Omelija għad-dipendenti tal-Vatikan


QUDDIESA BI TĦEJJIJA GĦALL-GĦID GĦAD-DIPENDENTI TAL-GOVERNATORAT TAL-BELT TAL-VATIKAN

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Knisja ta’ San Stiefnu tal-Abbissini,
Belt tal-Vatikan, 27 ta’ Marzu 1980

Għeżież!

Ħadtu sehem fl-Eżerċizzi Spiritwali, u dalgħodu qegħdin tagħlquhom bil-komunjoni Paskwali u jiena tassew kuntent li qiegħed nippresiedi f’din l-Ewkaristija u li qed noffri għalikom u magħkom il-Quddiesa Mqaddsa biex hekk nurikom imħabbti u r-rikonoxxenza tiegħi.

Waqt li noffri lid-Diriġenti u lilkom ilkoll tislima kordjali, nesprimilkom ukoll l-apprezzament għal tali manifestazzjoni komunitarja ta’ fidi u ta’ edifikazzjoni reċiproka. Qiegħed nieħu pjaċir b’mod ħaj b’din il-parteċipazzjoni tagħkom f’dan il-kors qasir ta’ Eżerċizzi Spiritwali, għaliex b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet tagħna wieħed jintebaħ dejjem iktar kemm huwa meħtieġ li jirrifletti biex iżomm soda u konvinta l-fidi nisranija fil-kontenut dottrinali tagħha kollu u fl-esiġenzi morali tagħha kollha.

Illum infatti hija meħtieġa fidi mdawla, profonda, loġikament personalizzata, u tali tistà tkun biss permezz ta’ riflessjoni, biex ma nħalluhiex titħawwad u titgħaffeġ mill-furja mħeġġa tal-opinjonijiet, tad-drawwiet, tal-mentalità kurrenti.

Għalhekk komplu kultant immeditaw dwar il-veritajiet supremi, irrivelati minn Ġesù u mgħallma mill-Knisja, li jilluminaw b’mod uniku u determinant id-destin tagħna; impenjaw ruħkom biex tkunu dejjem iktar bnedmin konvinti dwar il-verità tal-fidi! Dan jitolbu ż-żminijiet; dan jesiġi l-Mulej minna, kull wieħed u waħda fil-professjoni tagħna, fix-xogħol tagħna.

Għal din l-ewwel eżortazzjoni relattiva għall-Eżerċizzi Spiritwali tagħkom, nerġà mill-ġdid ngħaqqad oħra, li tmur maċ-ċirkustanza partikolari tal-Komunjoni Paskwali tagħkom.

Intom bnedmin tat-talb! In-nisrani biex isejjaħ lilu nnifsu tali b’mod awtentiku, għandu jkun “prattikanti”, u jiġifieri għandu jgħix fil-“grazzja” ta’ Alla, waqt li josserva l-Kmandamenti kollha, u jwettaq b’mod konkret u kontinwu l-kmand tal-karità. Permezz tal-impenn biss tat-talb fiduċjuż u perseveranti, huwa possibbli li jgħaddi ħajja fil-grazzja u fil-karità. Id-dinja hija fi kriżi wkoll għaliex ma titlobx, jew titlob ftit u ħażin.

Il-Komunjoni Paskwali li dalgħodu se tirċievu minn idejja, timbuttakom biex iġġeddu b’ġenerożità l-għanijiet ta’ ħajja nterna qawwija, sostnuta mit-talb, u b’mod speċjali mill-Ewkaristija u mid-devozzjoni lejn Marija Santissma.

Għeżież, f’dawn il-jiem immeditajtu dwar Ġesù Kristu, dawl spiritwali tagħna. Huwa rrivelalna liema hu d-destin tagħna, etern u responsabbli; bil-Passjoni u l-Mewt fuq is-Salib tiegħu fdiena, waqt li tana l-ħajja soprannaturali; bil-Preżenza Ewkaristika tiegħu jakkumpanjana fil-vjaġġ  terren tagħna, waqt li jgħinna bħala ħabib divin fid-diffikultajiet tagħna u billi jaħfrilna bil-Ħniena infinita tiegħu.

Stajtu b’dan il-mod tikkonvinċu ruħkom b’mod iktar kbir li l-unika salvazzjoni għall-bniedem u għas-soċjetà tallum u ta’ dejjem hija Ġesù, ir-Redentur Divin; infatti “Alla tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu Uniġenitu: min jemmen Fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,16).

Huwa mpressjonanti taqra fil-Vanġelu li quddiem l-affermazzjoni kategorika tad-Divinità tiegħu, “il-Lhud qabdu l-ġebel biex jitfgħuhomlu” (Ġw 8,59). Dan kien Ġesù, dan kien l-Omnipotenti, is-Salvatur, il-Messija, il-veru ħabib ta’ kull bniedem, il-Konsolatur… U riedu jħaġġruh! U sfortunatament dan li qiegħed jiġri kultant ukoll fl-epoka moderna tagħna!

U madankollu Huwa jibqà “Dawl fid-dlamijiet”, “Ħobż tal-ħajja”, Redentur tal-bniedem, Imħallef taż-żminijiret; u tal-ħolqien tal-Univers, Bħal ma mill-istorja tal-bnedmin joħroġ b’mod stupend u misterjuż li s-salvazzjoni hija unikament fi Kristu, fi Kristu Msallab.

Huma intom, bil-familji tagħkom, fid-dar u fuq ix-xogħol, ix-xhieda konvinti u kuraġġużi tal-verità feddejja, li immeditajtu.

Jalla l-ferħ paskwali, li joħroġ b’mod partikolari mil-laqgħa personali ma’ Ġesù Ewkaristiku, jakkumpanjakom dejjem! Bis-sapport tat-talb tiegħi u bil-Barka kordjali tiegħi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.