Fil-31 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil San Adju, Isqof ta’ Lindesfarne li miet fis-sena 651.
San Adju, li ddefenda bil-qawwa l-prattiki Ċeltiċi kontra l-impożizzjonijiet Rumani, twieled fl-Irlanda (dak iż-żmien l-Iskozja) fis-7 seklu. Bħala patri fil-monasteru mwaqqaf minn San Kolumbjanu fil-gżira ta’ Iona, huwa kien famuż għall-axxetiżmu strett tiegħu.
Meta r-re qaddis Oswaldu tal-Umbrija ta’ Fuq ried jikkonverti l-poplu tiegħu għall-kristjaneżmu, huwa dar fuq il-patrijiet Ċeltiċi ta’ Iona, aktar milli lejn il-kleru Ruman ta’ Canterbury. L-ewwel isqof li ntbagħat biex imexxi din il-missjoni, wera li kien inutli, għaliex gerrex lin-nies billi kien aħrax magħhom. Imma huwa qal li l-missjoni tiegħu falliet minħabba d-dispożizzjonijiet ostili tal-poplu Ingliż. San Adju sostna li kien l-isqof li kellu tort, u mhux l-Ingliżi. Minflok kellu jkun iebes ma’ poplu li kien għadu fl-injoranza, kellu jisqiehom il-ħalib aktar milli l-ikel solidu. (kliem San Pawl fl-1Korintin 3:2). Imbagħad l-isqof intbagħat lura, u nstab kandidat ideali biex joħodlu postu.
San Adju ġie kkonsagrat isqof u mibgħut fl-Umbrija ta’ Fuq biex jieħu ħsieb din il-missjoni. Ir-re Oswaldu tah il-gżira ta’ Lindisfarne qrib ir-residenza rjali ta’ Bamburg għall-episkopat tiegħu. San Adju waqqaf ukoll il-monasteru famuż ta’ Lindisfarne fis-sena 635.
San Bedju, fid-dokument tiegħu, ‘L-Istorja Ekkleżjastika tal-Poplu Ingliż,’ ifaħħar lil Adju għall-umiltà u t-tjubija tiegħu, filwaqt li rrakkomandah bħala mudell għall-isqfijiet u s-saċerdoti kollha suċċessivi. Hu ma kienx marbut mal-affarijiet tad-dinja, u lanqas kien ifittex r-rikkezzi tagħha. Meta kien jirċievi xi rigali mingħand ir-re jew mingħand nies sinjuri, huwa kien iqassamhom lill-foqra. Kull nhar ta’ Erbgħa u Ġimgħa kien isum u ma jiekol xejn sat-tlieta ta’ wara nofsinhar, minbarra fil-perjodu tal-Għid.
Minn Lindisfarne, San Adju kien jivvjaġġa madwar l-Umbrija ta’ Fuq kollha, biex iżur lill-merħla tiegħu u jistabilixxi missjonijiet. Fis-snin meta kien jevanġelizza, Adju kien responsabbli għall-kostruzzjoni ta’ knejjes, monasteri u skejjel. Fl-istess ħin, hu ħa reputazzjoni kbira ta’ wieħed li jagħmel karità u ta’ dak li hu dedikat lejn il-batut – bħal jipprovdi kamra, għejxien u edukazzjoni lill-orfni u jagħmel użu minn kontribuzzjonijiet biex jifdi l-ħajja tal-ilsiera. San Oswaldu, li kien jaf il-lingwa miż-żmien meta hu u l-familja tiegħu kienu eżiljati f’Iona, għamilha ta’ interpretu lill-isqof Adju, li ma kienx jitkellem bl-Ingliż. Għalhekk, ir-re kellu rwol attiv fil-konverżjonijiet ta’ niesu.
