Qari tal-Quddies tas-Sibt tal-XV-il ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Kienet lejla ta’ sahra għall-Mulej biex ħariġhom mill-Eġittu.
Eżodu 12, 37-42

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, ulied Iżrael telqu minn Ragħmses għal Sukkot, madwar sitt mitt elf raġel bil-mixi barra t-tfal. U telgħet magħhom kotra kbira ta’ nies, u nagħaġ, u baqar u mrieħel kbar ħafna. U sajru mill-għaġna li kienu ħarġu mill-Eġittu ftajjar ażżmi, għax ma kellhomx ħmira, billi keċċewhom mill-Eġittu u ma setgħux joqogħdu jitnikkru u anqas iġibu x’jieklu magħhom.

Ulied Iżrael damu jgħammru fl-Eġittu għal erba’ mija u tletin sena. U wara dawn l-erba’ mija u tletin sena, dakinhar stess li għalqu, ħarġu l-qtajja’ kollha tal-Mulej mill-Eġittu. Kienet lejla ta’ sahra għall-Mulej biex ħariġhom mill-Eġittu; għalhekk dan l-istess lejl hu lejl ta’ sahra tal-Mulej għal ulied Iżrael, minn nisel għal nisel.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 135 (136), 1 u 23-24. 10-12.13-15

R/. (1b): It-tieba tiegħu għal dejjem

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb;
meta konna magħkusin ftakar fina,
u ħelisna mill-għedewwa tagħna. R/.

Hu darab l-Eġizzjani f’uliedhom il-kbar,
u ħareġ lil Iżrael minn ġo nofshom,
ħariġhom b’id qawwija u bi driegħ merfugħ. R/.

Hu feraq fi tnejn il-Baħar tal-Qasab,
u għadda lil Iżrael minn ġo nofshom.
Ġarraf il-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu fil-Baħar tal-Qasab. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
2 Kor 5, 19

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad.
Mt 12, 14-21

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, il-Fariżej ħarġu u bdew jiftiehmu bejniethom kontra Ġesù, kif se jeqirduh. Ġesù sar jaf b’dan u telaq minn hemm. Ħafna nies marru warajh u fejjaqhom kollha, u ordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal:
“Ara l-Qaddej tiegħi li jiena ħtart,
l-għażiż tiegħi li bih ruħi tgħaxxqet!
Jien inqiegħed l-Ispirtu tiegħi fuqu
u hu jxandar il-ġustizzja lill-ġnus.
Ma jiksirha ma’ ħadd,
ma jgħollix leħnu
u ħadd ma jisma’ leħnu fil-pjazez.
Qasba mġelġla ma jiksirhiex,
u musbieħ inemnem ma jitfihx,
sa ma jwassal il-ġustizzja għar-rebħa,
u f’ismu jittamaw il-ġnus”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading