt li fiha kien identifikat l-imperu. Ir-Ruma taċ’Ċesari kienet għabet. Kien fadal ir-Ruma tal-Appostli. Ir-Ruma ta’ Pietru u ta’ Pawlu, ir-Ruma tal-martri, li t-tifkira tagħhom kienet għadha friska u ħajja. U permezz ta’ din it-tifkira l-għarfien ta-Knisja u s-sens tal-preżenza ta’ Kristu, li tant irġiel u nisa ma kinux ħasbuha darbtejn biex jirrendulhom xhieda, permezz tas-sagrifiċċju ta’ ħajjithom.

Hawn hu, mela, twieled f’Norcia Benedittu u jimmatura f’dik il-klima partikolari, li fiha t-tmiem tal-qawwa terrena, l-ikbar tal-qawwiet li kienu dehru fid-dinja antika, jitkellem mar-ruħ bil-lingwaġġ tar-realtajiet aħħarin, waqt li fl-istess ħin Kristu u l-Vanġelu jitkellmu dwar aspirazzjoni oħra, dwar dimensjoni oħra tal-ħajja, dwar ġustizzja, dwar saltna oħra.

Benedittu ta’ Norcia jikber f’tali klima. Huwa jaf li l-verità sħiħa dwar is-sinifikat tal-ħajja umana, esprimiha San Pawl, meta, fl-ittra lill-Filippin kiteb: “Ninsa ‘l ta’ warajja kollu u nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi, niġri ‘l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qiegħed isejħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù” (Fil 3,13-14).

Dan il-kliem kitbu l-Appostlu tal-Ġnus, il-fariżew ikkonvertit, li b’dan il-mod ta xhieda tal-konverżjoni tiegħu u tal-fidi tiegħu. Dan il-kliem irrivelat jiġbor fih ukoll l-verità li terġà lura lejn il-Knisja u lejn l-umanità fid-diversi stadji tal-istorja. F’dak l-istadju, li fih Kristu sejjaħ lil Benedittu ta’ Norcia, dan il-kliem kien ħabbar bil-quddiem il-bidu ta’ epoka tal-aspirazzjoni kbira “lejn l-għoli”. Kristu msallab u rxuxtat propju bħal ma jikteb San Pawl: “U dan għaliex irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu u nsir nixbħu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet” (Fil 3,10-11).

Hekk ‘il hemm minn xefaq il-mewt li ġarrbet id-dinja kollha mibnija fuq il-qawwa temporali ta’ Ruma u tal-imperu, toħroġ din l-aspirazzjoni “lejn l-għoli”, imqanqla mill-isfida mwassla lill-bniedem minn Kristu flimkien mat-tama tal-qawmien mill-imwiet futur. Id-dinja terrestri – id-dinja tal-qawwiet u tat-telfiet tal-bniedem – saret id-dinja miżura mill-Iben ta’ Alla, id-dinja sostnuta mis-salib fil-prospettiva tal-futur definittiv tal-bniedem li huwa l-eternità: is-saltna ta’ Alla.

5. Benedeitou kien għall-ġenerazzjoni tiegħu, u ferm iktar għall-ġenerazzjonijiet suċċessivi, l-appostlu ta’ dik is-saltna u ta’ dik l-aspirazzjoni. U bdanakollu l-messaġġ li huwa xandar permezz tar-Regola ta’ ħajja kollha tiegħu, kien qisu – u hekk għadu llum – ta’ kuljum, komuni u kważi inqas “erojku” minn dak li fuq ir-rovini ta’ Ruma antika ħallew l-Appostli u l-Martri.

