Illum il-Knisja tfakkar il-Martirju ta’ San Ġwann il-Battista

Print Friendly, PDF & Email

Fid-29 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar il-Martirju ta’ San Ġwann il-Battista.

San Ġwann il-Battista twieled f’Ain-Karin, ħdejn Ġerusalemm. Missieru kien Żakkarija, qassis f’Ġerusalemm. Ommu kienet Eliżabetta, kuġina tal-Verġni Marija.

Sakemm kellu madwar 30 sena għex bħala eremita fid-deżert tal-Ġudea. Imbagħad ħareġ jipprieTka matul ix-xtut tal-Ġordan u jtenni:  “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” (Mattew 3:2)

Ħafna nies kienu jmorru jisimgħuh, li wara, uħud minnhom saru dixxipli ta’ Ġesù.

Kellu l-unur kbir li jgħammed lil Ġesù, u jurih lin-nies bħala l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

Ġwanni kien ikkundanna ż-żwieġ ta’ Erodi Antipa ma’ Erodja li kienet il-mara ta’ ħuh. Fuq hekk Erodi arrestah u tefgħu l-ħabs. Iżda Erodja ma kinetx kuntenta b’hekk. Kienet tfittex li toqtlu. Ġietha x-xoqqa f’moxtha meta Erodi, f’jum għeluq sninu għamel ikla li għaliha stieden il-kbarat tal-pajjiż, u bint Erodja, Salome, tant għoġbitu biż-żifna li għamlet quddiemu, li ħalfilha li kien lest jagħtiha kulma titolbu mqar nofs is-saltna. Imġiegħla minn ommha, it-tfajla qaltlu: “Agħtini issa stess ras Ġwanni l-Battista fuq platt.”(Mattew 14:8)

Erodi sewwed qalbu għal din it-talba, iżda biex ma jiksirx kelmtu quddiem il-mistednin, bagħat suldat biex iwettaq dak li xtaqet it-tfajla.

Il-mewt ta’ San Ġwann ġrat madwar sena qabel dik tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. (Mattew 14:3-12; Mark 6:17-29; Luqa 3:1-20, 9:7-9)

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply