L-Isqfijiet tal-Amerka Latina jindirizzaw lill-politiċi


It-taqlib politiku, il-Covid-19 u l-kriżi soċjo-ekonomika taw iżjed saħħa lill-vuċi tal-Isqfijiet tal-Amerka Latina. F’din in-naħa tad-dinja, il-benniena tat-teoloġija tal-liberazzjoni, l-Isqfijiet ma jibqgħux lura milli jżommu responsabbli lill-mexxejja għall-korruzzjoni u għall-ħsara lid-demokrazija u jakkużawhom li qed iwasslu għal aktar faqar u vjolenza.

Fl-omelija tiegħu nhar il-Ħadd 16 ta’ Awwissu, il-Kardinal Oscar Maradiaga ddeskriva l-korruzzjoni bħala “xitan”. Fuq l-eżempju tal-Papa Franġisku, l-Isqfijiet tal-Amerka Latina qed ikunu ibsin dwar it-tbatija tan-nies minħabba l-korruzzjoni tal-politiċi. Il-Kunsill episkopali Latin-Amerikan saħansitra bagħat ittra lill-mexxejja tar-reġjun dwar li l-politika trid tkun qabel kollox orjentata favur il-fqar tal-pajjiżi.

Dwar it-tensjoni għolja kawża tal-Covid-19, il-professur u soċjologu fl-universita’ ta’ Strasbourg, Jean-Pierre Bastian qal li t-taħlita ta’ kriżjiet, vjolenza, faqar u r-riċessjoni li tidher ġejja, jiffavorixxu l-kelma tal-Isqfijiet fil-kamp politku.

(minn La Croix; ritratt, il-Papa Franġisku mal-Isqfijiet tal-Amerka Latina)

Rapport għal-Laikos minn Joe Galea