Fir-realtà huwa l-istess messaġġ ta’ ħajja eterna, irrivelat lill-bniedem fi Kristu Ġesù, l-istess, ukoll jekk imxandar bil-lingwaġġ taż-żminijiet issa differenti. Il-Knisja terġà taqra dejjem l-istess Vanġelu – Verb ta’ Alla li qatt ma jgħaddi – fil-kuntest tar-realtà tal-bniedem li jinbidel. U Benedittu kien jaf bla dubju jinterpreta b’perspikaċja s-sinjali taż-żmenijiet ta’ dakinhar, meta kiteb ir-Regola tiegħu, li fiha l-għaqda tat-talb u tax-xogħol saret għalihom li kienu aċċettawha, il-bidu tal-aspirazzjoni eterna. “Ora et labora” kienet għall-kbir fundatur tal-monakiżmu Oċċidentali (tal-Punent) l-istess verità li l-Appostlu xandar fil-qari tallum, meta jenfasizza li ħalla kollox imur għal riħu għal Kristu: “Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih; mhux għax għandi xi ġustizzja tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu. il-ġustizzja ġejja minn Alla u mibnija fuq il-fidi” (Fil 3,8-9).

Benedittu, waqt li qara s-sinjali taż-żminijiet, ra li kien meħtieġ twettiq tal-programm radikali tal-qdusija evanġelika, espressa bil-kliem ta’ San Pawl, f’forma ordinarja, fid-dimensjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum tal-bnedmin kollha. Kien meħtieġ li l-erojku jsir normali, ta’ kuljum, u li n-normali, ta’ kuljum isir erojku.

B’dan il-mod huwa, missier l-irħieb, leġislatur tal-ħajja monastika fil-Punent, sar ukoll b’mod indirett il-pijunier ta’ ċiviltà ġdida. Kulfejn ix-xogħol uman kien jikkondizzjona l-iżvilupp tal-kultura, tal-ekonomija, tal-ħajja soċjali, hemm kien jasal il-programm benedittin tal-evanġelizzazzjoni, li kien jgħaqqad ix-xogħol mat-talb u t-talb max-xogħol.

Hemm bżonn nimitaw is-sempliċità ta’ tali programm, u fl-istess ħin l-universalità tiegħu. Wieħed jistà jgħid li dak il-programm ikkontribwixxa għall-kristjanizzazzjoni tal-popli l-ġodda tal-kontinent Ewropew u fl-istess ħin instabet ukoll il-bażi tal-istorja nazzjonali tagħhom, ta’ storja li tgħodd iktar minn millenju.

B’dan il-mod San Benedittu sar il-patrun tal-Ewropa tul il-korsa tas-sekli: ħafna qabel ma ġie pproklamat hekk mill-Papa Pawlu VI.

6. Huwa hu l-patrun tal-Ewropa f’din l-epoka tagħna. Huwa hekk mhux biss meta nqisu l-konsiderazzjonijiet tal-merti speċjali tiegħu lejn dan il-kontinent, lejn iċ-ċivilizzazzjoni tiegħu. Huwa hekk, ukoll, meta nqisu l-attwalità l-ġdida tal-figura tiegħu fil-konfront tal-Ewropa kontemporanja. Wieħed jistà jaqtà x-xogħol mit-talb u jagħmel l-unika dimensjoni tal-eżistenza umana. L-epoka kontemporanja ġġorr fiha din it-tendenza. Hija tiddifferenzja ruħha miż-żminijiet ta’ Benedittu ta’ Norcia, għaliex dak iż-żmien il-Punent kien iħares lura, billi jispira ruħu mit-tradizzjoni kbira ta’ Ruma u tad-dinja antika. Illum l-Ewropa għandha wara spallejha t-terribbli tieni gwerra mondjali u t-tibdil important konsegwenti fuq il-mappa tal-globu, li illimita d-dominazzjoni tal-Punent fuq il-kontinenti l-oħra. L-Ewropa f’ċertu sens, reġgħet lura fil-fruntieri propji tagħha.

U madankollu dak li jinsab wara spallejna mhuwiex l-oġġett ewlieni tal-attenzjoni u tal-inkwiet tal-bnedmin u tal-popli. Tali oġġett ma jiqafx ikun dak li hemm quddiemna.

