Lezzjoni II: San Winċeslaw


28 ta’ Settembru – San Winċeslaw – Martri

TIFKIRA

San Winċislaw twieled fil-Boemja għall-ħabta tas-sena 907, u trabba minn oħt missieru. Madwar is-sena 925 laħaq duka. Ltaqa’ ma’ ħafna twegħir fit-tmexxija tas-sudditi tiegħu u l-ħarsien tal-fidi tagħhom. Ħuh Boleslaw qarraq bih, u waqa’ f’idejn nies ta’ qattagħni li qatluhfis-sena935. L-insara minnufih żammewh bħala martri, hu l-patrun prinċipali tal-Boemja.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari minn Leġġenda Slava antika.

Sultan li jagħmel ħaqq bis-sewwa lill-imsejknin, iwettaq saltnatu għal dejjem

Wara l-mewt ta’ Vratislaw, missieru, il-Boemi għażlu ‘l Winċislaw bħala prinċep tagħhom. Għall-grazzja ta’ Alla kien bnieem ta’ fidi sħiħa. Kien jagħmel il-ġid lill-foqra kollha, ilibbes lill-għarwenin, jitma lil min  hu bil-ġuħ u jilqa’ lill-barranin, skont it-tagħlim tal-Evanġelju. Ma kienx jaħmel jara lir-romol maħqura; kien iħobb lill-bnedmin kollha, fqar u għonja; kien jaqdi lill-qaddejja ta’ Alla u għammar bosta knejjes.

Iżda xi rġiel Boemi, minfuħa bihom infushom, marru għand ħuh iż-żgħir, Boleslaw, u waħħlulu f’rasu li ħuh Winċislaw kien qiegħed jiftihem ma’ ommu u mal-qaddejja tiegħu biex joqtlu.

Darba kienet se ssir il-festa tat-tifkira tad-dedikazzjoni tal-knejjes fl-ibliet kollha , u Winċislaw mar iżur dawn l-ibliet. Il-Ħadd, nhar San Kosma u San Damjan, daħal fil-belt ta’ Boleslavja u, wara li sema’ l-quddies, ried jerġa’ lura lejn Praga. Imma ħuh , Boleslaw , żammu għall-ħsieb ħażin ta’  moħħu. U qallu: ‘’X’sejjer tagħmel , ħi?’’ Meta sebaħ l-għada, daqqaew il-qniepen għat-talb ta’ fil-għodu. Winċislaw, kif semagħha qal: ‘’Tifħir lilek Mulej, li żammejtni ħaj sa din l-għodwa.‘’  Qam u mar għat-talb ta’ fil-għodu.

Minnufih Boleslaw mar jilħqu fil-bieb. Winċislaw ħares lejh u qallu: ‘’Ħi, il-qaddej ġieb ruħu tajjeb magħna lbieraħ.’’ Imma x-xitan fesfes f’widnejn Boleslaw u ħażżinlu qalbu. Dan silet is-sejf, u wieġeb lil ħuh u qallu: ‘’ Issa jmiss lili li nġib ruħi aħjar miegħek.’ U tah daqqa ta’ sejf fuq rasu.

Winċislaw dar lejh u qallu: ‘’X’se tagħmel , ħi?’’

Qabdu, xeħtu mal-art, u baqa’ jżommu. Imma resaq wieħed mill-kusillieri ta’ Boleslaw u ta daqqa lil Winċislaw fuq idu . Dan, b’idu miġruħa, telaq lil ħuh u mar jiġri lejn il-knisja. Iż-żewġ ħżiena laħquh u qatluh fil-bieb tal-knisja. Resaq ieħor ukoll, u nifidlu ġenbu bis-sejf. Winċislaw qal: F’idejk , Mulej jien nerħi ruħi, u minnufih ruħu ħarġet.

RESPONSORJU                                                                                             ara Hos 14:6; Salm 91(92):3a. 14

1. Il-ġust jiftaħ qisu ġilju,* Ifewwaħ għal dejjem qudiem il-Mulej.

2. Jitħawwel f’dar il-Mulej, u jħaddar fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna. * Ifewwaħ għal dejjem qudiem il-Mulej.

Talba

O Alla, int għallimt lill-martri San Winċislaw biex aktar jagħżel is-saltna tas-sema milli saltna tal-art. Bit-talb tiegħu agħtina li niċħdu lilna nfusna u ningħaqdu miegħek b’qalbna kollha . B’Ibnek.