Sena minnhom, wara li attenda servizz f’Pascha, ir-re Oswaldu poġġa biex jiekol mal-isqof Adju. Fil-mument meta l-isqof kien wasal biex ibierek l-ikel, daħal qaddej u informa lir-re li kien hemm numru kbir ta’ nies foqra jittalbu l-karità. Ir-re ordna li l-ikel tiegħu stess jiġi servut lill-foqra fuq platti tal-fidda, u li wara, dawn il-platti jiġu maqsuma f’biċċiet u mogħtija lilhom. Hemm illustrazzjoni sabiħa ta’ dan l-inċident fit-13-il seklu Berthold Missal fil-Librerija Pierpont Morgan f’New York. Adju, li kien imqanqal bil-bosta b’dan il-ġest ta’ karità tar-re, qabdu minn idu l-leminija u qal: “Jalla din l-id qatt ma tintilef.” Skont it-tradizzjoni, id San Oswaldu baqgħet intatta għal sekli twal wara mewtu. San Bedju jgħid li din l-id inżammet fil-knisja ta’ San Pietru f’Bamburgh, fejn kienet meqjuma minn kulħadd. Illum din l-id, ma jafux x’sar minnha.
San Oswaldu miet f’battalja kontra l-forzi tar-re f’Penda fil-5 t’Awwissu tas-sena 642 f’post jismu Maserfield. Kien għad għandu biss 38 sena. San Adju tnikket ħafna bil-mewt tiegħu, imma San Oswinu li ħadlu postu, kien ukoll bniedem għal qalbu.
Ir-re Oswinu darba ta żiemel u karrettun lil Adju biex ikun jista’ jivjaġġa (għax kien jivjaġġa bil-mixi). Wara ftit taż-żmien, l-isqof Adju ltaqa’ ma’ tallab u tah kemm iż-żiemel, kif ukoll il-karrettun. Ir-re sema’ x’ġara, u ma tantx ħa gost b’dan. Hu staqsa lil San Adju għaliex kien ta dan ir-rigal rjali lil tallab, meta fl-istalla kien hemm żwiemel aktar addattati għat-tallaba. Adju ċanfru, filwaqt li staqsa lir-re jekk kienx iqis liż-żiemel oħla fil-ġieħ mill-Iben t’Alla (Adju qies ix-xbieha t’Alla f’dak it-tallab). Għall-bidu, ir-re ma fehemux. Imbagħad niżel f’riġlejn l-isqof, jibki dmugħ ta’ ndiema u filwaqt li talbu maħfra, Oswinu wiegħed li qatt iżjed ma kien se jiġġudika l-għemejjel ta’ karità ta’ Adju.
San Adju qajjem lir-re fuq riġlejh, u stqarr li qatt ma kien ra re daqshekk umli. Hu pprofetizza li Oswinu ma kienx se jdum wisq f’din il-ħajja, għax in-nies ma kienx jixraqilhom re ta’ dan it-tip. Il-profezija seħħet ftit taż-żmien wara, meta San Oswinu ġie maqtul f’Gilling fl-20 t’Awwissu tas-sena 651.
San Adju mar għand il-Mulej fil-31 t’Awwissu, inqas minn ġimagħtejn wara. Hu miet f’Bamburgh, iserraħ mal-ġenb tal-knisja fuq in-naħa tal-punent. Il-kolonna li serraħ magħha biex iwieżen lilu nnifsu, għada teżisti sal-lum, minkejja li l-knisja ġiet meqruda darbtejn, kawża ta’ nirien. Wieħed għadu jista’ jaraha fis-saqaf tal-knisja preżenti, fuq il-fonti tal-Magħmudija.
F’dak il-jum li San Adju miet, San Kurbert kien għadu daqsxejn ta’ żagħżugħ jirgħa n-nagħaġ ta’ missieru. Meta ħares ‘il fuq, ra viżjoni ta’ anġli jtellgħu fis-sema, ir-ruħ ta’ xi ħadd, f’ballun tan-nar. Aktar tard, sar jaf li l-isqof Adju kien miet f’dik l-istess siegħa li hu kien ra l-viżjoni.
Għall-ewwel, l-isqof qaddis Adju ġie midfun f’Lindisfarne fuq in-naħa tal-lemin tal-altar tal-knisja ta’ San Pietru. Fis-sena 664, is-Sinodu ta’ Whitby iddikjara li l-knejjes kollha tal-Brittanja kellhom isegwu l-prattiki Rumani, u li l-użanzi Ċeltiċi kellhom jitwaqqfu. San Kolmu, it-tielet isqof ta’ Lindisfarne, ma setax jaċċetta din id-deċiżjoni. Għalhekk, iddeċieda li jirtira f’Iona, filwaqt li ħa miegħu l-għadam ta’ San Adju . L-użanzi Ċeltiċi baqgħu jiġu pprattikati f’Iona sat-8 seklu.