Lejn xiex qiegħda timxi l-umanità kollha kemm hi, marbuta bil-ktajjen multipli tal-problemi u tad-dipendenzi reċiproċi, li jinfirxu mal-popli u l-kontinenti kollha? Lejn xiex qiegħed jimxi l-kontinent tagħna, u fuqu l-popli u t-tradizzjonijiet kollha li jiddeċiedu dwar il-ħajja u dwar l-istorja ta’ tant pajjiżi u ta’ tant nazzjonijiet?

Lejn xiex qiegħed jimxi l-bniedem?

Is-soċjetà u l-bnedmin tul il-korsa ta’ dawn l-aħħar ħmistax-il seklu, li jifirduna mit-twelid ta’ San Benedittu ta’ Norcia, saru l-werrieta ta’ ċiviltà kbira, il-werrieta tar-rebħiet tagħha, imma wkoll tat-telfiet tagħha, tad-dwal tagħha, imma wkoll tad-dlamijiet tagħha.

Wieħed jieħu l-impressjoni ta’ predominju tal-ekonomija fuq il-morali, ta’ predominju tat-temporalità fuq l-ispiritwalità.

Fuq naħa, l-orjentazzjoni kważi esklussiva lejn il-konsumiżmu tal-ġid materjali kważi tneħħi lill-ħajja umana is-sens l-iktar profond tagħha. Min-naħa l-oħra, ix-xogħol qiegħed isir f’ħafna każi sfurzar aljenanti għall-bniedem, sottomess għall-kollettivi, u jinqatà kważi a kwalukwè kost, mit-talb, waqt li jieħu lill-ħajja umana id-dimensjoni tagħha ultra-temporali.

Fost il-konsegwenzi negattivi ta’ preklużjoni simili għall-valuri traxxendenti waħda tistà tinkwetana b’mod partikolari: din tikkonsisti fil-klima kull ma jmur dejjem tinfirex ta’ tensjoni soċjali, li tant spiss tiġġenera f’episodji assurdi ta’ vjolenza terroristika brutali. L-opinjoni pubblika hija profondament ixxukkjata u nkwetata. L-għarfien irkuprat tad-dimensjoni traxxendenti tad-destin uman biss jistà jirrikonċilja l-impenn għall-ġudstizzja u r-rispett għas-sagralità ta’ kull ħajja umana innoċenti. Għal dan il-Knisja Taljana llum b’mod partikolari, tinġabar f’talb sinċier..

Wieħed ma jistax jgħix għall-futur mingħajr ma jirrejalizza li s-sens tal-ħajja huwa ikbar mit-temporalità, li huwa ‘il fuq minnha. Jekk is-soċjetà u l-bnedmin tal-kontinent tagħna tilfu l-interess għal dan is-sens, hemm bżonn li jsibuh. Jistgħu, għal dan l-iskop, imorru lura ħmistax-il seklu? Għaż-żminijiet li fihom twieled San Benedittu ta’ Norcia?

Le, imorru lura ma jistgħux. Is-sens tal-ħajja hemm bżonn li jsibuh fil-kuntest ta’ żminijietna. Mhuwiex possibbli diversament. La għandhom u linqas jistgħu imorru lura għaż- żminijiet ta’ San Benedittu, imma għandhom isibu s-sens tal-eżistenza umana fuq il-miżuri ta’ Benedittu.  Hemm biss jgħixu għall-futur. U naħdmu għall-futur. U nmutu fil-prospettiva tal-eternità.g

Jekk il-predeċressur tiegħi Pawlu VI sejjah lil San Benedittu ta’ Norcia biex ikun Patrun tal-Ewropa, dan huwa għaliex huwa jistà jgħin għal dan l-iskop lill-Knisja u lin-nazzjonijiet tal-Ewropa. Nixtieq minn qalbi li dan il-pellegrinaġġ tallum fil-post ta’ twelidu jistà jservi għal tali kawża.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.